European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2598

16.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2598

tal-15 ta’ Diċembru 2025

b’appoġġ għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva.

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1), li titlob lill-Unjoni tikkonvinċi l-akbar għadd possibbli ta’ pajjiżi jissottoskrivu għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja, b’mod speċjali dawk b’kapaċitajiet ta’ missili ballistiċi. Dik il-pożizzjoni komuni appellat ukoll għall-iżvilupp ulterjuri u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Kodiċi, speċjalment il-miżuri tiegħu ta’ bini ta’ fiduċja, u għall-promozzjoni ta’ relazzjoni eqreb bejn il-Kodiċi u s-sistema multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ nonproliferazzjoni.

(3)

L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontribut tagħha għas-sigurtà kollettiva.

(4)

Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża tal-2022 tirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom, u tesprimi l-objettiv tal-Unjoni li jissaħħu azzjonijiet konkreti tal-Unjoni b’appoġġ għall-għanijiet ta’ diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi.

(5)

Il-Kunsill adotta preċedentement ħames Deċiżjonijiet li jappoġġaw il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċ,: jiġifieri: id-Deċiżjonijiet 2008/974/PESK (2), 2012/423/PESK (3), 2014/913/PESK (4), (PESK) 2017/2370 (5), u (PESK) 2023/124 (6),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja permezz ta’ azzjoni operazzjonali.

2.   L-objettivi tal-azzjoni operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

il-promozzjoni tas-sottoskrizzjoni universali għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja;

(b)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja mill-istati firmatarji; u

(c)

il-kontribut biex jiġi integrat aħjar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja fi sforzi biex titrażżan il-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi.

3.   Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni operazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Fondation pour la recherche stratégique (FRS).

3.   L-FRS għandha twettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-FRS.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 099 446,40.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 (in-“nefqa”) għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa. Għal dak l-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mal-FRS (il-“ftehim”). Il-ftehim għandu jistipula li l-FRS għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt għad-daqs ta’ dik il-kontribuzzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-FRS. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi ta’ evalwazzjoni li titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim. Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkunx ġie konkluż il- ftehim f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehimiet multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2003/805/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/974/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2008 b’appoġġ għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 91, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/974/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/423/PESK tat-23 ta’ Lulju 2012 b’appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta’ missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/423/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/913/PESK tal-15 ta’ Diċembru 2014 b’appoġġ għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 44,, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/913/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2370 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2370/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/124 tas-17 ta’ Jannar 2023 li tappoġġa l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 16, 18.1.2023, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/124/oj).


ANNESS

1.   SFOND U LOĠIKA

Il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ The Hague kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi (il-“Kodiċi” jew l-“HCoC”) huwa ftehim internazzjonali li ġie adottat fl-2002 biex titrażżan il-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi li kapaċi jwasslu Armi ta’ Qerda Massiva (AQM). Il-Kodiċi fih ukoll miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja biex jitnaqqsu r-riskji ta’ kalkolu żbaljat li jirriżultaw mit-testijiet tat-titjiriet ta’ missili ballistiċi u l-illanċjar minn vetturi lanċaturi tas-satelliti paċifiċi. Aktar minn għoxrin sena wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kodiċi huwa aktar rilevanti minn qatt qabel, peress li t-teknoloġiji ballistiċi għadhom qed jiġu żviluppati f’ħafna reġjuni tad-dinja u peress li t-tensjonijiet bejn il-pajjiżi li għandhom dawn it-teknoloġiji jagħmlu kwalunkwe mekkaniżmu ta’ trasparenza u komunikazzjoni essenzjali biex tiġi evitata l-eskalazzjoni. Filwaqt li l-Kodiċi bħalissa għandu 145 stat membru, huma meħtieġa aktar sforzi fid-dawl tal-universalizzazzjoni sħiħa tiegħu. L-UE tikkontribwixxi għal sforzi essenzjali ta’ outreach biex tippromwovi l-universalizzazzjoni tal-Kodiċi kif ukoll l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tiegħu fir-reġim usa’ ta’ nonproliferazzjoni.

2.   OBJETTIV ĠENERALI

L-objettiv ġenerali ta’ din l-Azzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-fiduċja u t-trasparenza u għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva billi tippromwovi l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi. Din l-Azzjoni ser tikkomplementa u tappoġġa l-impenn diplomatiku tal-Unjoni mal-Istati firmatarji u l-Istati mhux firmatarji għall-Kodiċi.

3.   OBJETTIVI SPEĊIFIĊI

L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni huma:

(a)

Li tippromwovi l-adeżjoni għall-Kodiċi fid-dawl tal-universalità tiegħu, inkluż billi tippromwovi d-djalogu fost l-Istati firmatarji u dawk mhux firmatarji;

(b)

Li tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi mill-Istati firmatarji;

(c)

Li tikkontribwixxi biex il-Kodiċi jiddaħħal aħjar fl-isforzi għat-trażżin tal-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji u t-theddid li jirriżultaw mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi, kif ukoll l-esplorazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ studji, tad-dinamika fil-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi, tal-iżviluppi fl-ispazju u tal-possibbiltajiet għat-tisħiħ tal-Kodiċi u tal-promozzjoni tal-interazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra.

4.   RIŻULTATI MISTENNIJA

(a)

L-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-Kodiċi għall-qafas tan-nonproliferazzjoni. Ir-riżultati relatati mal-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-Kodiċi għall-qafas ta’ nonproliferazzjoni ser jikkonsistu f’diversi sforzi ta’ outreach u ta’ inreach. L-avvenimenti ta’ outreach ser ikollhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-HCoC, u jippromwovu l-objettivi tal-Unjoni tal-universalità tal-Kodiċi. L-avvenimenti organizzati ser itejbu wkoll l-implimentazzjoni tal-Kodiċi u l-involviment tal-Istati firmatarji kollha fil-ħidma tiegħu, jipprovdu pjattaforma għall-uffiċjali tal-istat u l-esperti biex ikollhom skambji informali dwar kwistjonijiet strateġiċi u b’hekk jgħinu biex tinbena l-fiduċja fost l-Istati. B’mod speċifiku, il-Fondation pour la recherche stratégique (FRS) ser torganizza:

(i)

Erba’ seminars reġjonali u/jew sub-reġjonali (possibilment fl-Asja t’Isfel, il-Lvant Nofsani, l-Amerka Ċentrali u l-Karibew u l-Afrika). Tali avvenimenti għandhom isiru b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet ospitanti rispettivi u, jekk adatt, l-akkademja rilevanti. L-avvenimenti ser jitwettqu bħala prijorità għall-benefiċċju tal-Istati mhux Firmatarji. Ser tingħata enfasi speċjali lill-parteċipazzjoni tal-Istati firmatarji li huma “promoturi reġjonali”, sabiex jiġu indirizzati l-prijoritajiet u l-perspettivi minn angolu reġjonali. Ser ikunu assoċjati esperti reġjonali, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet reġjonali, uffiċjali tal-uffiċċji reġjonali tal-UNODA, esperti tal-FRS, uffiċjali tal-UE u l-Istati Membri, il-President u l-Kuntatt Ċentrali Immedjat (KĊI). Meta jkun rilevanti, tista’ tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-atturi privati, b’mod partikolari minn kumpaniji spazjali. F’dawn il-laqgħat li jsiru fuq ġurnata jew fuq ġurnata u nofs ser tiġi mħeġġa l-interattività.

(ii)

Laqgħat ma’ uffiċjali minn Stati mhux firmatarji magħżula li juru interess potenzjali li jaderixxu mal-Kodiċi. Dawn il-laqgħat tekniċi ser isiru fi bliet kapitali jew f’postijiet rilevanti oħra (postijiet tan-NU - New York, Vjenna, u Ġinevra, organizzazzjonijiet reġjonali…). Stati mhux firmatarji mmirati ser jinkludu l-istati li ilhom involuti f’attivitajiet ta’ outreach għal diversi snin u speċjalment dawk li jivvutaw favur ir-riżoluzzjonijiet tal-AĠNU b’appoġġ għall-Kodiċi. Ser tingħata attenzjoni speċifika għall-appoġġ ta’ inizjattivi politiċi mmexxija mill-UE u l-Istati Membri sabiex jikkomplementaw u jiffaċilitaw dawn l-isforzi ta’ outreach permezz ta’ preżentazzjonijiet u dibattiti mfassla apposta. F’kooperazzjoni mal-President tal-HCoC, il-KĊI jew Stati Membri oħra tal-UE, ser jiġu organizzati wkoll laqgħat ta’ outreach fil-marġini tal-Ewwel Kumitat tal-AĠNU (ikliet ta’ nofsinhar u laqgħat bilaterali).

(iii)

Ser jiġu organizzati tliet avvenimenti sekondarji waqt l-ikla ta’ nofsinhar fil-marġini tal-Laqgħa Regolari Annwali (ARM) tal-HCoC fi Vjenna, li jippermettu lill-komunità tal-HCoC, b’mod partikolari d-delegati li jattendu l-ARM, tinteraġixxi ma’ esperti tal-missili u tiddiskuti x-xejriet attwali rigward il-proliferazzjoni. Suġġetti speċifiċi jistgħu jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ aġenziji bbażati Vjenna u b’mod partikolari l-UNODA u l-UNOOSA. Fl-2027, l-avveniment sekondarju ser jintuża biex jitfakkar il-25 anniversarju tal-HCoC.

(iv)

Żewġ avvenimenti sekondarji fil-marġini tal-Ewwel Kumitat tal-AĠNU biex jappoġġaw ir-riżoluzzjonijiet tal-AĠNU fi New York (fl-2026 u l-2028). Id-dati tal-avvenimenti ser jintgħażlu b’tali mod li jippermettu l-attendenza tad-delegati li jkunu ser jattendu l-Ewwel Kumitat kif ukoll ir-Raba’ wieħed. Qabel il-preżentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet lill-Ewwel Kumitat, ser tingħata assistenza fuq talba lill-President, lill-KĊI jew lil stati membri oħra biex jiżdied l-appoġġ tal-Istati li jivvotaw tal-Ewwel Kumitat għar-riżoluzzjoni tal-AĠNU ppreżentata b’appoġġ għall-Kodiċi.

(v)

Assistenza lill-KĊI f’diversi forom sabiex tiżdied l-implimentazzjoni tal-Kodiċi permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet lejn Stati firmatarji (bini ta’ kapaċità fl-Istati biex jippreżentaw Dikjarazzjonijiet Annwali u jinnominaw Punti ta’ Kuntatt, traduzzjonijiet, modifika tal-pjattaforma online, assistenza lill-President u lill-KĊI fi tħejjijiet u f’termini ta’ kontenut għal laqgħa intersessjonali informali potenzjali jew formati oħra biex jiġi diskuss l-iżvilupp tal-Kodiċi, …).

(b)

Sensibilizzazzjoni dwar l-HCoC u l-proliferazzjoni tal-missili. L-azzjoni ser tiġġenera riżultati li jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi. Ser tippermetti lill-komunità tal-HCoC ikollha aċċess għad-dokumentazzjoni u l-għarfien espert rilevanti rigward il-missili ballistiċi, il-lanċaturi spazjali u l-avvenimenti assoċjati, kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi. Ser tagħti opportunità lil ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-isfidi tal-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi. Fl-aħħar nett, ser ikollha l-għan li tiżgura li l-proliferazzjoni tal-missili u l-HCoC ikunu integrati bis-sħiħ fil-konverżazzjoni dwar il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni tal-AQM u l-istabbiltà strateġika.

(i)

L-involviment tal-ġenerazzjoni li jmiss. Żewġ koorti ġodda tal-Grupp taż-Żgħażagħ dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi ser jintgħażlu u jiġu akkumpanjati sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-Kodiċi u ser jitħarrġu professjonisti żgħażagħ minn diversi reġjuni dwar dawn il-kwistjonijiet. It-tnejn li huma ser jaħdmu flimkien għal sena, u jipparteċipaw f’diversi attivitajiet online u f’avveniment wieħed b’attendenza fiżika. L-għażla tal-membri ser ikollha l-għan li toħloq sinerġiji mal-Programm ta’ Fellows fil-qasam tas-Sigurtà Spazjali tal-UNIDIR. L-istituzzjonijiet akkademiċi u l-esperti ser jiġu mistiedna jikkontribwixxu l-għarfien tagħhom lill-grupp u possibbilment jospitaw laqgħa. Fl-aħħar taż-żewġ sessjonijiet, ser ikun mistenni dokument qasir bil-miktub li fih il-Grupp taż-Żgħażagħ ser jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-futur tal-Kodiċi.

(ii)

L-involviment tal-komunità tal-Ispazju Ġdid. Peress li l-importanza tal-HCoC bħala strument li jikkontribwixxi għar-regolament dwar l-ispazju ġiet enfasizzata f’dawn l-aħħar snin, huwa essenzjali li titwessa’ s-sensibilizzazzjoni lejn l-industrija tal-Ispazju Ġdid u li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tal-proliferazzjoni tal-missili u r-rwol tat-trasparenza. Għalhekk, matul il-proġett ser jiġi organizzat workshop ibridu dwar il-bini tal-kapaċità. Dan il-workshop ser:

(1)

Jinkludi fid-diskussjoni s-suġġett tal-isfidi tal-proliferazzjoni u n-normi internazzjonali tan-nonproliferazzjoni

(2)

Jiddiskuti r-rwol tas-CBMs u jistudja kif it-trasparenza tista’ tiġi prevista filwaqt li jippreserva informazzjoni sensittiva

(3)

Jiffavorixxi l-parteċipazzjoni wiesgħa u l-inklużjoni ta’ atturi aktar tradizzjonali biex jippermettu l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-prattiki tajba

(iii)

L-aġġornament tal-għarfien dwar il-proliferazzjoni ballistika. Filwaqt li tibni fuq l-għarfien espert akkumulat matul is-snin dwar il-proliferazzjoni tal-missili, l-ispazju u kwistjonijiet relatati mit-tim tal-FRS, din l-intestatura ser timmira li tattwalizza u taġġorna l-ġabra ta’ informazzjoni eżistenti ppubblikata dwar il-kwistjoni mill-FRS, sabiex l-uffiċjali u l-pubbliku interessat ikollhom aċċess għal informazzjoni awtorevoli, iżda wkoll biex jippreżentawha b’mod aktar didattiku u joħolqu kontenut ġdid skont il-ħtiġijiet. B’mod partikolari, l-FRS taħt din l-intestatura ser:

(1)

Taġġorna l-Bażi tad-Data dwar il-Missili Ballistiċi u l-Lanċjaturi u tiżgura li r-rappreżentanti mill-Istati Membri u l-atturi rilevanti jista’ jkollhom aċċess.

(2)

Taħdem fuq pubblikazzjoni reattiva ta’ analiżi qasira (paġna waħda) dwar żviluppi kbar fir-rigward tal-missili ballistiċi u l-lanċjaturi.

(3)

Taġġorna d-dokumenti qosra eżistenti u toħloq materjal edukattiv biex tenfasizza x-xejriet attwali rigward il-proliferazzjoni tal-missili u x-xejriet tal-illanċjar fl-ispazju, permezz ta’ infografika viżiva.

(4)

Tippubblika dokument ta’ riċerka wieħed dwar suġġett ewlieni relatat mal-proliferazzjoni tal-missili u l-illanċjar fl-ispazju.

(iv)

Sensibilizzazzjoni dwar il-proġett. L-FRS ser tkompli tiżviluppa u tuża għodod ta’ komunikazzjoni (sit web, network soċjali…) biex tippromwovi l-proġett u l-appoġġ tal-UE għall-HCoC. Din l-intestatura ser tagħti wkoll il-mezzi biex l-HCoC jiġi ppreżentat f’fora ewlenin oħra ta’ nonproliferazzjoni, f’laqgħat reġjonali, u fil-marġini tal-OEWG dwar il-PAROS fl-aspetti kollha tiegħu. Il-parteċipazzjoni fil-konferenza tal-UNIDIR dwar is-sigurtà spazjali ser tkun imħeġġa wkoll.

5.   BENEFIĊJARJI FINALI

(a)

L-Istati, kemm dawk firmatarji kif ukoll l-Istati mhux firmatarji tal-Kodiċi;

(b)

l-uffiċjali tal-gvern, dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, esperti, speċjalment li jirrappreżentaw ġenerazzjoni aktar żagħżugħa ta’ esperti;

(c)

l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali;

(d)

l-akkademja u s-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li jirrappreżentaw ġenerazzjoni aktar żagħżugħa ta’ esperti;

(e)

il-President tal-HCoC;

(f)

il-Kuntatt Ċentrali Immedjat tal-HCoC (Ministeru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak)

(g)

Stati Membri oħra lesti li jippromwovu l-HCoC.

6.   POST

L-FRS ser tagħżel, b’konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tas-SEAE, il-postijiet potenzjali għal-laqgħat, il-workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji li jintużaw għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta’ Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva rilevanti f’reġjun partikolari li tospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi taż-żjarat f’pajjiż jew tal-attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu mill-istediniet mill-Istati jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi interessati. Għalkemm il-valur tal-laqgħat u l-avvenimenti wiċċ imb’wiċċ huwa ta’ importanza kbira, ser jiġu organizzati laqgħat virtwali fejn xieraq biex tiġi żgurata l-kosteffiċjenza.

7.   DURATA

Id-durata totali stmata tal-azzjoni hija ta’ 36 xahar.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2598/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)