KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 ( 1 )

Kawża C‑774/22

JX

vs

FTI Touristik GmbH

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni– Kunċett – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kapitolu II, Taqsima 4 – Kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż bejn konsumatur u organizzatur ta’ vjaġġi – Partijiet kuntrattwali ddomiċiljati fl-istess Stat Membru – Kuntratt konkluż għall-finijiet ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).

2.

It-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn konsumatur iddomiċiljat fil-Ġermanja kontra organizzatur ta’ vjaġġi stabbilit fl-istess Stat fir-rigward ta’ kuntratt li jirrigwarda pakkett ta’ servizzi tal-ivvjaġġar ipprenotat minn dan il-konsumatur għal vjaġġ barra mill-pajjiż. Il-konsumatur sofra intopp f’dan ir-rigward, allegatament minħabba n-nuqqas tal-organizzatur ta’ vjaġġi li jwettaq l-obbligi legali tiegħu. Din il-qorti tistaqsi jekk ir-Regolament Brussell Ia japplikax għal tali tilwima, b’tali mod li l-konsumatur jista’ jinvoka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi li huma previsti fih.

3.

Dan ir-rinviju huwa importanti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, dan ser jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħmel preċiżazzjonijiet siewja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u dwar il-funzjonament ta’ dawn ir-regoli speċifiċi. Min-naħa l-oħra, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun importanti għall-vjaġġaturi u għall-impriżi fis-settur tat-turiżmu, fejn spiss iqum tali tilwim.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Ir‑Regolament Brussell Ia

4.

Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia “Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

5.

L-Artikolu 12 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem iż-“ZPO”), intitolat “Post ġenerali tal-ġurisdizzjoni; kunċett”, jipprovdi li “l-qorti tal-post ġenerali tal-ġurisdizzjoni ta’ persuna għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kollha mressqa kontriha, sakemm ma tkunx ġiet stabbilita ġurisdizzjoni esklużiva għal azzjoni”.

6.

L-Artikolu 17 taż-ZPO, intitolat “Il-post ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fuq persuni ġuridiċi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “l-post ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fuq […] il-kumpanniji […] għandu jiġi ddeterminat mid-domiċilju tagħhom. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-post fejn issir l-amministrazzjoni għandu jitqies li huwa d-domiċilju”.

III. Il-fatti, il‑proċedura nazzjonali u d‑domanda preliminari

7.

JX huwa individwu privat iddomiċiljat f’Nürnberg (il-Ġermanja). Fil‑15 ta’ Diċembru 2021, huwa kkonkluda ma’ FTI Touristik GmbH (iktar ’il quddiem “FTI”), organizzatur ta’ vjaġġi stabbilit f’München (il-Ġermanja), permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita f’Nürnberg, kuntratt għal pakkett ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għal vjaġġ barra mill-pajjiż.

8.

Sussegwentement, JX ressaq lil FTI quddiem l-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg). JX jgħid li ma kienx informat sew dwar l-obbligi ta’ dħul u ta’ viża fil-pajjiż inkwistjoni u jitlob danni fl-ammont ta’ EUR 1 499.86.

9.

JX sostna li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, bħala l-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu, għandha ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll interna sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tiegħu abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. Bħala risposta, FTI sostniet li din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali u li t-talba għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għal sitwazzjonijiet purament interni. It-tilwima inkwistjoni tikkwalifika bħala tali, peress li ż-żewġ partijiet huma ddomiċiljati fl-istess Stat Membru. Fil-fehma tagħha, r-regoli taż-ZPO japplikaw minflok u jagħtu ġurisdizzjoni lil qrati oħra.

10.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 18(1) [tar-Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola mhux biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda jinkludi wkoll regola dwar il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti ta’ vjaġġ, li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tosserva, meta l-konsumatur inkwantu vjaġġatur u l-kontroparti tiegħu, l-organizzatur ta’ vjaġġi, ikunu t-tnejn li huma domiċiljati fl-istess Stat Membru iżda d-destinazzjoni tal-vjaġġ ma tkunx tinsab f’dan l-Istat Membru imma barra mill-pajjiż (is-‘sitwazzjonijiet interni foloz’), bil-konsegwenza li, flimkien mar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, il-konsumatur jista’ jinvoka quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu drittijiet kuntrattwali kontra l-organizzatur ta’ vjaġġi?”

11.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn FTI, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea. F’din il-kawża ma nżammet l-ebda seduta.

IV. Analiżi

12.

Din il-kawża għandha bħala sfond l-intopp subit minn konsumatur fil-kuntest ta’ vjaġġ mibjugħ lilu bħala “pakkett tal-ivvjaġġar” ( 3 ) minn organizzatur tal-vjaġġi. Sfortunatament, din is-sitwazzjoni hija pjuttost komuni. Matul l-aħħar tletin sena, it-turiżmu sar industrija tal-massa u dawn il-“pakketti” jirrappreżentaw sehem sinjifikattiv mis-suq tal-ivvjaġġar. Filwaqt li ħafna konsumaturi huma attirati mill-konvenjenza offruta minn tali “pakkett” f’dak li jirrigwarda l-ippjanar tal-ivvjaġġar, il-wegħdiet li jsiru fih mhux dejjem jiġu mwettqa. Ta’ spiss jiġri li vjaġġaturi jkollhom problemi (bħalma jidher li kellu JX ( 4 )) problemi meta jivvjaġġaw lejn id-destinazzjoni tal-vaganzi tagħhom, jew jiskopru, ladarba jaslu, li l-lukanda hija ta’ livell baxx jew, agħar, ikunu vittmi ta’ inċidenti dannużi fil-post minħabba n-negliġenza ta’ fornituri lokali magħżula ħażin ( 5 ).

13.

Sabiex il-vjaġġaturi jiġu protetti minn tali intoppi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. Dan l-istrument jistabbilixxi d-drittijiet importanti tal-konsumaturi u l-obbligi korrispondenti għall-organizzaturi tal-vjaġġi fir-rigward ta’ dawn il-pakketti. Hija timponi, inter alia, fuq dawn tal-aħħar l-obbligu li jipprovdu lill-vjaġġaturi, qabel il-konklużjoni ta’ kwalunkwe kuntratt, informazzjoni dwar, inter alia, ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża tal-pajjiż ta’ destinazzjoni previst ( 6 ). Fil-kawża prinċipali, JX iqis li FTI naqset milli twettaq dan l-obbligu ta’ informazzjoni għad-detriment tiegħu u jitlob rimedju. Għal dan l-għan, huwa ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija dik tad-domiċilju tiegħu f’Nürnberg.

14.

F’din il-fażi preliminari tal-kawża prinċipali, din il-qorti għandha tiddetermina jekk għandhiex effettivament ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ u tiddetermina din il-kawża. Hija tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni, li tagħmel parti minn taqsima ta’ dan ir-regolament iddedikata għall-proċeduri dwar ċerti kuntratti konklużi mill-konsumaturi, jiġifieri t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 4”), tinkludi żewġ regoli ta’ ġurisdizzjoni favur il-konsumatur, meta dan jaġixxi bħala rikorrent. B’mod iktar preċiż, skont l-Artikolu 18(1), dan tal-aħħar jista’ jaġixxi kontra l-“parti l-oħra ta’ kuntratt” (jiġifieri l-fornitur) jew (i) “fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti” (forum rei) jew, (ii) “fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur” (forum actoris).

15.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tiffoka fuq ir-regola tal-forum actoris stabbilita fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell 1a u tqajjem żewġ kwistjonijiet f’dan ir-rigward. L-ewwel, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk din ir-regola hijiex applikabbli għal proċedura bħal din mibdija minn JX kontra FTI. It-tieni, jekk jitqies li dan huwa l-każ, din il-qorti tistaqsi jekk din ir-regola tagħtix biss ġurisdizzjoni (internazzjonali) lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, filwaqt li r-regoli proċedurali ta’ dan l-Istat jiddeterminaw liema qorti fit-territorju tiegħu għandha ġurisdizzjoni (territorjali) sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali proċedura, jew jekk hija tagħtix ġurisdizzjoni diretta (kemm internazzjonali kif ukoll territorjali) lill-qorti ta’ dan id-domiċilju.

16.

Hemm kunsiderazzjonijiet prammatiċi sottostanti dawn il-mistoqsijiet. Jekk, minn naħa, ir-regola inkwistjoni hija applikabbli għall-proċedura mibdija minn JX kontra FTI u tiddetermina ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali, isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni, fuq il-bażi ta’ din ir-regola, sabiex tiddeċiedi l-kawża (peress li, infakkar, hija l-qorti tad-domiċilju ta’ dan il-konsumatur). Jekk, min-naħa l-oħra, din ir-regola ma hijiex applikabbli għal dawn il-proċeduri jew sempliċement tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati Ġermaniżi, allura l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tali kompetenza. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli proċedurali Ġermaniżi jallokaw ġurisdizzjoni territorjali lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut f’München ( 7 ).

17.

Kif ser nispjega fil-punti li ġejjin, huwa ċar li r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia tagħti direttament il-ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali lill-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur (Taqsima A). Madankollu, din ir-regola tapplika biss għal każijiet li fihom element internazzjonali (Taqsima B). Hawn tinsab il-qalba ta’ din il-kawża. Huwa minnu, li hemm inċertezza dwar jekk dan ir-rekwiżit ikunx issodisfatt meta l-partijiet fil-kawża (il-konsumatur u l-fornitur) ikunu t-tnejn iddomiċiljati fl-istess Stat Membru, fejn l-uniku element internazzjonali huwa d-destinazzjoni tal-vjaġġ li għalih ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni (Taqsima C).

A.   Ir‑regola tal‑forum actoris għall‑konsumaturi tiddetermina kemm il‑ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll dik territorjali

18.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-funzjoni tar-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi jeħtieġu risposta rapida. Il-bażi hija l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. Paragun taż-żewġ dispożizzjonijiet inklużi fih jiċċara l-affarijiet f’dan ir-rigward. Ir-regola tal-forum rei tirreferi għall-“qrati tal-Istat Membru” li fih ikun iddomiċiljat il-professjonist. Min-naħa l-oħra, ir-regola tal-forum actoris tirreferi għall-“qrati tal-post” fejn ikun iddomiċiljat il-konsumatur. Din id-differenza terminoloġika ma hijiex insinjifikattiva. Hija intiża preċiżament sabiex tindika li, filwaqt li l-ewwel regola tagħti ġurisdizzjoni internazzjonali biss lis-sistema ġudizzjarja tal-Istat magħżul, meħuda fl-intier tagħha, it-tieni regola tagħti ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali lill-qorti tal-post tad-domiċilju tal-konsumatur, indipendentement mit-tqassim tal-ġurisdizzjoni previst b’mod ieħor mir-regoli proċedurali ta’ dan l-Istat ( 8 ).

19.

Kuntrarjament għal dak li ssostni FTI, din l-interpretazzjoni tirrifletti eżattament l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan tal-aħħar ipprova, bir-regola inkwistjoni, jippermetti lill-konsumatur jiftaħ proċeduri “kemm jista’ jkun qrib id-domiċilju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 9 ). Jekk ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur kellhom jiddeterminaw liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tiegħu, dan ir-riżultat jista’ ta’ spiss ma jintlaħaqx, preċiżament għaliex, fi Stati Membri bħall-Ġermanja, dawn ir-regoli jindikaw il-qorti tas-sede tal-fornitur, li tista’ tkun ’il bogħod mid-domiċilju tal-konsumatur (punt li ser nittratta iktar ’il quddiem) ( 10 ).

B.   Ir‑regola tal-forum actoris għall-konsumaturi tapplika biss għal każijiet li fihom element internazzjonali

20.

Sabiex tapplika r-regola tal-forum actoris skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia u tiddetermina l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ proċedura partikolari, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, loġikament, din il-proċedura għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-reġim ta’ ġurisdizzjoni (iktar ’il quddiem ir-“reġim ta’ Brussell”) li fih taqa’ din ir-regola. It-tieni nett, ċerti kundizzjonijiet, speċifiċi għal din ir-regola, għandhom jiġu ssodisfatti.

21.

It-tieni rekwiżit ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża. Il-kundizzjonijiet inkwistjoni, li jirriżultaw minn qari flimkien tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huma ċarament issodisfatti: ir-rikorrent jikkwalifika bħala “konsumatur”, peress li t-talba tiegħu “għand[ha x’taqsam] ma’ kuntratt” ( 11 ) li huwa kkonkluda “għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu” ma’ fornitur; dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 17(1) (aspett li ser neżamina f’iktar dettall iktar ’il quddiem) ( 12 ); u l-konvenut li fil-konfront tiegħu tressqet it-talba huwa l-“parti l-oħra [ta’ dak il]-kuntratt”.

22.

Madankollu, mill-ewwel rekwiżit toħroġ kundizzjoni addizzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. B’mod iktar preċiż, filwaqt li l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ Brussell, ma jgħid xejn dwar dan is-suġġett ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, mis-sentenza Owusu ( 14 ) mogħtija minnha, li dan ir-reġim japplika biss għar-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ “natura internazzjonali”, jiġifieri li għandhom rabtiet ma’ diversi pajjiżi ( 15 ).

23.

Din il-kundizzjoni implikata tal-“internazzjonalità” tirriżulta mill- (u hija inevitabbli fid-dawl tal-) bażi legali tar-Regolament Brussell Ia, jiġifieri l-Artikolu 81(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Unjoni tadotta miżuri għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(1) tiegħu, li jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’“materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali”. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma għandhiex kompetenza li tirregola l-ġurisdizzjoni f’materji ċivili nieqsa minn tali “implikazzjonijiet”. Għaldaqstant, dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’dan il-mod.

24.

Din il-kundizzjoni hija wkoll konformi mal-iskop stess tar-Regolament Brussell Ia. Bħala strument tad-dritt internazzjonali privat (tal-Unjoni), huwa mfassal għax-xenarju li fih qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi kawża li jkollha rabtiet ma’ pajjiż wieħed (jew iktar) apparti tagħha. Fil-fatt, tali rabtiet iwasslu għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż l-ieħor (jew ta’ dawn il-pajjiżi l-oħra) jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża u, konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tagħmel dan. L-għan ewlieni tar-reġim ta’ Brussell huwa li jirregola dawn il-kunflitti internazzjonali ta’ ġurisdizzjoni. Għalkemm uħud mir-regoli tiegħu, inkluża r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi, jiddeterminaw kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), huma jiddeċiedu t-tieni kwistjoni b’mod sekondarju, biss għall-każijiet fejn tista’ tqum l-ewwel kwistjoni. Il-funzjoni tagħhom ma hijiex li jsolvu l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali f’sitwazzjonijiet purament interni ( 16 ).

25.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi, bħar-regoli l-oħra kollha ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell Ia, tapplika biss meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi kawża li tinkludi “element internazzjonali” (jiġifieri rabta rilevanti ma’ pajjiż ieħor). F’tali każ, din ir-regola tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali. Min-naħa l-oħra, hija ma tapplikax għat-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali f’sitwazzjonijiet purament interni.

C.   Fuq l‑eżistenza ta’ element internazzjonali suffiċjenti f’din il‑kawża

26.

Wara li dan ġie ċċarat, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, fil-Ġermanja hemm dibattitu ħaj ( 17 ) dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-“element internazzjonali” meħtieġ għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa preżenti meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi dwar tilwima bejn konsumatur iddomiċiljat f’dak l-Istat u organizzatur tal-vjaġġi lokali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, konkluż għal vjaġġ barra mill-pajjiż (każ li jidher pjuttost komuni) ( 18 ). Lil hinn mit-tekniċità ta’ din id-domanda, il-kwistjoni materjali hija dik dwar jekk il-konsumatur, anki f’dan il-każ, jistax iressaq kawża quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu skont ir-regola tal-forum actoris prevista f’din id-dispożizzjoni.

27.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ġurisprudenza u l-letteratura Ġermaniżi jinkludu opinjonijiet diverġenti fuq tali “kawżi interni foloz” (unechte Inlandsfälle, sabiex nuża l-kliem ta’ din il-qorti). It-teżi dominanti, sostnuta minn FTI u mill-Gvern Ċek quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma japplikax għal dawn il-kawżi. Ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma għandhiex in-natura “internazzjonali” meħtieġa meta l-partijiet (il-konsumatur u l-organizzatur tal-vjaġġi) ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru. Il-fatt li d-destinazzjoni tal-vjaġġ li għalih ġie konkluż il-kuntratt tinsab f’pajjiż barrani ma huwiex kunsiderazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward. Skont il-pożizzjoni minoritarja, sostnuta, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni, din ir-regola tapplika anki jekk il-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat. Id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ tagħti lir-relazzjoni tagħhom natura internazzjonali.

28.

Fil-fehma tiegħi, il-perspettiva minoritarja hija, fil-fatt, korretta. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “element internazzjonali” għandha tiġi adottata għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia (1). Għall-każijiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ hija “element internazzjonali” rilevanti f’dan ir-rigward (2). Fl-aħħar nett, la l-kliem u lanqas l-għan tat-Taqsima 4 ma jeħtieġu interpretazzjoni differenti (3).

1. Fuq il‑kunċett wiesa’ tal‑“element internazzjonali”

29.

L-ewwel nett, huwa ċar li, għalkemm ir-Regolament Brussell Ia ma jiddefinixxix l-“element barrani” meħtieġ għall-applikazzjoni tar-regoli tiegħu, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sens u għanijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha ( 19 ).

30.

Fil-ġurisprudenza tagħha sa mis-sentenza Owusu, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment adottat, f’dan ir-rigward, approċċ prammatiku. Fil-fehma tagħha, u konformement mal-ispjegazzjoni mogħtija fil-punt 24 iktar ’il fuq, kawża mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru jkun fiha “element internazzjonali” rilevanti meta l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar “ikun ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti” ( 20 ). Fi kliem ieħor, ir-reġim ta’ Brussell jiskatta meta kawża jkun fiha element li jorbotha ma’ pajjiż barrani (kemm jekk ikun Stat Membru ieħor jew Stat terz) li jkun suffiċjenti sabiex iwassal għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu din il-kawża ( 21 ), konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq (jew le) li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża tagħmel dan. Fil-fatt, f’tali xenarju, ir-reġim inkwistjoni huwa għodda neċessarju għal din il-qorti biex tittratta tali kwistjoni.

31.

Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju għandu jiġi applikat b’mod ġeneruż. Sabiex ir-Regolament Brussell Ia jissodisfa l-iskop tiegħu, dan għandu japplika kull darba ( 22 ) li jinqalgħu kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, inter alia, sabiex jiġi evitat li kunflitti potenzjali ta’ ġurisdizzjoni jsiru kunflitti konkreti. Barra minn hekk, peress li l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà mfittxija minn dan l-istrument ( 23 ) jippreżupponu li l-partijiet fil-kawża jistgħu faċilment jipprevedu liema reġim ta’ ġurisdizzjoni ser ikun applikabbli għall-kawża tagħhom u li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża tiddetermina faċilment il-kompetenza tagħha ( 24 ), il-kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomplikata b’mod eċċessiv. Ma hijiex kwistjoni li jiġi vverifikat jekk il-qrati barranin effettivament għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu l-kawża inkwistjoni ( 25 ). Huwa biżżejjed li l-element li jorbot il-kawża ma’ dan il-pajjiż barrani inkwistjoni jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati tiegħu jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża.

32.

In-natura internazzjonali ta’ kawża ħafna drabi tirriżulta mill-fatt li r-rikorrent u l-konvenut ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti. Fil-fatt, il-fatt li parti fil-kawża tkun iddomiċiljata fit-territorju rispettiv ta’ kull Stat jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati ta’ kull Stat jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża (kif juru diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia, fosthom l-Artikolu 18(1)). Madankollu, dan ma huwiex l-uniku xenarju possibbli. Kif issostni l-Kummissjoni, meta l-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat, in-natura internazzjonali tal-kawża tista’ tirriżulta minn diversi fatturi marbuta, inter alia, mas-suġġett tal-kawża ( 26 ).

33.

Għalkemm nixtieq inħalli għall-parti li ġejja l-applikazzjoni għal din il-kawża ta’ dak li ssemma iktar ’il fuq, hawnhekk ser nagħti xi eżempji. Pereżempju, meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi kawża li, minn naħa, tikkonċerna żewġ partijiet fil-kawża ddomiċiljati f’dan l-Istat iżda, min-naħa l-oħra, tirrigwarda delitt li seħħ barra mill-pajjiż jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż ieħor, japplika r-Regolament Brussell Ia ( 27 ). Fiż-żewġ eżempji, l-element ta’ rabta tal-kawża ma’ pajjiż barrani huwa “ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.” Effettivament, il-fatt id-delitt ikun seħħ fit-territorju ta’ dan il-pajjiż barrani jew li l-proprjetà immobbli inkwistjoni tinsab hemmhekk jikkostitwixxi kap ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli sabiex il-qrati tiegħu jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża ( 28 ). Ir-Regolament Brussell Ia jikkonferma dan, peress li dawn il-kriterji jikkostitwixxu kapijiet ta’ ġurisdizzjoni espliċiti skont, rispettivament, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 24(1) tiegħu ( 29 ). Bl-istess mod, fis-sentenza IRnova ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat li tilwima bejn żewġ partijiet f’kawża ddomiċiljati fl-istess Stat Membru dwar id-dritt għal privattivi rreġistrati f’pajjiżi terzi kienet ta’ natura “internazzjonali”. Meta pajjiż ikun ħareġ privattiva, il-qrati tiegħu jistgħu jkunu jixtiequ jieħdu konjizzjoni b’mod plawżibbli ta’ tilwim li jirrigwarda din il-privattiva ( 31 ).

34.

Biex inkunu ċari, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ kemxejn differenti għall-“element internazzjonali” meħtieġ fis-sens tar-Regolament Brussell Ia fis-sentenzi Parking u Interplastics ( 32 ), Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria ( 33 ) u Inkreal ( 34 )

35.

F’waħda mill-kawżi magħquda li taw lok għall-ewwel sentenza, tressqu proċeduri fil-qrati ta’ Stat Membru kontra konvenut iddomiċiljat f’dan l-Istat minn rikorrent iddomiċiljat fi Stat ieħor. Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-preżenza tal-“element internazzjonali” meħtieġ għall-applikazzjoni tar-reġim ta’ Brussell. Għalkemm dan kien evidenti wara s-sentenza Owusu, u l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din is-sentenza, hija żiedet argument addizzjonali. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal strument ieħor tal-Unjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 35 ), li japplika biss għal “każijiet transkonfinali”, u jiddefinixxi dan il-kunċett bħala “[kawża] fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-definizzjoni tista’ “bħala prinċipju” sservi sabiex jiġi stabbilit l-element internazzjonali tal-kawża fis-sens tar-Regolament Brussell Ia, minħabba li għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn il-kunċetti ekwivalenti ta’ dawn iż-żewġ strumenti. B’mod konvenjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, ftit xhur qabel, li s-sitwazzjoni li fiha r-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tissodisfa din id-definizzjoni ( 36 ).

36.

Fit-tieni deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja segwit b’għajnejha magħluqin is-sentenza preċedenti u, mingħajr ebda riferiment għal-linja ta’ ġurisprudenza prinċipali tagħha, sussegwentement applikat id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tilwima transkonfinali” prevista mir-Regolament Nru 1896/2006 sabiex tirrikonoxxi li azzjoni mressqa minn persuna ddomiċiljata fi Stat Membru kontra l-konsulat ta’ dan l-Istat f’pajjiż ieħor, fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-ewwel waħda lit-tieni waħda f’dan il-pajjiż, kienet (evidentement) “internazzjonali” għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia. Fl-aħħar nett, fit-tielet deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, l-ewwel nett, għal din id-definizzjoni u, t-tieni nett, għat-test riprodott fil-punt 30 iktar ’il fuq sabiex tiddeċiedi li l-konklużjoni, mill-partijiet fil-kawża ddomiċiljati fi Stat Membru, ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti favur qrati ta’ Stat Membru ieħor tikkostitwixxi “element internazzjonali” suffiċjenti sabiex tiskatta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ( 37 ).

37.

Jiena naqbel mal-kritika espressa mill-kummentaturi dwar dan l-approċċ ġdid għall-“internazzjonalità” ( 38 ). Ċertament, ir-rieda li tiġi żgurata l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ min ifaħħar. F’dan ir-rigward, id-definizzjonijiet u l-interpretazzjoni mogħtija għal strument tal-Unjoni xi drabi jistgħu jiġu trasposti għal strument ieħor. Madankollu, dan ma huwiex dejjem il-każ. Hemm bżonn ta’ riżerva f’dan ir-rigward, peress li kunċetti simili jistgħu, f’kuntesti differenti, ikollhom (ħafna) tifsiriet differenti. Huwa biss meta jkun hemm prossimità suffiċjenti bejn is-sens u l-għanijiet ġenerali tal-istrumenti inkwistjoni li tali eżerċizzju jkun iġġustifikat. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Għalkemm ir-Regolament Brussell Ia u r-Regolament Nru 1896/2006 jaqgħu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, il-prossimità tieqaf hawn.

38.

Minn naħa, ir-Regolament Nru 1896/2006 ġie adottat sabiex jiġu affrontati d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kredituri li jfittxu li jirkupraw krediti mhux ikkontestati ta’ debituri fi Stati Membri oħra. Huwa intiż sabiex jissimplifika u jħaffef l-irkupru ta’ tali krediti, permezz tal-ħolqien ta’ proċedura uniformi li tippermetti lil kreditur jikseb, min-naħa ta’ qorti ta’ Stat Membru, deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma’ tali kreditu, li tista’ tiġi eżegwita faċilment fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni tad-debitur, filwaqt li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża fl-Unjoni kollha ( 39 ). Id-definizzjoni ta’ “każ transkonfinali” mogħtija minn dan ir-regolament, ibbażata fuq id-domiċilji rispettivi tal-partijiet u s-sede tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, tirrispondi, f’dan il-kuntest, għal ċerta loġika. Meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat, ir-rimedji disponibbli mill-qrati ta’ dan l-Istat, skont id-dritt proċedurali tiegħu, huma ġeneralment suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li l-kreditur jirkupra malajr il-kreditu tiegħu. Għaldaqstant, il-proċedura prevista minn dan ir-regolament ma hijiex neċessarja.

39.

Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Brussell Ia għandu l-għan li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Din id-definizzjoni hija stretta wisq u, għaldaqstant, ma hijiex adattata għal dan l-għan. Kif spjegat fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, jistgħu jqumu kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali anki meta l-partijiet fil-kawża jkunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru u l-kawża titressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat ( 40 ). Barra minn hekk, dan l-istrument fih ukoll regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri. Sabiex ikunu effettivi, dawn ir-regoli għandhom japplikaw kull darba li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu obbligati jirrikonoxxu jew jeżegwixxu sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, anki fil-każ ta’ tilwima interna bejn żewġ persuni ddomiċiljati f’dan l-aħħar Stat ( 41 ). Din id-definizzjoni lanqas ma tapplika għal din is-sitwazzjoni.

40.

Minkejja dan, is-sentenzi Parking u Interplastics ( 42 ), Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria ( 43 ) u Inkreal ( 44 ) jistgħu jiġu rrikonċiljati mal-linja ta’ ġurisprudenza prinċipali, sakemm jinqraw kif ġej. Peress li l-kunċett ta’ “kawża transkonfinali”, kif iddefinit fir-Regolament Nru 1896/2006, huwa iktar strett mill-kunċett ta’ “element internazzjonali” użat għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, jekk kawża tkun “transkonfinali”, fis-sens tal-ewwel regolament, allura, a fortiori, tkun “internazzjonali” għall-finijiet tat-tieni regolament. Madankollu, tilwima tista’ tkun “internazzjonali”, għalkemm ma tkunx tissodisfa d-definizzjoni ta’ “kawża transkonfinali”.

41.

Madankollu, sabiex tiġi evitata iktar inċertezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni “internazzjonali” tar-reġim ta’ Brussell, inħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni, fil-futur, milli tirreferi għar-Regolament Nru 1896/2006 f’dan il-kuntest. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tispira ruħha minn, u tiżgura l-koerenza ma’, strumenti oħra dwar din il-kwistjoni, ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali ( 45 ) (“Ruma I”) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ( 46 ) (“Ruma II”) huma iktar rilevanti, kif ser naraw iktar ’il quddiem. Dawn l-istrumenti huma l-ekwivalenti tar-Regolament Brussell Ia fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet u l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu ried li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn it-tliet regolamenti jiġi interpretat b’mod konsistenti ( 47 ).

2. Id‑destinazzjoni tal‑vjaġġ hija “element internazzjonali” rilevanti

42.

Fid-dawl tal-ispjegazzjoni mogħtija fit-taqsima preċedenti, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li, kif issostni l-Kummissjoni, meta kawża li minn naħa, tikkonċerna partijiet fil-kawża ddomiċiljati fl-Istat Membru tal-qorti fejn titressaq il-kawża, iżda, min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar konkluż għall-finijiet ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani, id-destinazzjoni tal-vjaġġ tikkostitwixxi “element internazzjonali” rilevanti, li jiskatta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell Ia ( 48 ).

43.

Il-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ huwa wkoll il-post fejn, skont il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, (il-parti l-kbira tas-) is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti lill-vjaġġatur (it-titjira tinżel fil-qrib, il-lukanda tinsab hemmhekk, eċċ.). Fi kliem ieħor, dan il-kuntratt kien jew kellu jiġi eżegwit hemmhekk essenzjalment. Fil-fehma tiegħi, meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi tilwima dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u l-post ta’ eżekuzzjoni jkun jinsab f’pajjiż barrani, dan l-element huwa “ta’ natura li jqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti” ( 49 ). Rabta ta’ dan it-tip tista’ twassal għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża. F’dan ir-rigward, l-oġġezzjoni ta’ FTI, li fuq il-bażi tagħha din il-konnessjoni hija “purament fattwali” u mhux “normattiva” (irrispettivament minn dak li tfisser preċiżament din il-kelma) ( 50 ) tqajjem fija ċerti perplessitajiet. Fil-fatt, din ir-rabta “fattwali” hija preċiżament ir-raġuni għalfejn jista’ jiġi previst li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jiddeċiedu l-kawża (peress li l-prossimità ġeografika tagħhom mal-post ta’ eżekuzzjoni tista’ tirriżulta prattika sabiex tiġi deċiża tali kawża, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tal-provi rilevanti). Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni huwa, preċiżament għal din ir-raġuni, kap fakultattiv ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim kuntrattwali, fl-Unjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia ( 51 ), u f’ħafna Stati terzi ( 52 ).

44.

Is-sentenza Owusu tikkorrobora direttament din l-interpretazzjoni. Infakkar li, f’din il-kawża, A. Owusu, iddomiċiljat fir-Renju Unit (li dak iż-żmien kien Stat Membru), kien ikkonkluda kuntratt ta’ kiri ta’ villa għall-vaganzi fil-Ġamajka ma’ N. B. Jackson, ukoll iddomiċiljat fir-Renju Unit. A. Owusu kien vittma ta’ inċident traġiku hemmhekk, allegatament minħabba l-kundizzjonijiet perikolużi tal-post, u ħarrek lil N. B. Jackson għal ksur tal-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja faċilment ikkunsidrat li l-kawża kien fiha “element internazzjonali” rilevanti għall-finijiet tar-reġim ta’ Brussell ( 53 ). Il-fatt li kien relatat mal- (nuqqas ta’) eżekuzzjoni ta’ kuntratt fil-Ġamajka kien biżżejjed f’dan ir-rigward, peress li dan il-fatt seta’ jwassal b’mod ċar għall-possibbiltà li l-qrati ta’ dan il-pajjiż jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu din il-kawża. Is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija simili.

45.

Fil-fehma tiegħi, tista’ ssir ukoll analoġija mar-Regolament Ruma I u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħar-Regolament Brussell Ia fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, dan l-istrument jiddetermina l-liġi applikabbli għal kuntratt meta s-sitwazzjoni “[t]involv[i] konflitt tal-liġijiet” ( 54 ). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regoli tar-Regolament Ruma I japplikaw għal kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali li jkollha “element barrani”. Fil-fatt, huwa biss fejn kuntratt bħal dan ikollu rabtiet ma’ pajjiż wieħed (jew iktar) li ma huwiex (ma humiex) dak (dawk) tal-qorti fejn titressaq il-kawża li l-kuntratt potenzjalment jista’ jiġi rregolat minn u liġijiet nazzjonali kunfliġġenti u li qorti tistaqsi liema liġi għandha tiġi applikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. Fuq il-bażi tal-istess ġurisprudenza, dan il-kunċett ta’ “element barrani” ma huwiex limitat għad-domiċilju rispettiv tal-partijiet kontraenti. Il-fatt li l-kuntratt għandu jiġi eżegwit f’pajjiż ieħor jikkostitwixxi tali “element” ( 55 ). Tali rabta manifestament “[t]involv[i] konflitt tal-liġijiet”. Il-qorti fejn titressaq il-kawża tista’ tikkunsidra l-possibbiltà li l-liġi tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tapplika minflok tagħha ( 56 ). Għaldaqstant, ir-regoli ta’ dan ir-regolament huma neċessarji sabiex jiġi solvut dan il-kunflitt ( 57 ).

46.

Għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem FTI, din l-interpretazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ikkontestata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Maletic ( 58 ), anki jekk nammetti li din tal-aħħar ħolqot ċerta inċertezza f’dan ir-rigward.

47.

F’din il-kawża, żewġ konsumaturi ddomiċiljati fl-Awstrija pprenotaw, mingħand organizzatur tal-vjaġġi stabbilit fl-istess Stat, pakkett tal-ivvjaġġar għall-Eġittu permezz tas-sit internet ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fil-Ġermanja. Wara kwistjoni li kienet tikkonċerna l-lukanda Eġizzjana tagħhom, il-vjaġġaturi ressqu kemm lill-aġent tal-ivvjaġġar kif ukoll lill-organizzatur tal-vjaġġi għal ksur tal-kuntratt quddiem il-qrati tal-post tad-domiċilju tagħhom, skont ir-regola tal-forum actoris (dak iż-żmien) stabbilita fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell Ia. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk din ir-regola kinitx tapplika għall-organizzatur tal-vjaġġi, peress li kellu s-sede fl-istess stat bħall-konsumaturi.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li r-regola inkwistjoni kienet applikabbli fir-rigward taż-żewġ konvenuti, iżda, b’mod kruċjali, adottat raġunament kemxejn ikkumplikat f’dan ir-rigward. Hija ddeċidiet li “fil-fatt, anki jekk operazzjoni waħda, bħal dik li wettqu [il-konsumaturi] li pprenotaw u ħallsu l-vjaġġ kollox inkluż tagħhom minn fuq is-sit tal-internet [tal-aġent tal-ivvjaġġar], tista’ tinqasam f’żewġ relazzjonijiet kuntrattwali distinti, min-naħa waħda, mal-aġenzija tal-ivvjaġġar online […] u, min-naħa l-oħra, l-organizzatur tal-vjaġġi […], din ir-relazzjoni kuntrattwali tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala ‘purament interna’ peress li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-ewwel relazzjoni kuntrattwali, li seħħet permezz tal-intervent tal-imsemmija aġenzija tal-ivvjaġġar fi Stat Membru ieħor” ( 59 ).

49.

Diversi kummentaturi enfasizzaw in-natura ikkonvoluta ta’ dan ir-raġunament u kienu perplesssi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx id-destinazzjoni barranija tal-vjaġġ, peress li dan l-element kien jindika, b’mod evidenti, n-natura internazzjonali tal-kawża ( 60 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, s-silenzju tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt ma għandux jiġi interpretat bħala li jimplika li dan il-fattur ma jikkostitwixxix, fil-fehma tagħha, “element internazzjonali” rilevanti. Hemm spjegazzjoni sempliċi tar-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat minflok fuq in-natura “inseparabbli” tar-rabtiet li jeżistu bejn il-konsumaturi, l-aġenzija tal-ivvjaġġar u l-organizzatur tal-vjaġġi. Fir-realtà, kienu jeżistu żewġ kwistjonijiet distinti dwar l-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris għall-konsumaturi f’din il-kawża, jiġifieri (i) jekk it-talbiet imressqa kontra ż-żewġ konvenuti kinux ta’ natura “internazzjonali”; u (ii) jekk kull waħda minnhom setgħetx titqies bħala l-“parti l-oħra fil-kuntratt” għall-finijiet ta’ din ir-regola ( 61 ). Bir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta wiesgħa għaż-żewġ kwistjonijiet: skont din ir-regola kienet teżisti biss relazzjoni kuntrattwali internazzjonali waħda, u l-aġent tal-ivvjaġġar u l-organizzatur tal-vjaġġi, bħala ““parti[jiet] l-oħra” għal din ir-relazzjoni, setgħu jitressqu flimkien quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għad-destinazzjoni tal-vjaġġ kien isolvi l-ewwel domanda, iżda kien iħalli t-tieni waħda miftuħa. Għaldaqstant, din hija r-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali ma “mmobilizzatx” dan il-fattur fid-deċiżjoni tagħha.

50.

Lanqas ma jien konvint mill-argument tal-Gvern Ċek li l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet twassal għat-tressiq mhux mistenni tal-operaturi tal-vjaġġi quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-klijenti tagħhom, li jmur kontra l-għan tal-prevedibbiltà mfittex fir-Regolament Brussell Ia. Huwa ċar li negozju attiv fis-settur internazzjonali bħat-turiżmu jista’ “raġonevolment jipprevedi” li jista’ jkun suġġett għal reġim ġurisdizzjonali mfassal għal tilwim ta’ natura internazzjonali meta jorganizza u jbigħ vjaġġ lejn pajjiżi barranin ( 62 ).

51.

Bħala konklużjoni, nixtieq nippreċiża li ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni skont jekk it-talba tal-vjaġġatur tkunx tikkonċerna speċifikament inċident li huwa ġarrab fil-post ta’ destinazzjoni tal-vjaġġ (b’analoġija sħiħa mas-sentenza Owusu), il-kmamar tal-lukanda ta’ livell baxx f’dan il-post jew, bħal fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-vjaġġatur qatt ma għamel il-vjaġġ tiegħu minħabba li ma ġiex informat li kellu bżonn viża jew għaliex qatt ma rċieva l-biljett tal-ajru tiegħu (eċċ.). Għalkemm ir-rabta bejn it-talba u l-pajjiż barrani tista’ tkun iktar b’saħħitha f’ċerti każijiet milli f’oħrajn, infakkar li l-evalwazzjoni dwar jekk tilwima għandha “element internazzjonali” ma għandhiex tiġi kkumplikata żżejjed (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Ma huwiex neċessarju li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża twettaq analiżi fil-fond tal-mertu tat-talba sabiex tiddeċiedi tali sempliċi kwistjoni. Kull kawża li tinvolvi talba ta’ vjaġġatur kontra organizzatur tal-vjaġġi fir-rigward ta’ problemi, tkun xi tkun in-natura preċiża tagħhom, imġarrba minn dak tal-ewwel fil-kuntest ta’ vjaġġ barra mill-pajjiż, organizzat u mibjugħ bħala “pakkett” mit-tieni wieħed, għandha titqies li hija internazzjonali għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq. Id-destinazzjoni tal-vjaġġ hija fattur faċli biex jiġi vverifikat u tagħmel ir-reġim ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-partijiet prevedibbli, kif spjegat fil-punt preċedenti.

3. La l‑kliem u lanqas l‑għan tat‑Taqsima 4 ma jeħtieġu interpretazzjoni differenti

52.

Kuntrarjament għal dak li ssostni FTI, l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia, bħala dispożizzjoni eċċezzjonali, għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 63 ).

53.

Qabelxejn, infakkar li r-rekwiżit (impliċitu) ta’ “element internazzjonali”, li jinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, jiddefinixxi b’mod ġenerali l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit, strettament, jaqa’ taħt l-Artikolu 1(1) (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), u mhux taħt l-Artikolu 18(1) tiegħu. Loġikament, huwa għandu jitkejjel bl-istess kejl bħar-regoli kollha ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament, indipendentement min-natura tad-dispożizzjoni speċifika inkwistjoni ( 64 ).

54.

Apparti dan il-kumment preliminari, huwa ċar għalija li l-interpretazzjoni tar-rekwiżit fis-sens li r-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika għall-kawżi li jinvolvu konsumatur u fornitur ddomiċiljati fl-istess Stat fir-rigward ta’ kuntratt li ġie jew li kellu jiġi eżegwit fi Stat ieħor, ma jikkontradixxix il-kliem tat-Taqsima 4.

55.

Filwaqt li nibda mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, infakkar li dan tal-aħħar jeżiġi, għall-applikazzjoni tat-Taqsima 4, li kuntratt jiġi konkluż bejn konsumatur u fornitur u li dan il-kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni. Il-punti (a) u (b) jirrigwardaw tipi ta’ kuntratti (il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs u l-kuntratti ta’ kreditu rispettivament), mingħajr ebda riferiment għad-domiċilju rispettiv tal-partijiet kontraenti. Il-punt (c) jeħtieġ, għal kwalunkwe kuntratt ieħor (inkluż, għalhekk, il-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar), li l-fornitur ikun persuna li “tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk”. Fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemm xejn li jindika, jew tal-inqas li jimplika li l-konsumatur u l-fornitur għandhom neċessarjament ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti ( 65 ). Huwa evidenti li fornitur jista’ jkun persuna li “tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur” filwaqt li jkollu s-sede f’dak il-pajjiż.

56.

It-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jillimitax ir-regola tal-forum actoris għal kawżi fejn il-konsumatur u n-negozjant ikunu ddomiċiljati fi Stati differenti. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tippreċiża li r-regola inkwistjoni tapplika “irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra”. Jiena konxju sew li, kif tenfasizza FTI, iż-żieda ta’ dawn il-klawżoli kellha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jinvokaw din ir-regola kontra fornituri ddomiċiljati fi Stati terzi ( 66 ). Jibqa’ l-fatt li, kif tirrileva l-Kummissjoni, dan il-kliem huwa wiesgħa biżżejjed sabiex ikopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-fornitur huwa ddomiċiljat fl-istess Stat Membru bħall-konsumatur.

57.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Brussell Ia, li jimponi limiti fuq l-użu ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti fil-qasam tal-konsumaturi, jippermetti espressament tali ftehimiet meta jiġu konklużi bejn konsumatur u fornitur “li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru”, taħt ċerti kundizzjonijiet (ara t-tielet paragrafu tal-artikolu). Ovvjament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-possibbiltà li r-regoli stabbiliti fit-Taqsima 4, inkluż l-Artikolu 18(1), japplikaw anki f’dan il-każ (sakemm il-kawża jkun fiha element internazzjonali rilevanti ieħor).

58.

L-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris stabbilita fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia għal kawżi fejn il-konsumatur u l-fornitur ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat, iżda l-kuntratt inkwistjoni ġie jew kellu jiġi eżegwit f’pajjiż ieħor, lanqas ma jmur lil hinn minn dak li jirrikjedi l-għan speċifiku tat-Taqsima 4.

59.

Infakkar li r-regoli tat-Taqsima 4 huma intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumatur, bħala l-parti meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-fornitur ( 67 ). B’mod partikolari, ir-regola tal-forum actoris inkwistjoni tagħmel dan billi tiffaċilita (ħafna) l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja, b’tali mod li ma jkunx skoraġġut milli jinvoka d-drittijiet tiegħu ( 68 ).

60.

F’dan ir-rigward, FTI ssostni, abbażi tal-pożizzjoni dominanti esposta iktar ’il fuq, li l-uniku każ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita b’din ir-regola, kien li l-konsumatur ikun kostrett iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Il-leġiżlatur ried jipproteġi lill-konsumatur mill-issuġġettar għal sistema legali barranija, li topera b’lingwa possibbilment mhux magħrufa minnu, kif ukoll mid-“distanza twila” li tista’ tissepara lil dan il-konsumatur minn dawn il-qrati barranin. Din il-protezzjoni speċjali ma hijiex ġustifikata meta l-konsumatur u l-fornitur ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat. F’dan il-każ, il-qrati ta’ dan l-Istat neċessarjament ikollhom ġurisdizzjoni.

61.

Fil-fehma tiegħi, filwaqt li l-iskoraġġament tal-konsumatur milli jinvoka d-drittijiet tiegħu minħabba d-diffikultajiet inerenti fit-tressiq ta’ azzjoni kontra fornitur f’pajjiż barrani huwa manifestament ix-xenarju prinċipali ( 69 ) li l-leġiżlatur kellu f’moħħu, huwa ma huwiex l-uniku xenarju. Li kieku dan kien il-każ, il-leġiżlatur kien ikun illimita ruħu li jippermetti lill-konsumatur iressaq kawża quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih huwa ddomiċiljat. Il-fatt li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell 1a jmur pass ieħor, u jippermetti lill-konsumatur li jressaq kawża quddiem il-qorti speċifika tad-domiċilju tiegħu, juri li l-awturi kienu mħassba dwar il-fatt li l-konsumatur seta’ jkun skoraġġut ukoll milli jressaq kawża jekk il-qorti kompetenti, filwaqt li tinsab fl-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi, ma kinitx dik tad-domiċilju tiegħu. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat f’kuntest differenti ( 70 ), id-distanzi li jisseparaw lill-konsumatur mill-qorti kompetenti jistgħu jkunu wkoll “twal” anki fi Stat Membru (pereżempju, jekk il-qorti tad-domiċilju tal-fornitur tkun tinsab f’belt imbiegħda), u xi drabi iktar milli bejn żewġ Stati Membri ( 71 ), fatt li jista’ jagħmilha diffiċli sabiex il-konsumatur jidher fil-qorti ( 72 ). Huwa ċar li l-leġiżlatur kellu wkoll l-intenzjoni li jevita tali sitwazzjoni.

62.

L-oġġezzjoni ta’ FTI li r-regoli proċedurali tal-Istati Membri mhux dejjem jeżiġu li l-konsumatur jippreżenta ruħu personalment jew xi drabi jippermettu seduta mill-bogħod, b’tali mod li tali inkonvenjenza tista’ fil-prattika ma sseħħx, ma hijiex konvinċenti. Wieħed jista’ joġġezzjona wkoll li, abbażi ta’ dawn ir-regoli proċedurali, il-qorti kompetenti xi kultant tkun tinsab relattivament qrib id-domiċilju tal-konsumatur ( 73 ). Madankollu, f’każijiet oħra, il-konsumatur jista’ jkollu jidher personalment u l-qorti kompetenti tista’ tkun ’il bogħod. Bl-istess mod, kieku l-konsumatur kellu jressaq kawża fi Stat Membru ieħor, jista’ jagħti l-każ li jkun jaf il-lingwa u jkollu għarfien tal-proċess tal-qrati tiegħu, li jista’ jkun ukoll viċin tiegħu. Għall-kuntrarju, f’sitwazzjonijiet oħra, il-proċess kollu jista’ jkun kompletament barrani għall-konsumatur. Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tar-regola tal-forum actoris prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni każ b’każ tad-diffikultajiet prattiċi li l-konsumatur effettivament jiltaqa’ magħhom f’dan il-każ. Inkella, l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ma jkunx prevedibbli. Dawn id-diffikultajiet huma preżunti li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet u huma ttrattati kif xieraq.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqrija flimkien,

għandhom jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati tad-domiċilju tal-konsumatur stabbilita fit-tieni dispożizzjoni hija applikabbli għal kawża mressqa minn konsumatur iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru kontra organizzatur tal-vjaġġi ddomiċiljat fl-istess Stat, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar konkluż bl-għan ta’ vjaġġ lejn pajjiż barrani. Din ir-regola tagħti lil dawn il-qrati ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali, mingħajr riferiment għar-regoli tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali fis-seħħ f’dan l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 3 ) “Pakkett tal-ivvjaġġar” tfisser kombinazzjoni ta’ mill-inqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju titjira u akkomodazzjoni) għall-iskop tal-istess vjaġġ, ġeneralment mixtri minn punt uniku ta’ bejgħ u/jew mibjugħ bi prezz inklużiv jew reklamat bħala “pakkett” (ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015 L 326, p. 1) (id-“Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar”)).

( 4 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispjegax dak li ġara fir-rigward ta’ JX. Ovvjament, jekk ma kellux il-viża meħtieġa, ma wasalx għad-destinazzjoni tal-btala tiegħu.

( 5 ) Ara Latil, C., “L’exécution défectueuse du contrat de vente de voyages à forfait en droit international privé”, Revue critique de droit international privé, 2017, p. 199.

( 6 ) Ara l-Artikolu 5(1)(f) tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar.

( 7 ) Ara l-punti 5, 6 u 9 iktar ’il fuq.

( 8 ) Ara, inter alia, Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Article 18”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation – Commentary, Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 512 sa 513, § 10, u Dickinson, A., Lein, E., The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, Oxford, 2015, § 6.67. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30); tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et (C‑30/20, EU:C:2012:604, punt 33); u tat‑30 ta’ Lulju 2022, Allianz Elementar Versicherung (C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 38).

( 9 ) Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, COM(99) 348 final (ĠU 1999, C 376E, p. 1), memorandum ta’ spjegazzjoni, p. 17.

( 10 ) See, inter alia, Mankowski, P., Nielsen, P. A., op. cit., p. 512 sa 513, § 10. Ara wkoll l-punt 61 iktar ’il quddiem.

( 11 ) Dan huwa l-każ anki meta t-talba ma tkunx ibbażata fuq il-kuntratt tal-konsumatur per se, iżda fuq il-ksur ta’ obbligu impost mil-liġi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fil-fatt, huwa biżżejjed li din it-talba tkun inħolqot fil-kuntest ta’ tali kuntratt (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436), punt 58).

( 12 ) Ara l-punt 55 iktar ’il quddiem. Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Brussell 1a, jeskludi l-kuntratti ta’ trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 4, din l-esklużjoni ma tikkonċernax il-kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.

( 13 ) Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-reġim, din id-dispożizzjoni tippreċiża biss li hija tapplika għal “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”.

( 14 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, (C‑281/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Owusu, EU:C:2005:120). Din is-sentenza tikkonċerna l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1978, L 304, p. 36), li sussegwentement ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament Brussell Ia. Madankollu, għandha tiġi żgurata kontinwità fl-interpretazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ ġurisdizzjoni previst minn dawn l-istrumenti (ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 29)). Għaldaqstant, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għad-deċiżjonijiet dwar dawn l-istrumenti mingħajr ma nagħmel distinzjoni bejniethom.

( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punti 25 u 26); tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 39); u tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 27). Ara wkoll, b’mod impliċitu, il-premessi 3 u 26 tar-Regolament Brussell Ia. Ara wkoll, ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, ippreparat minn P. Jenard (ĠU 1979 C 59, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Jenard”), p. 8. Fis-sentenza Owusu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat wkoll li l-kawża ma għandhiex bżonn tinvolvi żewġ Stati Membri. In-natura internazzjonali tar-relazzjoni inkwistjoni tista’ tirriżulta minn rabtiet ma’ pajjiż terz (ara l-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza).

( 16 ) Irrid nenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jimplika l-Gvern Ċek, meta, bħal f’dan il-każ, partijiet fil-kawża jikkontestaw biss il-kwistjoni dwar liema qorti, fi ħdan Stat Membru, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, ir-regola tal-forum actoris għall-konsumatur tista’ tintuża perfettament sabiex issolvi tali kunflitt ta’ ġurisdizzjoni territorjali, bil-kundizzjoni li l-kawża tkun tinkludi “element internazzjonali”.

( 17 ) Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ mill-inqas ħames rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qrati Ġermaniżi. Żewġ kawżi (C‑317/20 u C‑62/22) ġew irtirati qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni. Żewġ kawżi (C‑108/23 u C‑648/23) huma pendenti u ġew sospiżi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’din il-kawża.

( 18 ) Il-konsumaturi ġeneralment jixtru vjaġġi mingħand organizzatur tal-vjaġġi lokali (ara Latil, C., op. cit.).

( 19 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punt 26); tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 30 u 35); u tat‑8 ta’ Settembru 2022, Irnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 32 u 33). Ara wkoll Rogerson, P., “Article 1”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 59, punt 6. Għalhekk, mhux kull rabta ma’ pajjiż barrani jikkostitwixxi element internazzjonali. L-element inkwistjoni jrid ikun suffiċjentement sinjifikattiv sabiex iwassal għal tali kwistjonijiet.

( 22 ) Sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni ta’ dan l-istrument.

( 23 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Brussell Ia.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Dan jista’ jkun eżerċizzju diffiċli u kontenzjuż meta l-pajjiż inkwistjoni ma jkunx Stat Membru u, għalhekk, ir-Regolament Brussell Ia ma japplikax.

( 26 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Owusu (punt 26), u tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28). Ara wkoll ir-rapport Jenard, p. 8, u Mankowski, P. u Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17-19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, punti 23 u 24.

( 27 ) Ara s-sentenzi Owusu (punt 26), u tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 3), u Hartley, T., op. cit., punt 2.05.

( 28 ) B’teħid inkunsiderazzjoni tal-prossimità ta’ dawn il-qrati mal-fatti rilevanti, l-interess leġittimu ta’ Stati sabiex jagħtu deċiżjoni dwar delitti mwettqa fit-territorju tagħhom, is-sovranità tradizzjonali tal-Istati sabiex jikkontrollaw it-territorju fil-konfini tagħhom, eċċ.

( 29 ) L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Brussell 1a jirreferi wkoll b’mod espress għall-każ fejn il-partijiet huma ddomiċiljati fl-istess Stat, filwaqt li l-proprjetà immobbli tinsab fi Stat ieħor.

( 30 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022 (C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28).

( 31 ) Peress li “l-għoti ta’ […] privattiva huwa eżerċizzju tas-sovranità nazzjonali” (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża “BSH Hausgeräte (C‑339/22, EU:C:2024:159, punti 60 u 61 u r-referenzi).Għalhekk, huwa biss meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stati, il-kawża titressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, u l-elementi kollha raġonevolment rilevanti għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni jkunu jinsabu f’dan l-Istat, li r-reġim ta’ Brussell ma japplikax, peress f’dan il-każ ma jistax ikun hemm kunflitt internazzjonali ta’ ġurisdizzjoni li għandu jiġi ttrattat. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting (C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punti 56 sa 59). Ara wkoll Briggs, A. Civil Jurisdiction and Judgments, Informa Law, Oxon, 2015, is-sitt edizzjoni, p. 56, u Hartley, T. op. cit., punti 2.02 u 2.03.

( 32 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020 (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351).

( 33 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (C‑280/20, EU:C:2021:443).

( 34 ) Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024 (C‑566/22, EU:C:2024:123).

( 35 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 399, p. 1), Artikolu 3(1).

( 36 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punti 27 sa 36).

( 37 ) Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal (C‑566/22, EU:C:2024:123, punti 19 sa 24).

( 38 ) Ara, inter alia, Nuyts, A., “Chronique de DIP”, Journal de droit européen, 2023, Nru 74, u Pailler, L., “Commentaire de CJUE, 7 mai 2020, aff. C‑267/19 et C‑323/19”, Journal du droit international (Clunet), 2021.

( 39 ) Ara l-premessi 4 sa 10 u l-Artikolu 1(1) u Artikoli 18 sa 22 tar-Regolament 1896/2006.

( 40 ) Kieku r-Regolament Brussell Ia ma kienx japplika f’din l-ipoteżi, dan kien iċaħħad lil uħud mir-regoli tiegħu mill-effettività tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 24 jagħti, f’ċerti materji, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Stat Membru partikolari, anki meta l-partijiet ikunu ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor. Meta minkejja l-Artikolu 24, il-kawża titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-partijiet ikollhom id-domiċilju tagħhom, din ir-regola għandha evidentement tapplika u dawn il-qrati jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni.

( 41 ) Il-kreditur f’tali tilwima ‘interna’ jista’ jitlob li s-sentenza mogħtija mill-qrati lokali tiegħu tiġi rrikonoxxuta/eżegwita fi Stat Membru ieħor li fih, pereżempju, id-debitur ikun ċaqlaq l-assi tiegħu.

( 42 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020 (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351).

( 43 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (C‑280/20, EU:C:2021:443).

( 44 ) Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024 (C‑566/22, EU:C:2024:123).

( 45 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008 L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem “Ruma I”).

( 46 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 (ĠU 2007, L 199, p. 40), (iktar ’il quddiem “Ruma II”).

( 47 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II.

( 48 ) Ara, inter alia, Cour de cassation (Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), 5 ta’ Novembru 2008, Nru 07-18.064, FR:CCASS:2008:C101090; Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17-19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, § 23 u 24; Latil, C., op. cit.; Ancel, M.‑E., “Commerce électronique-Un an de droit international privé du commerce électronique”, Communication Commerce électronique, 2014, Nru 1; Bogdanov, S., “Arrêt Maletic: un pas supplémentaire dans la protection des consommateurs face au commerce électronique des voyages à forfait”, European Journal of Consumer Law, 2015, p. 433 sa 442, spec. p. 439; Chalas, C.,“Compétence en matière de contrat conclu avec une agence de voyages”, Revue critique de droit international privé, 2014, p. 639.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Inkreal (C‑566/22, EU:C:2023:768, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) FTI tirreferi għar-raġunament adottat minn ċerti qrati Ġermaniżi li kull nuqqas fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, inkluż f’pajjiż barrani, jipproduċi effett biss fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali purament interna li kienet teżisti qabel. Il-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni jinsab barra mill-pajjiż huwa sempliċiment konsegwenza ta’ din ir-relazzjoni u ma jaffettwax in-natura tagħha. B’kull rispett, fil-fehma tiegħi, in-natura internazzjonali ta’ relazzjoni, għall-finijiet tar-Regolament Brussell Ia, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-test wiesa’ u prammatiku stabbilit fil-punt 30 iktar ’il fuq, u mhux abbażi ta’ tali raġunament ikkonvolut.

( 51 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, il-fatt li l-post ta’ eżekuzzjoni ma jikkostitwixxix, skont ir-Regolament Brussell Ia, kap ta’ ġurisdizzjoni għas-subkategoriji speċifiċi ta’ kuntratti li jaqgħu taħt it-Taqsima 4 huwa irrilevanti. Il-kwistjoni dwar jekk kawża hijiex ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ma għandhiex tiġi konfuża mar-risposta li r-regolament jagħti għal dawn id-domandi f’dan il-każ (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 33)). Kif ġie indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, ir-regoli tar-regolament jikkontribwixxu sabiex tiġi ddeterminata n-natura internazzjonali ta’ kawża biss sa fejn dawn jikkonfermaw li ċerti fatturi ta’ konnessjoni huma kapijiet ta’ ġurisdizzjoni plawżibbli u jistgħu, bħala tali, iwasslu għall-possibbiltà li qrati barranin jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu l-kawża. Il-post tat-twettiq jaqa’ taħt din il-kategorija. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax dan il-kap għal ċerti kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward. L-argument tal-Gvern Ċek jista’ jwassal ukoll għar-riżultat stramb li fih l-istess kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jitqies bħala “intern” meta jiġi konkluż minn konsumatur u jaqa’ għalhekk taħt it-Taqsima 4, iżda “internazzjonali”, meta jiġi konkluż minn vjaġġatur li jaġixxi għall-bżonnijiet tal-attività professjonali tiegħu u jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1).

( 52 ) Hartley, T., op. cit., § 7.06. Sa fejn l-oġġezzjoni ta’ FTI hija intiża li tfisser li tali kawża għandha rabta eqreb mal-Istat Membru tad-domiċilju taż-żewġ kontraenti, nirrileva li, għalkemm dan jista’ jkun minnu, huwa irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni tan-natura internazzjonali. Dak li huwa importanti, f’dan ir-rigward, hija l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-pajjiż ta’ destinazzjoni barrani li huwa potenzjalment rilevanti għall-ġurisdizzjoni, u mhux is-saħħa relattiva tar-rabtiet li l-kawża għandha ma’ pajjiżi differenti.

( 53 ) Ara s-sentenza Owusu (punt 26).

( 54 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I. Ara, b’mod simili, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II.

( 55 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Diamond Resorts Europe et (C‑632/21, EU:C:2023:671, punti 51 sa 53).

( 56 ) Ara Calster (van), G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 240.

( 57 ) Il-post tal-eżekuzzjoni huwa element ta’ rabta rilevanti għaliex Stat jista’ raġonevolment ikun irid jirregola l-kuntratti eżegwiti fit-territorju tiegħu. Huwa espressament previst taħt diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I (ara, inter alia, l-Artikolu 5(1), Artikolu 5(2)(d) u (e), Artikolu 6(4)(a), Artikolu 8(2), Artikolu 9(3)). Għal darba oħra, il-fatt li tali kuntratt jista’ jitqies li għandu rabtiet eqreb mal-post ta’ residenza komuni tal-partijiet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, ma huwiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata, minn qabel, in-natura internazzjonali tas-sitwazzjoni. Dak li huwa importanti, f’dan ir-rigward, hija l-eżistenza ta’ rabta ma’ pajjiż barrani li tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-għażla tal-liġi, u mhux is-saħħa relattiva tar-rabtiet ma’ pajjiżi differenti.

( 58 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013 (C‑478/12, EU:C:2013:735).

( 59 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 29).

( 60 ) Ara l-letteratura msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 iktar ’il fuq.

( 61 ) Fil-fatt, il-konsumaturi ma jistgħux jinvokaw ir-regola tal-forum actoris sabiex iressqu azzjoni kontra parti terza fil-kuntratt konkluż mill-konsumatur (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

( 62 ) Lanqas ma nara għaliex din tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata jekk l-istess organizzatur tal-vjaġġi Ġermaniż seta’ jitressaq mill-istess konsumatur Ġermaniż quddiem qorti differenti fil-Ġermanja skont jekk it-tilwima tkunx tikkonċerna kuntratt tal-ivvjaġġar lejn Berlin (il-Ġermanja) jew kuntratt tal-ivvjaġġar lejn pajjiż barrani, kif jissuġġerixxi l-Gvern Ċek. Evidentement, din id-differenza fit-trattament tirriżulta mid-differenza fir-reġim ġudizzjarju applikabbli għal dawn iż-żewġ kuntratti, li min-naħa tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li n-natura internazzjonali tat-tieni kuntratt hija tali li tqajjem kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni li l-ewwel kuntratt ma jistax iqajjem.

( 63 ) Ir-reġim ta’ Brussell huwa, f’partijiet oħra, “ostili” fir-rigward tal-forum actoris (ara, inter alia, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 33)).

( 64 ) Ara, għall-istess opinjoni, Mankowski, P., Nielsen, P. A., “Introduction to Articles 17‑19”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 448, § 23.

( 65 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:784, punti 42 sa 44).

( 66 ) Ara Dickinson, A., u Lein, E., op. cit., § 6.68; Hartley, T., op. cit., § 11.12.

( 67 ) Ara l-premessa 18 tar-Regolament Brussell Ia.

( 68 ) Ara, inter alia, Dickinson, A., u Lein, E., op. cit., § 6.56 u 6.64.

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 22 u 23).

( 71 ) Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju ta’ konsumatur iddomiċiljat f’Passau (il-Ġermanja) u li għandu jibda proċedura f’Flensburg (il-Ġermanja) (madwar 10 sigħat bogħod bil-karozza), filwaqt li kieku kellu jibda proċedura f’Linz (l-Awstrija), dan ikun sagħtejn bogħod.

( 72 ) Ċertament, din il-protezzjoni kienet intiża wkoll sabiex tħeġġeġ lill-konsumatur jikkonsma lil hinn mill-fruntieri tal-Istat tiegħu stess, fi ħdan is-suq intern (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:733, punt 26)). Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun limitata għal dan ix-xenarju (kif muri mill-fatt li din tapplika għal fornituri minn Stati terzi). Din kellha l-għan, b’mod ġenerali, li tipproteġi lill-konsumaturi fil-kuntratti internazzjonali.

( 73 ) Fil-fatt, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li Nürnberg hija sagħtejn ’il bogħod minn München bil-karozza.