European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2304

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2304 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0131/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 34 689 842, li jfisser żieda ta’ 43,23 % meta mqabbel mas-sena 2021; billi l-Awtorità kisbet awtonomija finanzjarja f’Mejju 2021, u l-perjodu tal-bidu huwa mistenni li jkompli sal-2024 u kemm il-persunal kif ukoll il-baġit tagħha huma mistennija li jiżdiedu progressivament matul dan il-perjodu; billi l-baġit tal-Awtorità huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tafferma li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’implimentazzjoni baġitarja ta’ rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenji tas-sena attwali ta’ 96,52 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,72 % meta mqabbla mal-2021, u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 34,93 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 4,56 % meta mqabbla mal-2021;

2.

Jinnota bi tħassib li l-baġit tal-Awtorità għall-2022 ġie adottat mill-Bord tat-Tmexxija tagħha fis-17 ta’ Diċembru 2021, iżda ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-31 ta’ Mejju 2023; ifakkar li dan imur kontra l-Artikolu 31 tar-regoli finanzjarji tal-Awtorità u l-prinċipju tat-trasparenza stabbilit minnu;

3.

Jenfasizza l-fatt li dan huwa t-tieni rapport ta’ kwittanza tal-Awtorità; jissottolinja li l-Awtorità għadha fil-fażijiet inizjali tagħha u għaddejja mill-fażi formattiva tagħha; ifakkar li l-Awtorità bdiet topera fl-2019 u kisbet l-awtonomija finanzjarja fl-2021; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu żviluppati u integrati aktar il-proċessi interni fil-perjodu li ġej, sakemm l-Awtorità tikseb l-operattivita sħiħa fl-2024;

4.

Josserva li l-Qorti tirrapporta li l-Awtorità kienet irriportat EUR 21,8 miljun (65 %) tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-2022 disponibbli għall-2023 inklużi EUR 3,4 miljun (jew 79,6 %) tal-approprjazzjonijiet fl-ambitu tat-Titolu II, relatati man-nefqa amministrattiva (meta mqabbla ma’ 63,2 % fl-2021) u EUR 16,4-il miljun (jew 90,6 %) tal-approprjazzjonijiet fl-ambitu tan-nefqa operazzjonali tat-Titolu III (meta mqabbla ma’ 37,7 % fl-2021); ifakkar li r-rati għoljin ta’ riporti jikkontradixxu l-prinċipju baġitarju tal-annwalità u huma indikattivi ta’ problemi strutturali fiċ-ċiklu ta’ proċess u ta’ implimentazzjoni tal-baġit; jieħu nota tar-risposta tal-Awtorità dwar din il-kwistjoni li tenfasizza li, fl-ambitu tat-Titolu III, parti sinifikanti tar-riporti ġejja mill-inċertezza għolja relatata mal-portal EURES u l-ippjanar tal-baġit għandu jkun aktar effettiv wara l-adozzjoni tal-istrateġija tal-portal EURES 2023-2030 u li fl-aħħar ta’ Ġunju 2023 aktar minn 80 % tar-riporti mit-Titoli I u II kienu diġà kkuntrattati;

5.

Jenfasizza l-fatt li, wara li kisbet l-awtonomija finanzjarja f’Mejju 2021, l-Awtorità akkumulat riporti ta’ daqs sostanzjali; jissottolinja li l-Awtorità, bħala Awtorità impenjata f’attivitajiet operattivi, tiddependi bil-qawwa mill-involviment tal-Istati Membri u li l-kobor tal-parteċipazzjoni tagħhom jinfluwenza b’mod sinifikanti l-eżekuzzjoni u l-portata ta’ dawn l-attivitajiet; jissottolinja li, minħabba n-natura volontarja tal-biċċa l-kbira tal-attivitajiet, mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha u xi wħud jipparteċipaw biss b’mod limitat; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-benefiċċji akbar offruti mill-Awtorità u jqawwu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-Awtorità;

Prestazzjoni

6.

Jinnota li fl-2022, l-Awtorità, għall-ewwel darba, ippreżentat programm ta’ ħidma fi ħdan qafas pluriennali (id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għall-2022-2024) u kompliet ittejjeb id-dokumenti ta’ programmazzjoni tagħha; jinnota wkoll li l-Awtorità identifikat l-oqsma strateġiċi ewlenin ta’ ħidma u l-objettivi tagħha u żviluppat sett ġdid ta’ KPIs marbuta mal-oqsma strateġiċi; josserva li dawk l-indikaturi, inklużi fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni tiegħu għall-2023-2025, se jintużaw mill-2023;

7.

Jilqa’ l-kisbiet tal-Awtorità fit-twettiq tal-mandat tagħha u fl-ilħuq tal-objettivi tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni 2022-2024, speċjalment il-ħidma għall-2022, minkejja l-isfidi li jirriżultaw mit-tkabbir u mill-iżvilupp kostanti tal-organizzazzjoni;

8.

Jinnota li l-Awtorità implimentat b’suċċess il-qafas ta’ azzjoni għat-trasport bit-triq u l-kampanja relatata #Road2FairTransport, f’kooperazzjoni, fost l-oħrajn, mal-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati; jinnota wkoll li l-Awtorità wettqet 33 spezzjoni miftiehma u konġunta bil-parteċipazzjoni ta’ 25 Stat Membru u assistiet għal spezzjoni ta’ dimostrazzjoni mal-ġenb tat-triq;

9.

Ifaħħar l-impenn tal-Awtorità li tespandi l-attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha, bit-tnedija tal-programm IMI-PROVE, u li tiffaċilita t-teknoloġiji u l-innovazzjoni diġitali, bl-organizzazzjoni tal-konferenza TECH 2022 tal-Awtorità; jieħu nota, barra minn hekk, tat-tnedija mill-Awtorità tas-servizz ta’ medjazzjoni tagħha, wara li ttrattat l-ewwel każijiet tagħha;

10.

Jieħu nota b’apprezzament tar-reazjoni tal-Awtorità għas-sitwazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u implimentat attivitajiet ta’ informazzjoni u infurzar iffukati fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri biex jipproteġu dawn il-persuni vulnerabbli mir-riskji ta’ xogħol mhux iddikjarat u ta’ sfruttament fuq il-post tax-xogħol;

11.

Jinnota bi tħassib it-tnaqqis sinifikanti fir-rata ta’ reġistrazzjoni tal-impjiegi u r-rata ta’ reġistrazzjoni tal-impjegaturi tal-portal tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) (– 77 % u – 37 % rispettivament, meta mqabbla mal-2021 minħabba l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-EU Login; jistieden lill-Awtorità tissemplifika l-proċess f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

12.

Japprezza l-fatt li l-ħidma tal-Awtorità biex tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ħalli jiżguraw infurzar ġust u effettiv tar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobbiltà tax-xogħol u l-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jiffaċilitaw mobbiltà tax-xogħol effettiva fl-Ewropa permezz tal-attivitajiet ta’ EURES, u li effettivament, jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex igawdu mill-benefiċċji li joffri s-suq intern; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħidma tal-erba’ gruppi ta’ ħidma tal-Awtorità dwar l-informazzjoni, l-ispezzjonijiet, il-medjazzjoni u l-pjattaforma Ewropea li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat;

13.

Jinnota li wieħed mill-objettivi tal-Awtorità hu li tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tad-dritt rilevanti tal-Unjoni fl-Unjoni kollha, inkluż tiffaċilita spezzjonijiet miftiehma u konġunti; jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni fl-2024 tal-prestazzjoni tal-Awtorità fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha; jinnota li l-Kummissjoni, abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, tista’, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposti leġiżlattivi biex tirrieżamina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Awtorità;

Effiċjenza u titjib

14.

Josserva li fl-2022 l-Awtorità żviluppat il-kooperazzjoni tagħha ma’ korpi u organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni biex tevita d-duplikazzjoni u tippromwovi s-sinerġiji; jinnota wkoll li l-Awtorità ffirmat memorandum ta’ qbil mal-Kummissjoni, mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali; josserva li l-Awtorità ffirmat ukoll qafas għall-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u bdiet taħditiet mal-Aġenzija tal-Unjoni għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi;

15.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità qed tippromwovi ambjent tax-xogħol modern, diġitali u flessibbli li jtejjeb il-benesseri tal-persunal u jnaqqas l-impatt ambjentali tiegħu permezz tal-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ ħidma ibridi, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; jinnota wkoll is-suċċess tal-Awtorità fir-rigward tal-bini tagħha fis-Slovakkja, wara li rċeviet iċ-Ċertifikat tad-Deheb għal-“Leadership in Energy and Environmental Design”, u b’hekk issodisfat il-kriterji rigorużi tal-Kummissjoni Ewropea;

16.

Jinnota li l-Awtorità kompliet timplimenta l-funzjonalitajiet tagħha, fost l-oħrajn, tas-sistema avvanzata ta’ reġistrazzjoni “Advanced Records System”, tas-sistema Sysper, tas-sistema ta’ akkwist elettroniku (eProcurement) u tal-fluss tax-xogħol (Speedwell), sabiex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi u tal-flussi tax-xogħol;

17.

Jinnota li l-Awtorità hija fost l-aġenziji tal-Unjoni li għad trid tistabbilixxi pjan istituzzjonali biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħha;

18.

Iħeġġeġ lill-Awtorità tiżviluppa kooperazzjoni attiva ma’ aġenziji oħra u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress li tkun għamlet;

Politika dwar il-persunal

19.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, kienet ġiet implimentata 86 % tat-tabella tal-persunal, u nħatru 49 aġent temporanju minn 57 awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li, barra minn hekk, fl-2022, kienu qed jaħdmu għall-Awtorità 13-il aġent kuntrattwali u 55 espert nazzjonali sekondat (SNEs), inkluż 27 uffiċjal ta’ kollegament nazzjonali (NLOs); jinnota li l-Awtorità kisbet tkabbir importanti tal-forza tax-xogħol tagħha wara sforzi intensivi ta’ reklutaġġ fl-2022;

20.

Jieħu nota tad-distribuzzjoni tal-ġeneru fost il-membri tal-maniġment superjuri u dak intermedju tal-Awtorità, fejn 4 minn 6 (67 %) huma rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord tat-Tmexxija ġestjoni tal-Awtorità, fejn 20 minn 34 (59 %) huma rġiel; jinnota wkoll il-bilanċ tal-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 41 minn 65 (63 %) huma nisa; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri u jistieden lill-Awtorità tkompli tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri u intermedju tagħha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tal-Awtorità; josserva b’sodisfazzjon li fi tmiem l-2022 l-Awtorità kellha 27 nazzjonalità abbażi tal-pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal tagħha (persunal statutorju);

21.

Jinnota li l-kapaċità tal-Awtorità kibret b’mod sinifikanti fl-2022 bis-saħħa tal-impenn tagħha li tattira talent ta’ kwalità għolja, b’117-il membru tal-persunal (fl-2022); jinnota wkoll li l-Awtorità jeħtieġ li tkompli bl-isforz qawwi tagħha fir-reklutaġġ, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ persunal ġdid u tindirizza sfidi bħad-dawran tal-impjegati u t-tnaqqis tal-impjiegi; jinnota wkoll li l-politika ta’ reklutaġġ tal-Awtorità se tkompli tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trattament ugwali u proċeduri ta’ reklutaġġ miftuħa u trasparenti, u li se tkun ippubblikata u kkomunikata lill-partijiet interessati kollha;

22.

Josserva li, fi tmiem l-2022, il-perċentwal ta’ ħaddiema temporanji (SNEs u interims) fl-Awtorità kien ta’ 58 %; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dipendenza għolja minn ħaddiema temporanji twassal għal rata għolja ta’ dawran tal-impjegati fuq bażi regolari, u dan jinvolvi r-riskju li jintilef l-għarfien espert (għarfien speċjalizzat, networks ta’ kuntatt mibnija mal-partijiet ikkonċernati), li jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċitajiet operattivi tagħha; japprezza l-appell tal-Awtorità biex 15-il pożizzjoni ta’ SNEs jinbidlu f’pożizzjoni ta’ aġenti temporanji, mingħajr il-ħtieġa li jiżdied il-baġit previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja pluriennali, sabiex jiġu aċċertati l-istabbiltà operattiva tal-Awtorità, iż-żamma tal-għarfien u l-implimentazzjoni effettiva tal-objettivi tagħha;

23.

Jieħu nota tal-fatt li l-Awtorità ingaġġat aġent interim u trainee għal ħames xhur (Novembru 2022 sa Marzu 2023) u tathom drittijiet ta’ aċċess għall-ABAC li jippermettulhom idaħħlu d-data u jibdew operazzjonijiet biex jappoġġjaw il-proċedura ta’ għeluq tal-baġit annwali; ifakkar li l-użu ta’ ħaddiema interim biex iwettqu l-attivitajiet finanzjarji ewlenin tal-Awtorità assoċjati mal-implimentazzjoni tal-baġit imur kontra l-Artikolu 41(1) tar-regoli finanzjarji tagħha, li jgħid li l-membri tal-persunal biss jistgħu jiġu ddelegati s-setgħa li jimplimentaw il-baġit; josserva li l-Awtorità, biex tkun żgurata l-kontinwità operattiva f’każi ta’ nuqqas ta’ persunal statutorju u ta’ volum ta’ xogħol anomalu, assenja eċċezzjonalment ir-rwoli ta’ aġent responsabbli li jdaħħal id-data u ta’ aġent inizjatur finanzjarju lil aġenti/trainees interim għal perjoodu limitat, wara li dawn tal-aħħar ikunu għamlu t-taħriġ meħtieġ u jkunu jafu li aġent verifikatur se jissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha;

24.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità kompliet bl-adozzjoni u bl-implimentazzjoni ta’ regoli u regolamenti fil-qasam tar-riżorsi umani bħall-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali, regoli ġodda dwar ir-riżorsi umani dwar il-ħin tax-xogħol u x-xogħol ibridu u l-qafas għall-iżvilupp tat-tagħlim li jimplimenta d-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u dispożizzjonijiet dixxiplinari;

25.

Jinnota li l-Awtorità offriet miżuri b’appoġġ għall-integrazzjoni, inklużi avvenimenti u attivitajiet soċjali u ta’ team-building, pakketti informattivi, diversi sessjonijiet ta’ taħriġ u appoġġ għar-reġistrazzjoni tal-persunal u tal-membri tal-familja mal-awtoritajiet nazzjonali; jinnota wkoll li l-Awtorità twettaq stħarriġ qasir u regolari kull sena biex tkejjel il-benesseri, is-sodisfazzjon tal-persunal u tiġbor il-fehmiet tal-persunal; jilqa’ l-fatt li l-Awtorità wettqet l-ewwel elezzjonijiet għall-kumitat tal-persunal u stabbilietu b’suċċess fl-2022;

26.

Jinnota li l-Awtorità hija impenjata li tippromwovi u taġixxi favur l-ugwaljanza u d-diversità fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li tiżgura li l-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha ma jiddiskriminawx abbażi, fost oħrajn, tal-ġeneru, tal-kuluri u tar-razza; jinnota li din il-ħidma wasslet għal titjib fl-istatistika dwar id-diversità tal-persunal meta mqabbla mal-2021; jinnota wkoll li l-Awtorità żviluppat sensiela ta’ miżuri għall-integrazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà, li jiżguraw parteċipazzjoni ugwali fl-intervisti u fit-testijiet;

Akkwist

27.

Jinnota li fl-2022 l-Awtorità stabbiliet il-pjan ta’ akkwist tagħha f’konformità mal-attivitajiet operattivi u mal-ħtiġijiet istituzzjonali tagħha, filwaqt li qieset l-aspetti ambjentali u soċjali fis-sejħiet għall-offerti u ppromwoviet l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli; jinnota wkoll li l-Awtorità ħadmet biex ittejjeb l-effiċjenza u l-implimentazzjoni f’waqtha tal-pjan ta’ akkwist tagħha, u biħsiebha tuża l-modulu tat-talba tal-għodda għall-ġestjoni tal-akkwist pubbliku fit-tħejjija tal-pjan ta’ akkwist tagħha għall-2023;

28.

Jinnota li skont il-Qorti, fi proċedura ta’ akkwist biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet tal-Awtorità fil-qasam tat-tfassil, tal-organizzazzjoni u tal-implimentazzjoni ta’ avvenimenti ta’ taħriġ, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa stabbilew valur massimu tal-kuntratt ta’ EUR 6 miljun fuq erba’ snin; josserva li l-Awtorità tat il-kuntratt lil offerent li l-offerta finanzjarja tiegħu kienet ta’ EUR 12,9-il miljun; ifakkar li dan imur kontra l-punt 12.3(a) tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, li jistabbilixxi li l-offerti għandhom jitqiesu bħala inaċċettabbli “meta l-prezz tal-offerta jeċċedi l-baġit massimu tal-awtorità kontraenti kif iddeterminat u ddokumentat qabel it-tnedija tal-proċedura tal-akkwist”; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti kkonkludiet li dan l-akkwist u l-għoti tal-kuntratt huma irregolari għalkemm ma sar l-ebda pagament assoċjat ma’ dan il-kuntratt fl-2022;

29.

Ifakkar li l-objettiv tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku huwa li jippermettu lill-entitajiet tal-akkwist jiksbu l-oġġetti u s-servizzi li jeħtieġu bl-aħjar prezz, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u l-konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Awtorità tkompli ttejjeb il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħha, filwaqt li tiżgura l-konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, biex jinkiseb l-aħjar valur possibbli għar-riżorsi pubbliċi;

Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza

30.

Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Awtorità u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jieħu nota tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess tal-Bord tat-Tmexxija qegħdin jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħha;

31.

Jinnota li l-Awtorità tippubblika s-CV tad-Direttur Eżekuttiv tagħha u qed taħdem fuq il-pubblikazzjoni tas-CVs tal-membri tagħha tal-Bord tat-Tmexxija u tal-maniġment intermedju fl-2023; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

32.

Huwa konxju li fl-2023 l-Awtorità adottat deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess u persuni esterni oħra; jinnota li b’din id-deċiżjoni l-Awtorità għandha tippubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jsiru mid-Direttur Eżekuttiv, il-President u l-Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija meta jaġixxu f’din il-kapaċità u tal-Kapijiet tal-Unitajiet ma’ rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess u persuni esterni oħra;

33.

Josserva li f’Novembru 2022 l-Awtorità adottat politika fil-qasam tal-kunflitti ta’ interess, li tkopri l-membri u l-osservaturi tal-Bord tat-Tmexxija, tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati, tal-gruppi ta’ ħidma u tal-gruppi ta’ esperti tal-Awtorità, inkluża l-pjattaforma biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux dikjarat, l-esperti esterni u l-esperti nazzjonali sekondati, inklużi l-uffiċjali ta’ kollegament nazzjonali; jinnota wkoll li fl-2022 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess u ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

34.

Jinnota li l-Awtorità għandha fis-seħħ “lista ta’ kontroll tat-tmiem tas-servizz u formola ta’ kunfidenzjalità għall-persunal kollu tagħha” inklużi referenzi għall-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-tmiem tas-servizz;

Kontrolli interni

35.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li r-regoli interni tal-Awtorità jirrikjedu li l-SNEs u l-NLOs jirrisjedu Bratislava; huwa konxju tal-fatt li l-SNEs u l-NLOs jirċievu allowances ta’ kuljum u ta’ kull xahar biex ikopru l-ispejjeż ta’ soġġorn fi Bratislava u li sabiex jirċevuhom, iridu jagħmlu dikjarazzjoni formali li fil-fatt jgħixu hemmhekk, u jimpenjaw ruħhom li jipprovdu prova tar-residenza fuq talba; josserva li l-Awtorità ma setgħetx tipprovdi prova li NLO partikolari kien jgħix Bratislava bi tweġiba għat-talba mill-Qorti, u dan wassal għall-konklużjoni li l-allowances riċevuti minn dan l-NLO, li jammontaw għal total ta’ EUR 83 734 li minnhom EUR 50 700 tħallsu fl-2022 — kienu irregolari; iqis li l-verifiki ex ante tal-Awtorità fuq dawn id-dikjarazzjonijiet huma dgħajfa peress li dawn huma bbażati biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-SNEs u tal-NLOs, u mhux fuq evidenza dokumentarja; jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ kontrolli ex post u li dan joħloq ir-riskju li l-ammonti li l-Awtorità tħallas għal dawn l-allowances jistgħu ma jkunux korretti; jieħu nota tal-fatt li, mill-2023, l-Awtorità saħħet il-ġestjoni u l-kontroll tal-fajl tal-SNEs, speċjalment għall-verifiki ex ante, meta l-SNEs kollha jintalbu jagħtu prova tar-residenza;

36.

Jiġbed l-attenzjoni tal-osservazzjoni tal-Qorti li l-Awtorità ma kinitx stabbiliet u fformalizzat bis-sħiħ il-verifiki ex ante tagħha, u ma kinitx stabbiliet verifiki ex post, fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-kuntratti; jinnota li, b’mod partikolari, l-Awtorità awtorizzat pagamenti għat-traduzzjoni, għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti, għat-taħriġ u l-komunikazzjoni mingħajr ma vverifikat bis-sħiħ il-parametri ewlenin li jiddeterminaw il-prezzijiet li għandhom jitħallsu bħall-kwantità tas-servizzi fornuti, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalità minimi, u l-prezzijiet unitarji applikati; jesprimi t-tħassib serju tiegħu f’dan ir-rigward u jirrimarka li dawn in-nuqqasijiet u l-inkapaċità li dawn jiġu rimedjati jistgħu joħolqu riskju għall-użu tal-fondi pubbliċi;

37.

Iħeġġeġ lill-Awtorità tivvaluta mill-ġdid u taġġorna l-proċessi interni tagħha, il-kontrolli ex ante, il-metodoloġija ex post sabiex tindirizza b’mod kredibbli l-osservazzjonijiet tal-Qorti u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;

38.

Jissottolinja li mill-2023 ’l hemm ġew implimentati inizjattivi maħsuba biex isaħħu l-kontrolli ex ante tal-Awtorità, inkluż it-taħriġ speċjalizzat tal-persunal dwar il-proċeduri finanzjarji u l-kontrolli ex ante;

39.

Jinnota li l-Bord tat-Tmexxija tal-Awtorità adotta l-qafas ta’ kontroll intern tagħha fl-2020 u l-iżvilupp tiegħu se jiġi ffinalizzat fl-2023, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar il-qafas ta’ kontroll intern;

40.

Jinnota li l-Awtorità twettaq eżerċizzju annwali ta’ valutazzjoni tar-riskju u fl-2022 iffinalizzat u żviluppat abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni biex tnaqqas ir-riskji tagħha; jinnota wkoll li l-Awtorità adottat u implimentat l-istrateġija tagħha kontra l-frodi 2021-2023, u li l-implimentazzjoni tal-istrateġija hija mmonitorjata permezz ta’ pjan ta’ azzjoni dedikat;

41.

Ifakkar li l-Awtorità għadha ma adottatx il-pjan ta’ kontinwità tal-operat tagħha li qed jiġi żviluppat, u li se jiġi ffinalizzat matul l-2023;

42.

Huwa konxju li l-Awtorità bħalissa tinsab f’perjodu ta’ tkabbir; jinnota li l-iżvilupp tal-indikaturi tal-qafas ta’ kontroll intern se jiġi ffinalizzat abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu tal-IAS dwar il-qafas ta’ kontroll intern, li se jitwettaq fl-2023;

Kummenti oħra

43.

Jinnota bi tħassib il-ħidma sostanzjali li l-Awtorità jeħtieġ li twettaq, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha; jirrikonoxxi l-akkumulu tal-Awtorità fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet li kienu previsti fl-2023, li għalihom l-awtorità ta’ kwittanza tistenna li l-Awtorità tipproduċi u tikkomunika riżultati konkreti sabiex tindirizza b’mod effettiv in-nuqqasijiet identifikati; madankollu jifhem li x-xogħol għadu għaddej minn meta l-Awtorità bdiet topera fl-2019;

44.

Jinnota li l-Awtorità implimentat miżuri importanti biex tqawwi ċ-ċibersigurtà tagħha, bħal, fost l-oħrajna, il-protokoll CERT EU, il-kriptaġġ doppju u l-konnettività mas-sistemi tal-Kummissjoni Ewropea, u biex tiddiġitalizza l-proċeduri ta’ akkwist tagħha;

45.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità bdiet analiżi ambjentali u tħejjija għad-dikjarazzjoni ambjentali u l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni EMAS, li se jitlestew sal-2023;

46.

Jinnota li l-Awtorità adottat kmieni fl-2023 l-istrateġija ta’ komunikazzjoni l-ġdida tagħha 2023-2026 bl-għan li żżid il-viżibbiltà tagħha, ir-reputazzjoni tagħha u s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tagħha; jinnota wkoll li l-Awtorità organizzat, b’mod konġunt ma’ Aġenziji oħra, u f’kooperazzjoni mal-Parlament avveniment biex teżamina l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ;

47.

Jinnota li l-Awtorità implimentat diversi miżuri biex tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha iżda madankollu għadha ma żviluppatx strateġija ambjentali bil-miktub u għandha l-ħsieb li tibda fl-2023;

48.

Jirreferi, rigward kummenti oħranj ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 119, 31.3.2023, p. 22.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2304/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)