SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
7 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 15 sa 17 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli – Monopolju”
Fil-Kawża C‑171/17,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-5 ta’ April 2017,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bin-nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló 2011. évi CC. törvény (Magyar Közlöny 2011/164) (il-Liġi Nru CC tal-2011 dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru CC”) u bit-356/2012. (XII. 13.) Korm. rendelet a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló törvény végrehajtásáról (id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jimplimenta l-Liġi dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 356/2012), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu l5(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll, sussidjarjament, taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
Il-premessi 8, 17, 70 u 72 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
3 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistipula: “[…] 2. Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas [il‑]privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi. 3. Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli [tal-Unjoni] dwar il-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi [tal-Unjoni], x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:
[…]” |
|
5 |
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rekwiżit” bħala “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom”. |
|
6 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati” jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet. 2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji: […]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti. L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu. L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:
|
|
8 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Artikolu 16 ta’ din tal-aħħar ma għandux japplika għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fl-oqsma msemmija f’dan il-punt 1 tal-Artikolu 17. |
B. Id-dritt Ungeriż
1. Il-Liġi Nru CC
|
9 |
Il-Liġi Nru CC emendat il-qafas legali tas-servizzi ta’ ħlas mobbli b’effett mill-1 ta’ April 2013, iżda b’effett obbligatorju biss mit-2 ta’ Lulju 2014. |
|
10 |
L-Artikolu 1(d) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet: […]
|
|
11 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Jitqies li huwa servizz suġġett għal kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli
|
|
12 |
L-Artikolu 3 tal-istess liġi jipprevedi: “(1) Il-fornitur huwa obbligat li jiggarantixxi l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – ħlief għas-servizz ikkontemplat fl-Artikolu 2(d) – permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli. (2) Il-fornitur jissodisfa l-obbligu li għandu taħt il-paragrafu 1 billi juża s-sistema nazzjonali uniformi (iktar ’il quddiem is-‘sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli’) użata mill-organu nnominat mill-gvern (iktar ’il quddiem l-‘organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli’)
(3) Jekk il-fornitur jikkummerċjalizza s-servizz imsemmi fl-Artikolu 2(d) permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli, huwa jista’ jipproċedi b’dik il-kummerċjalizzazzjoni biss billi jirrikorri għas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli. (4) It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa servizz pubbliku li fuqu l-Ministru għall-Informatika u l-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jikkonkludu bejniethom ftehim ta’ servizz pubbliku. (5) It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa attività ekonomika esklużiva tal-Istat, li l-organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli jmexxi mingħajr ma jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni. […]” |
2. Id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012
|
13 |
Id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2013, jinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru CC. |
|
14 |
L-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet jipprevedi: “(1) Ħlief jekk jiġi pprovdut mod ieħor, it-tariffa li għandu jħallas il-klijent bħala tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli tikkorrispondi għat-tariffa li l-klijent ikollu jħallas kieku jkun xtara s-servizz mingħajr ma juża s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli. Il-fornitur jista’ jinkoraġġixxi l-akkwist tal-provvista bħala prodott ta’ ħlas mobbli permezz ta’ tnaqqis fil-prezz. (2) Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont il-paragrafu 1, il-klijent iħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat iktar ’l isfel, għas-servizzi indikati:
[…] (3) L-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jitlob it-tariffa għall-kumdità – jekk iseħħ l-akkwist tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – lill-klijent fl-istess żmien bħat-tariffa li tikkorrispondi għas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 24/A(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi: “Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont l-Artikolu 8(1), min jagħmel bejgħ mill-ġdid għandu jħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat hawn isfel, għas-servizzi indikati:
|
|
16 |
L-Artikolu 31 tal-istess digriet jikkonċerna t-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej: “It-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid hija kkalkolata abbażi tal-ammont eskluża [t-taxxa fuq il-valur miżjud] tat-tariffa li għandu jħallas klijent skont l-Artikolu 8(1) u ffissata fir-rata ta’:
|
II. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17 |
Fl-14 ta’ Diċembru 2012, filwaqt li kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 kienet se twassal għat-tħaddim, minn impriża unika, ikkontrollata mill-Istat, ta’ sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, li l-użu tagħha huwa obbligatorju, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura “EU Pilot” Nru 4372/12/MARK, li fil-kuntest tagħha hija bagħtet lill-Ungerija talba għal informazzjoni. L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu għal din it-talba fit-22 ta’ Frar 2013. |
|
18 |
Wara li qieset din it-tweġiba bħala insuffiċjenti u wara li kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3(2) sa (5) tal-Liġi Nru CC, l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll taħt l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Novembru 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dak l-Istat Membru. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2014, l-Ungerija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. L-ewwel nett hija sostniet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tas-SIEĠ, li l-Kummissjoni tista’ tikkontesta biss f’każ ta’ żball manifest. Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni hija SIEĠ peress li hija għandha ċerti karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ attivitajiet ekonomiċi ordinarji, peress li hija aċċessibbli għal kulħadd u peress li l-forzi tas-suq waħedhom ma kinux waslu sabiex jipprovdu dan is-servizz b’mod sodisfaċenti. It-tieni nett, bis-saħħa ta’ standardizzazzjoni li tippermetti l-uniformizzazzjoni, l-individwalizzazzjoni u l-interoperabbiltà, l-Ungerija tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tas-sistemi ta’ ħlas mobbli, li ġew iddefiniti b’mod partikolari mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha intitolata “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”. [KUMM(2011) 941 finali]. It-tielet nett, huwa fl-interess ġenerali, u mhux għal raġunijiet ekonomiċi, li dak l-Istat Membru eskluda s-servizzi offruti mill-pjattaforma inkwistjoni mill-kompetizzjoni. Il-ħlas mobbli fil-post tal-parkeġġ għaldaqstant huwa l-uniku mod ta’ ħlas li jippermetti kalkolu tat-tariffa li tikkorrispondi għat-tul reali ta’ pparkjar. Ir-raba’ nett, il-fornituri privati li kienu joffru dan is-servizz qabel ma ġarrbu ebda telf li dak l-Istat Membru huwa obbligat li jikkumpensa, billi dawn jistgħu jkomplu joperaw bl-istess mod, bħala bejjiegħa mill-ġdid, l-imsemmija pjattaforma u l-infrastruttura li huma kienu stabbilixxew. Il-ħames nett, huwa biss permezz ta’ pjattaforma ċentrali, nazzjonali u bbażata fuq dritt esklużiv li huwa possibbli li jiġi offrut servizz uniformi u ggarantit lill-klijenti. Is-sitt nett, l-Ungerija ssostni li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni topera bħala monopolju li jipprovdi servizzi. Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, tali monopolju ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
20 |
Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija żammet ferma l-pożizzjoni espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. L-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata b’ittra datata 19 ta’ Settembru 2014, billi tenniet, essenzjalment, l-osservazzjonijiet li hija kienet ressqet fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Jannar 2014. |
|
21 |
Peress li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tal-awtoritajiet Ungeriżi, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
III. Fuq ir-rikors
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
22 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, mill-1 ta’ Lulju 2014, Nemzeti Mobilfizetési Zrt., li hija kompletament proprjetà ta’ Magyar Fejlesztési Bank, u permezz tagħha, hija kompletament proprjetà tal-Istat Ungeriż, hija responsabbli mit-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, li l-użu tagħha hija obbligatorja f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni, jiġifieri l-parkeġġi pubbliċi, il-provvista ta’ netwerk ta’ toroq għal finijiet ta’ trasport, it-trasport ta’ persuni minn impriża Statali u s-servizzi l-oħra offruti minn organu Statali. |
|
23 |
Il-Kummissjoni tispjega li l-Liġi Nru CC ħolqot monopolju nazzjonali għas-servizzi ta’ ħlas mobbli, sa fejn Nemzeti Mobilfizetési Zrt. tgawdi dritt esklużiv sabiex tikkonkludi kuntratti mal-operaturi ta’ parkeġġi kif ukoll sabiex tbigħ id-dritt għall-użu tan-netwerk ta’ toroq. Minn dan jirriżulta ostakolu għad-dħul fis-suq bl-ingrossa tal-ħlasijiet mobbli, li qabel kien miftuħ għall-kompetizzjoni. |
|
24 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li minħabba din in-natura restrittiva, il-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jistabbilixxu sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli jiksru l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123. Sussidjarjament, hija tqis li din l-istess leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. |
B. Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli
1. L-argumenti tal-partijiet
|
25 |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, il-Kummissjoni tiċħad il-pożizzjoni sostnuta mill-Ungerija matul il-proċedura prekontenzjuża, li tgħid li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni saret SIEĠ li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 1(2) u (3) tagħha. |
|
26 |
L-ewwel nett, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, teskludi minn din id-direttiva biss is-SIEĠ u l-monopolji diġà eżistenti. Madankollu, il-Liġi Nru CC tat dritt esklużiv lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva. |
|
27 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-Ungerija li tgħid li s-servizz ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEĠ. Madankollu, anki fil-każ li dan is-servizz jista’ jkun hekk ikklassifikat, id-Direttiva 2006/123 tkun applikabbli, kif jikkonferma l-fatt li hija tipprevedi ħafna salvagwardji u eċċezzjonijiet għas-SIEĠ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma japplikax għas-SIEĠ ipprovduti fi Stat Membru ieħor, skont il-punt 1 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, jekk jiġi stabbilit li servizz, bħal dak inkwistjoni, huwa SIEĠ, l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 jibqa’ applikabbli għalih, bħalma jibqgħu applikabbli għalih l-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
|
28 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2006/123 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, permezz tal-Artikolu 2(a) u (i) tagħha, “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” u “attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali”. Madankollu, l-Ungerija ma ċaħditx li s-servizz inkwistjoni jikkostitwixxi attività ekonomika u lanqas ma kkunsidrat li dan is-servizz jaqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
|
29 |
Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, anki jekk is-servizz ikkonċernat, għal kwalunkwe raġuni, kellu effettivament jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkollha madankollu tosserva l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. |
|
30 |
L-Ungerija ssostni li la d-Direttiva 2006/123 u lanqas l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma japplikaw f’dan il-każ. |
|
31 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jikkostitwixxi SIEĠ. L-Ungerija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali kif ukoll l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, id-definizzjoni tal-attivitajiet li huma kkunsidrati li jikkostitwixxu SIEĠ taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-Ungerija tfakkar, barra minn hekk, b’riferiment għal ċerti komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li l-eżistenza ta’ SIEĠ tirrikjedi l-preżenza ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li s-servizz għandu jkun fih karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-attivitajiet ekonomiċi l-oħra li jippermettulu li jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi SIEĠ, li s-servizz ikunu aċċessibbli għal kulħadd, u li l-forzi tas-suq waħedhom ma jirriżultawx fi provvista sodisfaċenti ta’ dan is-servizz. |
|
32 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li t-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta. |
|
33 |
Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-Ungerija tindika li s-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni huwa marbut mal-użu ta’ servizzi pubbliċi, u l-Istat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi b’mod uniformi, komdu, immedjat u affordabbli, irrispettivament mill-post tal-użu. Huwa għalhekk għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li l-Ungerija ħolqot sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli. |
|
34 |
L-Ungerija ssostni wkoll li l-ħlas mobbli tat-tariffi tal-parkeġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala servizz “ta’ kumdità”, kif issostni l-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huwa jikkostitwixxi l-unika soluzzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti, sa fejn dan il-mezz ta’ ħlas jippermetti l-kalkolu tal-ammont tat-tariffa korrispondenti għat-tul reali ta’ pparkjar. Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 188), jirriżulta li l-provvisti “ta’ lussu” jistgħu jiġu ddefiniti bħala SIEĠ. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, rigward it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-Ungerija ssostni li s-sistema preċedenti ma kinitx tippermetti funzjonament sodisfaċenti tas-suq għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa mill-ġdid, kemm f’termini ta’ kundizzjonijiet tas-suq jew ta’ kopertura ġeografika. Għalhekk, dan l-Istat Membru jindika, b’mod partikolari, li, qabel l-implimentazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, 23 operatur ta’ parkeġġi ma kinux joffru l-ħlas mobbli, tant li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ikbar operatur tas-suq, EME Zrt., kien preżenti matul is-sena 2012 f’90 % tal-parkeġġi pubbliċi, hija ineżatta. |
|
36 |
Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija maħsuba biex timla l-lakuni tal-funzjonament preċedenti tas-suq. Il-mira tagħha hija, minn naħa, l-implimentazzjoni ta’ kopertura tat-territorju nazzjonali sħiħ u, min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tal-pjattaforma teknika mill-Istat Ungeriż, bl-aħjar mod mill-aspett ta’ spejjeż u bl-iktar mod uniformi possibbli. Il-funzjonament tajjeb ta’ sistema uniformi u interoperabbli jkun jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ pjattaforma unika li l-ħolqien tagħha jkun possibbli biss b’mod iċċentralizzat, peress li l-operaturi ma jistgħux jimplimentaw pjattaforma bħal din u ma għandhomx interess li jagħmlu dan. |
|
37 |
It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għal SIEĠ, l-Ungerija tosserva li din id-direttiva sempliċement tipprovdi li hija ma tobbligax lill-Istati Membri jilliberalizzaw is-SIEĠ. Hija ma tipprovdix li hija ma tobbligax lill-Istati Membri li jilliberalizzaw is-SIEĠ “eżistenti”. L-argument tal-Kummissjoni invokat f’dan ir-rigward iġib fix-xejn id-dritt tal-Istati Membri li joħolqu xi SIEĠ. |
|
38 |
Għaldaqstant, l-Ungerija żżomm il-pożizzjoni tagħha li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, is-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Raġuni oħra li għaliha l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli hija bbażata fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, din ma tindirizzax l-abolizzjoni tal-monopolji ta’ servizzi. |
|
39 |
Fi kwalunkwe każ, anki li kieku d-Direttiva 2006/123 hija applikabbli, sa fejn is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni hija SIEĠ, ikun meħtieġ li, skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 15(2)(d) tagħha, invokat mill-Kummissjoni, u dan peress li l-applikazzjoni tiegħu tfixkel it-twettiq tal-kompitu li ġie fdat lil din is-sistema nazzjonali. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
40 |
Sa fejn ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat, prinċipalment, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hemm lok li, fl-ewwel lok, tingħata risposta għall-argument tal-Ungerija li jgħid li din id-direttiva ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 1(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, sabiex, fit-tieni lok, jiġi evalwat jekk l-Artikoli 15 u 16 tagħha humiex applikabbli għas-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni. |
a) Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123
|
41 |
Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/123, din tal-aħħar ma tkoprix il-liberalizzazzjoni tas-SIEĠ, irriżervati għal entitajiet pubbliċi jew privati, u lanqas ma tkopri l-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu s-servizzi. Mill-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta wkoll li din ma tkoprix l-abolizzjoni tal-monopolji li jipprovdu servizzi u lanqas ma tkopri l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw biss sa fejn l-attivitajiet inkwistjoni huma miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod illi dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jilliberalizzaw is-SIEĠ jew jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li joffru tali servizzi, jew jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni. |
|
43 |
Minn dan isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandu l-għan li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss is-SIEĠ, irriżervati għal entitajiet pubbliċi jew privati, jew il-monopolji li, kuntrarjament għal dawk stabbiliti bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, kienu jeżistu fid-data li fiha l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ. |
|
44 |
Barra minn hekk, jekk huwa minnu li l-Artikolu 2(2)(a) u (i) tal-istess direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, huwa paċifiku li s-servizz inkwistjoni ma jaqa’ taħt ebda waħda minn dawn il-kategoriji. |
|
45 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija, ibbażati fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123, il-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. |
b) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123
|
46 |
Sa fejn il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 tmur kontra l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Ungerija, is-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jistax jiġi kklassifikat bħala SIEĠ. |
|
47 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2006/123 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għas-SIEĠ, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 15(4) tagħha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 tagħha. |
|
48 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jkun qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet tal-utenti. |
|
49 |
Għalhekk, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ tagħhom b’kont meħud b’mod partikolari tal-għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 69 u 70). |
|
50 |
B’mod partikolari, fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123, din is-setgħa diskrezzjonali ġiet ikkonfermata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala SIEĠ, il-mod ta’ kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu suġġetti għalihom. |
|
51 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, servizz jista’ jkun ta’ interess ekonomiku ġenerali meta dan l-interess ikollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ dak ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45; tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C‑209/98, EU:C:2000:279, punt 75, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punti 71 u 72). |
|
52 |
Barra minn hekk, il-premessa 70 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEĠ, servizz għandu jiġi pprovdut fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat is-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni bħala SIEĠ. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi li fuqhom din l-istituzzjoni tibbaża ruħha ma humiex biżżejjed biex iċaħħdu din il-klassifikazzjoni mill-plawżibbiltà tagħha. |
|
54 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni essenzjalment issostni li, qabel il-ħolqien ta’ monopolju nazzjonali għas-servizzi ta’ ħlas mobbli, dawn is-servizzi kienu diġà offruti minn operaturi attivi fis-suq. Hija tqis li dan is-suq kien qed jaħdem b’mod sodisfaċenti, filwaqt li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċerti problemi, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ pjattaforma standardizzata u assenza ta’ interoperabbiltà. |
|
55 |
Madankollu, is-sempliċi fatt li servizz ikklassifikat bħala SIEĠ minn Stat Membru diġà huwa pprovdut minn operaturi preżenti fis-suq ikkonċernat ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din il-klassifikazzjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
56 |
Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni stess billi tirreferi għall-punt 48 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4), il-fatt li servizz ikun diġà pprovdut mis-suq, iżda f’kundizzjonijiet mhux sodisfaċenti u inkompatibbli mal-interess pubbliku, kif iddefinit mill-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ dan is-servizz bħala SIEĠ. |
|
57 |
Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fil-kuntest tal-marġni diskrezzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jqis li s-suq ma jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet ta’ kontinwità u ta’ aċċess għas-servizz kif iddefiniti minnu. |
|
58 |
Issa, f’dan il-każ, l-Ungerija ssostni li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, li hija tikklassifika bħala SIEĠ, għandha l-għan li jirrimedja l-inkapaċità tas-suq li jiżgura l-kopertura ta’ dan is-servizz fit-territorju nazzjonali kollu, f’kundizzjonijiet uniformi għal dawk kollha li jużaw dan is-servizz. Billi jkopri t-territorju nazzjonali kollu, is-servizz ta’ ħlas mobbli għandu t-tendenza li jkun aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha Ungeriża indipendentement mill-profittabbiltà marbuta mar-reġjun li jopera fih. Barra minn hekk, din is-sistema hija intiża sabiex tiżgura l-ħlas mobbli ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-parkeġġ pubbliku u t-trasport pubbliku ta’ persuni, u għalhekk jikkontribwixxi għall-issodisfar ta’ interess ekonomiku ġenerali. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, dan is-suq kien jaħdem b’mod sodisfaċenti u li x’aktarx ser jiżviluppa, mingħajr madankollu ma tipprovdi elementi ta’ natura li jsostnu dawn l-affermazzjonijiet. |
|
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element li jista’ juri li dan l-Istat Membru kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kklassifika lill-imsemmi servizz ta’ ħlas mobbli bħala SIEĠ. |
|
61 |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-libertà ta’ stabbiliment, il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża kkonċernata mad-Direttiva 2006/123 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, din id-dispożizzjoni ma teskludix awtomatikament is-SIEĠ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, dan l-Artikolu 15(4) jipprovdi li l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-imsemmi artikolu japplikaw għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-SIEĠ biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi u fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom. |
|
63 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma għandux japplika għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, hekk kif titlob il-Kummissjoni sussidjarjament, il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE. |
3. Fuq l-ilmenti invokati
a) L-argumenti tal-partijiet
|
64 |
Il-Kummissjoni tqis li l-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, b’applikazzjoni tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, jiksru l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 56 TFUE. |
|
65 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-effett restrittiv tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tħaddim ta’ din is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli saret monopolju tal-Istat, u jeskludi l-possibbiltà għall-fornituri l-oħrajn ta’ ħlas mobbli u ta’ telefonija mobbli milli jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq ikkonċernat. L-introduzzjoni ta’ din is-sistema għaldaqstant ixxekkel l-aċċess għas-suq bl-ingrossa tal-ħlas mobbli, indipendentement mill-modalitajiet ta’ provvista tas-servizz. |
|
66 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li wħud mill-elementi mressqa mill-Ungerija matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni tal-imsemmija sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-destinatarji ta’ servizzi kif ukoll il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-ġlieda kontra l-frodi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li dawn ir-raġunijiet ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC, għaliex dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti f’termini ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità. |
|
67 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-bżonn u tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li l-intervent tal-Istat Ungeriż ma kienx meħtieġ. Fil-fatt, in-natura mhux sodisfaċenti tal-funzjonament preċedenti tas-suq, kemm fil-qasam tal-parkeġġ pubbliku kif ukoll fil-qasam tal-provvista tan-netwerk tat-toroq għal skopijiet ta’ vjaġġar, bl-ebda mod ma ġiet ippruvata. Għalkemm il-Kummissjoni ma tiċħadx li l-istandardizzazzjoni jista’ jkollha ċerti vantaġġi għall-estensjoni tas-servizzi ta’ ħlas mobbli, hija madankollu ssostni li l-ħolqien ta’ monopolju tal-Istat ma kienx l-uniku u lanqas l-aħjar mod li bih seta’ jintlaħaq dan l-għan. |
|
68 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-intervent tal-Istat Ungeriż huwa sproporzjonat. Fil-fatt, miżuri oħra inqas restrittivi kienu ta’ natura li jsolvu l-problemi rrappurtati mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tal-funzjonament tas-suq. B’hekk, b’mod partikolari, l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà setgħu jintlaħqu permezz tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li tinżamm l-istruttura eżistenti tas-suq. Bl-istess mod, korp ġdid tal-Istat seta’ jiġi stabbilit, mingħajr ma jkollu drittijiet esklużivi. Kien ukoll possibbli li tiġi stabbilita sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat tal-pjattaforma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jew inkella li jinħoloq monopolju għal perijodu limitat biss. |
|
69 |
L-Ungerija ssostni li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma japplikawx. Barra minn hekk, is-sistema ta’ ħlas mobbli kkonċernata hija monopolju tal-Istat li għandu jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-Artikolu 37 TFUE, u mhux fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat FUE. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE huma applikabbli, l-Ungerija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx miksura. |
|
70 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-regoli dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli ma humiex diskriminatorji, peress li l-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 jinkludu regoli uniformi għall-fornituri kollha li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. L-Ungerija tispeċifika, f’dan ir-rigward, li huwa possibbli li l-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet tiġi invokata biss jekk l-impriżi huma suġġetti għal regoli differenti skont il-postijiet tal-oriġini tagħhom jew ta’ stabbiliment jew skont l-oriġini nazzjonali jew barranija. |
|
71 |
It-tieni nett, il-motivi mressqa mill-Ungerija bħala għan u ġustifikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi u t-tranżazzjonijiet kummerċjali ġusti jew il-ġlieda kontra l-frodi, ġew irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. |
|
72 |
It-tielet nett, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-imsemmija sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli kienu meħtieġa u jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
73 |
L-ewwel nett, l-Ungerija ssostni li, qabel l-1 ta’ Lulju 2014, is-suq ikkonċernat ma kienx qed jaħdem b’mod sodisfaċenti. It-territorju nazzjonali kollu ma kienx kopert u la kien hemm interoperabbiltà u lanqas operat f’forma ta’ pjattaforma. B’hekk, is-suq kien magħmul minn sistemi fframmentati u magħluqa. |
|
74 |
Barra minn hekk, skont l-Ungerija, l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija ta’ natura li tistimula l-kompetizzjoni u li tippermetti l-forniment ta’ servizzi sodisfaċenti. |
|
75 |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija tirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sistemi fframmentati li kienu jeżistu preċedentement jistgħu jiġu integrati permezz ta’ obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni, tal-kooperazzjoni jew tal-kompetizzjoni fis-suq, billi tindika li din is-suppożizzjoni ma hija kkorroborata minn ebda eżempju fuq il-livell internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru jenfasizza li, peress li s-servizz ikkonċernat jaqa’ taħt l-awtoritajiet lokali, kien ikollu jsir użu minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan kien ikollu bħala effett, minn naħa, li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ħlas mobbli tal-ipparkjar kienet isseħħ biss f’postijiet fejn il-fornitur seta’ jistenna li jikseb dħul kbir, b’tali mod li l-kopertura tat-territorju nazzjonali kollu ma kinitx tkun tista’ tiġi assigurata, u, min-naħa l-oħra, li l-fornituri differenti kienu jingħataw il-kuntratti mid-diversi awtoritajiet lokali, li kien iwassal għal assenza totali ta’ interoperabbiltà. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
1) Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123
|
76 |
Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri huma obbligati jeżaminaw jekk is-sistema ġuridika tagħhom tipprevedix rekwiżit wieħed jew uħud mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva u, jekk dan ikun il-każ, jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 129). |
|
77 |
Fl-ewwel lok, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “rekwiżit”, li jinsab fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123, għandu jinftiehem bħala li jkopri, b’mod partikolari “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 119). |
|
78 |
Fost ir-rekwiżiti li għaldaqstant għandhom jiġu evalwati hemm, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, dawk li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi minħabba n-natura speċifika tal-attività kkonċernata u li la huma relatati mal-kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2005/36 u lanqas previsti fi strumenti tal-Unjoni oħrajn. |
|
79 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 tikkostitwixxi rekwiżit, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, huwa paċifiku li din is-sistema tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., permezz tal-istabbiliment ta’ monopolju għall-benefiċċju ta’ din l-impriża pubblika, mingħajr ma dan il-monopolju jkun jikkostitwixxi rekwiżit relatat mal-kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2005/36 jew rekwiżit previst fi strumenti tal-Unjoni oħrajn. |
|
80 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura nondiskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, liema rekwiżiti ma jistgħux ikunu diskriminatorji direttament jew indirettament skont in-nazzjonalità jew, fil-każ tal-kumpanniji, skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tieni nett, in-natura neċessarja tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, peress li l-imsemmija rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw it-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dak l-għan jintlaħaq, u miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma għandhomx ikunu jistgħu jwasslu għall-istess riżultat. |
|
81 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rekwiżit stabbilit bil-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 ma huwiex ta’ natura li jissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ miżuri inqas vinkolanti biex jintlaħaq l-għan imfittex. |
|
82 |
Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Ungerija rrikonoxxiet li kien hemm miżuri inqas vinkolanti u restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment minn dawk li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC u mid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-Gvern Ungeriż bħal, pereżempju, sistema ta’ konċessjonijiet ibbażata fuq proċedura miftuħa għall-kompetizzjoni minflok il-monopolju mogħti lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt.. |
|
83 |
Peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 huma kumulattivi, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 69 u 90). |
|
84 |
Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123, il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu japplikaw għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-SIEĠ biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom. |
|
85 |
F’dan il-kuntest, l-imsemmi Artikolu 15 għaldaqstant għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rekwiżit, fis-sens tal-paragrafu (2)(d) tiegħu, sakemm l-imsemmi rekwiżit huwa neċessarju għat-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli, tal-kompitu partikolari ta’ servizz pubbliku inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 76, u tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 29). |
|
86 |
Issa, f’dan ir-rigward, għalkemm il-Gvern Ungeriż jinvoka l-fatt li s-servizz nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolat bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 jikkostitwixxi SIEĠ, dan il-gvern ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien jikkunsidra li t-twettiq tal-kompitu partikolari li dan is-servizz kien responsabbli għalih kien jeħtieġ il-ħolqien ta’ monopolju li jagħti drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., minkejja li huwa ammetta li kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi milli l-istabbiliment ta’ dan il-monopolju, ta’ natura li jippermettu t-twettiq ta’ dan il-kompitu, u b’hekk irrenda impossibbli l-istħarriġ, anki wieħed marġinali, mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
87 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jintlaqa’. Għalhekk, ma hemmx lok li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE jiġi eżaminat. |
2) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 56 TFUE
|
88 |
L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed pubbliku jew privat, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li tkun trid tilħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
90 |
F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi mressqa mill-Gvern Ungeriż sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-għoti ta’ monopolju lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., hemm lok li jiġi kkonstatat li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-miżura kkonċernata tidher, fi kwalunkwe każ, sproporzjonata, peress li huwa paċifiku li kien hemm miżuri inqas vinkolanti u restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dawk li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC u mid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. |
|
91 |
Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li jgħid li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-istabbiliment tas-sistema ta’ ħlas mobbli inkwistjoni ma jaqax taħt l-Artikolu 56 TFUE minħabba li din is-sistema tikkostitwixxi SIEĠ, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ SIEĠ huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-kompitu partikolari mogħti lilhom. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) TFUE li għandu juri li l-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Gvern Ungeriż ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien jikkunsidra li t-twettiq tal-kompitu partikolari li s-servizz ikkonċernat huwa responsabbli għalih kien jeħtieġ il-ħolqien ta’ monopolju permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., minkejja li huwa ammetta li kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi milli l-istabbiliment ta’ dan il-monopolju, ta’ natura li jippermettu t-twettiq ta’ dan il-kompitu. |
|
94 |
B’hekk jirriżulta li l-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-Artikolu 106(2) TFUE għandu jiġi miċħud. |
|
95 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tal-Artikolu 37 TFUE, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan l-artikolu jkopri l-kummerċ fil-merkanzija u għaldaqstant ma jistax jikkonċerna monopolju ta’ provvista ta’ servizzi li ma għandux effett fuq il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Sacchi, 155/73, EU:C:1974:40, punt 10, u tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, EU:C:1988:225, punt 10). |
|
96 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE jintlaqa’. |
|
97 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u taħt l-Artikolu 56 TFUE. |
|
98 |
Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
99 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u l-Ungerija tilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.