|
25.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 48/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 151/2010
tat-22 ta’ Frar 2010
li jittermina r-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 9(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Bir-Regolament (KE) Nru 260/2007 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għat-tliet kumpaniji b’dazji individwali, id-dazji fis-seħħ ivarjaw minn 17 % sa 38.8 %. Id-dazju residwu huwa ta’ 63.5 %. |
1.2. Talba għal reviżjoni
|
(2) |
F’ Mejju 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku mingħand produttur esportatur wieħed ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. |
|
(3) |
It-talba tressqet minn Shandong Weldstone Tungsten Industry Co. Ltd. (“SWT” jew “l-applikant”). |
|
(4) |
L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li, fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-valuri normali kostrutti u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-marġini ta’ dumping deher li kien sostanzjalment inqas mil-livell eżistenti tal-miżura u li l-applikazzjoni kontinwata tal-miżura fil-livell eżistenti m’għadhiex neċessarja biex tpaċi d-dumping. |
1.3. Tnedija
|
(5) |
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż (“l-avviż ta’ tnedija”) ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), it-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata għall-eżami tad-dumping sa fejn jikkonċerna lill-SWT. Il-“prodott ikkonċernat” kien l-istess bħal dak stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2007, jiġifieri elettrodi tangstin għall-issaldjar, li fihom 94 % jew iktar piż ta’ tangstin, gћajr dawk miksuba sempliċement bit-tagћqid permezz tas-sћana, kemm jekk ikunu maqtugћa gћall-qies u kemm jekk le, li jaqgћu taħt il-kodiċi NM ex 8101 99 10 u ex 8515 90 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. |
|
(6) |
L-investigazzjoni għad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur bit-tnedija tal-investigazzjoni tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ tnedija. |
2. L-IRTIRAR TAT-TALBA U T-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT
|
(8) |
B’ittra lill-Kummissjoni datata d-9 ta’ Novembru 2009, l-SWT irtirat formalment it-talba tagħha għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika reċenti, l-applikant beda jikkunsidra mill-ġdid il-vijabilità ekonomika ta’ ċerti aspetti tal-operazzjonijiet tiegħu. |
|
(9) |
Ir-rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni kkunsidraw li r-raġunijiet mogħtija mill-applikant għall-irtirar kienu ċirkostanzjali u mhux aċċettabbli. |
|
(10) |
Madankollu, peress li t-talba għal reviżjoni kienet diġà ntbagħtet f’Mejju 2008, jiġifieri qabel il-bidu tal-kriżi ekonomika, u li l-applikant irtira t-talba tiegħu wara sew il-bidu tal-kriżi, meta l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja u kienet għadha ma ntemmitx, il-Kummissjoni ma tistax tqis ir-raġunijiet għall-irtirar bħala ċirkostanzjali. |
|
(11) |
Ġie meqjus jekk ikunx ta’ min l-investigazzjoni tar-reviżjoni titkompla ex officio. Il-Kummissjoni qieset li t-tmiem tal-investigazzjoni ma taffettwax il-miżuri anti-dumping u ma waslu l-ebda argumenti konvinċenti li t-tmiem ikun kontra l-interess tal-Unjoni. Abbażi ta’ dan, l-investigazzjoni tar-reviżjoni għandha tiġi terminata. |
|
(12) |
Il-partijiet interessati ġew informati dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-reviżjoni tiġi terminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti tali li jalteraw il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi 10 u 11. |
|
(13) |
Għalhekk il-konklużjoni hi li r-reviżjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tiġi terminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping li hemm fis-seħħ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti elettrodi tangstin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li tnediet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 hija b’dan terminata mingħajr emendi għall-miżuri anti-dumping fis-seħħ.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.
Ghall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON