52013PC0386

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2009/591/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Latvja /* COM/2013/0386 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tħassar id-Deċiżjoni 2009/591/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Latvja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/591/KE tas-7 ta' Lulju 2009[1], li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, kien ġie deċiż li fil-Latvja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit pubbliku laħaq l-4.0 % tal-PDG fl-2008, li kien ogħla mit-3% tal-Valur ta' Referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali kien ta’ 19.5 % tal-PDG fl-2008, li huwa ferm taħt is-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat[2].

(2)       Fis-7 ta' Lulju 2009, skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[3], il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lil-Latvja bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)       Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta dwar id-defiċits u d-dejt tal-gvern u varjabbli oħra assoċjati darbtejn fis-sena, prinċipalment qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv annessa mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea[4].

(4)       Meta jikkunsidraw jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi abrogata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit mhux se jaqbeż il-limitu ta' 3% tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir[5].

(5)       Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mil-Latvja qabel l-1 ta’ April 2013 u fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

– Wara defiċitis għoljin tal-amministrazzjoni pubblika fl-2009 u l-2010 (rispettivament għal 9.8 % u 8.1 % tal-PDG), li parzjalment irriflettew miżuri biex jistabbilizzaw is-settur finanzjarju, id-defiċit beda tnaqqis rapidu fl-2011, meta laħaq 3.6 % tal-PDG. Dan it-titjib irrifletta konsolidazzjoni fiskali mdaqqsa u mifruxa implimentata fuq il-perjodu 2009-2011 fil-kuntest tal-programm ta' aġġustament ekonomiku appoġġjat mill-għajnuna għall-ħlas tal-bilanċi, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet ċikliċi; il-programm ta' aġġustament ġie kkompletat bi sħiħ f'Jannar 2012. Fl-2012, id-defiċit ġenerali tal-gvern naqas iktar għal 1.2% tal-PDG, biex b'hekk laħaq sewwa l-għan ta' defiċit ta' 2.1 tal-PDG stabbilit fil-programm ta' konverġenza 2012 u 'l isfel seww mill-PDG 3% Fuq in-naħa tad-dħul dan irrifletta kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli u t-titjib tal-effiċjenza tat-taxxa, filwaqt li t-tkabbir tan-nefqa baqa’ sostanzjalment taħt it-tkabbir nominali tal-PDG. Bħala riżultat, is-sehem tad-dħul tal-gvern fil-PDG żdied bi ¼ punti perċentwali, filwaqt li s-sehem tan-nefqa tal-gvern naqas b’2 punti perċentwali fl-2012.

– Il-programm ta’ konverġenza tal-2013 jipprevedi li d-defiċit kumplessiv se jkun 1.1 % tal-PDG fl-2013, ikompli jistabbilizza minn hemm ’il quddiem fil-livell ta’ 0.9 % tal-PDG sal-2016. It-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa’ ma jinbidilx fl-2013 għal 1.2 % tal-PDG u se jonqos għal 0.9 % tal-PDG fl-2014, u b’hekk baqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG.

– Id-defiċit ġenerali tal-gvern baqa' 40.7 % tal-PDG fl-2012. It-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jiżdied għal 43.2 % tal-PDG fl-2013, hekk kif il-gvern jakkumula assi għal ħlasijiet lura tad-dejn kbir skedati għall-perjodu bejn l-2014 u l-2015. Id-dejn huwa mistenni li jonqos għal darb’oħra għal madwar 40 % tal-PDG fl-2014, hekk kif dawn ir-rimborżi jidħlu fis-seħħ.

(6)       Il-Kunsill tfakkar li, mill-2013, li hija s-sena ta' wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Latvja għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-fergħa tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, inkluż ir-rispett tal-limitu tan-nefqa.

(7)       F’konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tkun abrogata meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, fil-fehma tal-Kunsill, ikun ġie kkorreġut.

(8)       Fl-opinjoni tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Latvja ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni 2009/591/KE għandha tiġi abrogata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali ssegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Latvja ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/591/UE hija b’dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 202, 4.8.2009, p. 50.

[2]               Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2008 sussegwentement ġew riveduti u attwalment qegħdin 4.2 % tal-PDG u 19.8 % tal-PDG rispettivament.

[3]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[4]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

[5]               B'konformità ma' “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta’ Settembru 2012. Ara:              http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf