|
26.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 80/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 254/2009
tal-25 Marzu 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 12 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Rapportar Finanzjarju (IFRIC)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008. |
|
(2) |
Fit-30 ta’ Novembru 2006, il-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet Internazzjonali tar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni 12 tal-IFRIC Arranġamenti għall-Konċessjoni ta' Servizz, minn hawn ’il quddiem l-“IFRC 12”. L-IFRIC 12 hija interpretazzjoni li tipprovdi kjarifika dwar kif jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) diġà adottati mill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-konċessjoni ta' servizz. L-IFRIC 12 tikkjarifika kif għandhom jiġu rrikonoxxuti fil-kontijiet tal-operatur tal-konċessjoni l-infrastruttura soġġetta għall-arranġament għall-konċessjoni ta' servizz. Tikkjarifika wkoll id-distinzjoni bejn il-fażijiet differenti ta' arranġament għall-konċessjoni ta' servizz (fażijiet ta' kostruzzjoni/operattivi) u kif d-dħul u l-infiq għandhom jiġu rrikonoxxuti f'kull każ. Tiddistingwi bejn żewġ modi ta' rikonoxximent tal-infrastruttura kif ukoll ta' dħul u nfiq relatat (“il-mudelli” tal-assi finanzjarju u l-assi intanġibbli) skont l-iskopertura tal-operatur tal-konċessjoni għall-inċertezza fid-dħul futur tiegħu. |
|
(3) |
Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 12 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [dwar ir-Rappurtar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u ta l-parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva. |
|
(4) |
L-adozzjoni tal-IFRIC 12 timplika, b'konsegwenza, emendi għall-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1, l-IFRIC 4 u l-Interpretazzjoni 29 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (SIC) sabiex tiġi ggarantita konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. |
|
(5) |
Huwa b’dan mifhum li l-kumpaniji jistgħu japplikaw jew ikomplu japplikaw l-IFRIC 12. |
|
(6) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
L-Interpretazzjoni 12 tal-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet Internazzjonali tar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) Arranġamenti għall-Konċessjoni ta' Servizz, qed tiddaħħal kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. |
|
(2) |
L-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1, l-IFRIC 4 u l-Interpretazzjoni 29 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (SIC) huma emendati skont l-Appendiċi B tal-IFRIC 12 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 12, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament..
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Marzu 2009.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
ANNESS
STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ
|
IFRIC 12 |
IFRIC Interpretazzjoni 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta' Servizz |
Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet eżistenti kollha huma rriservati lil hinn miż-ŻEE, għajr għad-dritt tar-riproduzzjoni għall-finijiet ta’ użu persunali jew użu ġust ieħor. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fis-sit www.iasb.org
INTERPRETAZZJONI IFRIC 12
Arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizz
REFERENZI
|
— |
Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni ta' Rendikonti Finanzjarji |
|
— |
L-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju |
|
— |
L-IFRS 7. Strumenti Finanzjarji: Żvelar |
|
— |
L-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji |
|
— |
L-IAS 11 Kuntratti ta’ kostruzzjoni |
|
— |
L-IAS 16 Proprjetà, Impjanti u Tagħmir |
|
— |
L-IAS 17 Kirjiet |
|
— |
L-IAS 18 Dħul |
|
— |
L-IAS 20 Kontabilità għal Għotjiet Pubbliċi u Żvelar ta' Assistenza Pubblika. |
|
— |
L-IAS 23 L-Ispejjeż tas-self |
|
— |
L-IAS 32. Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni |
|
— |
L-IAS 36 Deterjorament tal-Assi |
|
— |
L-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti |
|
— |
L-IAS 38 Assi mhux tanġibbli |
|
— |
L-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Għarfien u Kejl |
|
— |
L-IFRIC 4 Determinazzjoni dwar jekk Arranġament fihx Kirja |
|
— |
Is-SIC-29 Żvelar—Arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizz |
SFOND
1 F’bosta pajjiżi, l-infrastruttura għas-servizzi pubbliċi—bħat-toroq, pontijiet, mini, ħabsijiet, ajruporti, faċilitajiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, il-forniment tal-enerġija u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni—tradizzjonalment ġew mibnija, mħaddma u mantenuti mis-settur pubbliku u ffinanzjati permezz ta’ approprijazzjoni tal-baġit pubbliku.
2 F’ċerti pajjiżi, il-gvernijiet introduċew arranġamenti ta’ servizz kuntrattwali biex jiġbdu l-parteċipazzjoni tas-settur privat lejn l-iżvilupp, il-finanzjament, il-tħaddim u l-manteniment ta’ infrastruttura bħal din. Din l-infrastruttura għandha mnejn diġà teżisti, jew tista’ tkun mibnija waqt il-perijodu tal-arranġament tas-servizz. Arranġament fi ħdan l-ambitu ta' din l-Interpretazzjoni ġeneralment jinvolvi entità tas-settur privat (operatur) li jibni l-infrastruttura li tintuża biex tforni s-servizz pubbliku jew taġġornah (pereżempju, billi żżid il-kapaċità) u t-tħaddim u l-manteniment ta’ dik l-infrastruttura għal perijodu ta’ żmien speċifiku. L-operatur jitħallas għas-servizzi tiegħu matul il-perijodu tal-arranġament. L-arranġament huwa mmexxi permezz ta’ kuntratt li jistabbilixxi l-istandards ta’ rendiment, mekkaniżmi għall-aġġustament tal-prezzijiet, u arranġamenti għall-arbitraġġ tat-tilwim. Arranġament bħal dan ta' sikwit huwa deskritt bħala arranġament għall-konċessjoni ta’ servizz ta’“ibni-ħaddem-ittrasferixxi”, “irrejabilita-ħaddem-ittrasferixxi” jew “mill-pubbliku-għall-privat”.
3 Waħda mill-karatteristiċi ta’ dawn l-arranġamenti ta’ servizz hija x-xejra ta’ servizz pubbliku tal-obbligu meħud mill-operatur. Il-politika pubblika tapplika għas-servizzi marbuta mal-infrastratruttura li jridu jiġu forniti lill-pubbliku, irrispettivament mill-identità tal-parti li topera s-servizzi. L-arranġament tas-servizz jobbliga kuntrattwalment l-operatur jipprovdi s-servizzi lill-pubbliku f’isem l-entità tas-settur pubbliku. Xi karatteristiċi komuni oħrajn huma:
|
(a) |
il-parti li tagħti l-arranġament tas-servizz (il-konċessjonant) hija entita’ tas-settur pubbliku, inkluża entità tal-gvern, jew entità tas-settur privat li ngħatat ir-responsabbiltà għas-servizz. |
|
(b) |
l-operatur huwa responsabbli għal talanqas ftit mill-ġestjoni tas-servizzi tal-infrastruttura u servizzi relatati u ma jaġixxix biss bħala aġent f’isem il-konċessjonant. |
|
(c) |
il-kuntratt jistabbilixxi l-prezzijiet inizjali li għandhom jinġabru mill-operatur u jirregola r-reviżjonijiet tal-prezzijiet matul il-perijodu tal-arranġment tas-servizz. |
|
(d) |
L-operatur huwa obbligat li jittrasferixxi l-infrastruttura lill-konċessjonant f'kundizzjoni determinata fl-aħħar tal-perijodu tal-arranġament, għal ftit jew l-ebda korrispettiv inkrementali, indipendentement mil-liema parti ġiet iffinanzjata inizjalment l-infrastruttura . |
AMBITU
4 Din l-Interpretazzjoni toffri gwida għall-operaturi ta’ kontabilità dwar l-arranġamenti għall-konċessjoni tas-servizzi pubbliċi għall-privat.
5 Din l-Interpretazzjoni tapplika għall-arranġamenti għall-konċessjoni ta' servizzi pubbliku għall-privat jekk:
|
(a) |
Il-konċessjonant jikkontrolla jew jirregola liema servizzi għandu jipprovdi l-operatur mal-infrastruttura, lil min għandhom jiġu pprovduti, u għal liema prezz; u kif ukoll |
|
(b) |
il-konċessjonant jikkontrolla—permezz ta’ proprjetà, dritt benefiċjarju jew inkella—kwalnkwe interess residwu sinifikanti fl-infrastruttura fit-tmiem l-arranġament. |
6 L-infrastruttura li tintuża fl-arranġament għall-konċessjoni ta’servizz pubbliku għall-privat għall-ħajja utli kollha tagħha (il-ħajja kollha tal-assi) taqa’ fi ħdan l-ambitu ta’ din l-Interpretazzjoni jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 5(a). Il-paragrafi AG1-AG8 jipprovdu gwida fuq id-determinazzjoni dwar jekk, u sakemm, l-arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi għall-privat jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ din l-Interpretazzjoni.
7 Din l-Interpretazzjoni tapplika għat-tnejn:
|
(a) |
l-infrastruttura li l-operatur jibni jew jixtri minn parti terza għall-għan tal-arranġament tas-servizz; u kif ukoll |
|
(b) |
l-infrastruttura eżistenti li għaliha l-konċessjonant jagħti aċċess lill-operatur għall-għan tal-arranġament tas-servizz. |
8 Din l-Interpretazzjoni ma tispeċifikax lil-kontabilità għall-infrastruttura li inżammet u ġiet rikonoxxuta bħala proprjetà, impjant jew makkinarju mill-operatur qabel ma daħal għall-arranġament tas-servizz. Ir-rekwiżiti ta’ eliminazzjoni tal-IFRSs (stabbiliti fl-IAS 16) japplikaw għal infrastruttura bħal din.
9 Din l-Interpretazzjoni ma tispeċifikax il-kontabilità min-naħa tal-konċessjonanti.
IL-KWISTJONIJIET
10 Din l-Interpretazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għar-rikonoxximent u l-kejl ta’ obbligi u drittijiet relatati fl-arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizzi. Rekwiżiti għal żvelar ta’ tagħrif dwar l-arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizzi jinsabu fis-SIC-29 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizzi: Żvelar. Il-kwistjonijiet indirizzati f’din l-Interpretazzjoni huma:
|
(a) |
it-trattament tad-drittijiet tal-operatur dwar l-infrastruttura; |
|
(b) |
ir-rikonoxximent u l-valutazzjoni tal-korrispettiv tal-arranġament; |
|
(c) |
is-servizzi ta' kostruzzjoni jew miljorament; |
|
(d) |
servizzi ta’ operat; |
|
(e) |
l-ispejjeż tas-self; |
|
(f) |
it-trattament ta' kontabilità sussegwenti ta' assi finanzjarju u assi mhux tanġibbli; u kif ukoll |
|
(g) |
oġġetti pprovduti mill-konċessjonant lill-operatur. |
KONSENSUS
It-trattament tad-drittijiet tal-operatur dwar l-infrastruttura;
11 L-infrastruttura fi ħdan din l-Interpretazzjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta bħala proprjetà, impjant jew makkinarju tal-operatur minħabba li l-arranġament tas-servizz kuntrattwali ma jagħtix id-dritt għall-kontroll tal-użu tal-infrastruttura tas-servizz pubbliku lill-operatur. L-operatur għandu l-aċċess biex jopera l-infrastruttura biex iforni s-servizz pubbliku f’isem il-konċessjonant f'konformità mat-termini speċifikati fil-kuntratt.
Ir-Rikonoxximent u l-valutazzjoni tal-korrispettiv tal-arranġament;
12 Skont it-termini tal-arranġamenti kuntrattwali fi ħdan l-iskop ta' din l-Interpretazzjoni, l-operatur jaġixxi bħala fornitur ta' servizzi. L-operatur jibni u jtejjeb l-infrastruttura (servizzi ta' kostruzzjoni jew miljorament) li tintuża biex tipprovdi servizz pubbliku u jħaddem u jimmantjeni dik l-infrastruttura (servizzi ta’ operat) għal perijodu ta’ żmien speċifikat.
13 L-operatur għandu jagħraf u jivvaluta d-dħul għas-servizzi li jagħti fi qbil mal-IAS 11 u 18 . Jekk l-operatur jagħti iktar minn servizz wieħed (i.e. servizzi ta’ kostruzzjoni u titjib u servizzi fl-operat) taħt kuntratt jew arranġament wieħed, il-korrispettiv meħud jew li għandu jittieħed jista’ jiġi allokat b’referenza għal valuri tas-servizzi mogħtija, meta l-ammonti huma identifikabbli separatament. In-natura tal-korrispettiv jiddetermina it-trattament sussegwenti ta’ kontabilità. Il-kontabilità sussegwenti għall-korrispettiv meħud bħala assi finanzjarju u bħala assi mhux tanġibbli hija deskritta fil-paragrafi 23-26 hawn taħt.
Is-servizzi ta' kostruzzjoni jew miljorament
14 L-operatur għandu jieħu kont tad-dħul u l-ispejjeż marbuta mas-servizzi ta’ kostruzzjoni jew miljorament fi qbil ma l-IAS 11.
Korrispettiv mogħti mill-konċessjonarju għall-operatur
15 Jekk l-operatur jipprovdi servizzi ta’ kostruzzjoni jew miljorament, il-korrispettiv meħud jew li għandu jittieħed mill-operatur għandu jiġi rikonoxxut fil-valur ekwu tiegħu. Il-korrispettiv jista’ jikkonsisti minn drittijiet għal:
|
(a) |
assi finanzjarju, jew |
|
(b) |
assi mhux tanġibbli. |
16 L-operatur għandu jirrikonoxxi assi finanzjarju sakemm għandu dritt kuntrattwali mhux kundizzjonat biex jirċievi flus jew assi finanzjarju ieħor minn jew fid-direzzjoni tal-konċessjonant għas-servizzi ta’ kostruzzjoni; il-konċessjonant għandu ftit, jekk xejn, diskrezzjoni biex jevità li jħallas, ġeneralment minħabba li l-fethim huwa infurzabbli bil-liġi. L-operatur għandu dritt mhux kundizzjonat li jirċievi kontanti jekk il-konċessjonant b'kuntratt jiftiehem li jħallas l-operatur (a) ammonti speċifikati jew determinabbli jew (b) in-nuqqas, jekk xejn, bejn l-ammonti meħuda mill-utenti tas-servizz pubbliku u ammonti speċifikati jew determinabbli, anke jekk il-pagament huwa kontinġenti fuq l-operatur u jiżgura li l-infrastruttura tilħaq rekwiżiti speċifikati ta’ kwalità jew effiċjenza.
17 L-operatur għandu jirrikonoxxi assi mhux tanġibbli sakemm jirċievi dritt (liċenzja) biex jitlob pagament mill-utenti tas-servizz pubbliku. Id-dritt li l-utenti tas-servizz pubbliku jintalbu li jħallsu mhuwiex dritt bla kundizzjoni għat-teħid tal-kontanti minħabba li l-ammonti huma kontinġenti sakemm il-pubbliku juża s-servizz.
18 Jekk l-operatur jitħallas għas-servizzi ta’ kostruzzjoni parzjalment permezz ta’ assi finanzjarju u parzjalment minn assi mhux tanġibbli ikun neċessarju li kull komponent mill-korrispettiv tal-operatur jitqies separatament. Il-korrispettiv meħud jew li għandu jittieħed għaż-żewġ komponenti għandu jiġi rikonoxxut inizjalment fil-valur ekwu tal-korrispettiv meħud jew li għandu jittieħed.
19 In-natura tal-korrispettiv mogħti mill-konċessjonant lill-operatur għandu jiġi determinat bir-referenza għat-termini tal-kuntratt u, meta dan jeżisti, il-liġi tal-kuntratt rilevanti.
Servizzi ta’ ġestjoni
20 L-operatur għandu jieħu kont tad-dħul u l-ispejjeż marbuta mas-servizzi ta’ operat fi qbil mal-IAS 18.
Obbligi kuntrattwali biex l-infrastruttura terġa’ lura għal-livell speċifikat ta’ funzjonalità
21 L-operatur jista jkollu obbligi kuntrattwali li għandu jilħaq bħala kundizzjoni tal-liċenzja tiegħu (a) biex iżomm l-infrastruttura f'livell speċifikat ta’ funzjonalità jew (b) biex l-infrastruttura terġa’ lura għal kundizzjoni speċifikata qabel ma tiġi trasferita lill-konċessjonant fit-tmiem tal-arranġament tas-servizz. L-obbligi kuntrattwali biex tiġi mantnuta jew restawrata l-infrastruttura, ħlief għal kwalunkwe element ta’ miljorament (ara l-paragrafu 14), għandu jiġi rikonoxxut u mkejjel fi qbil mal-IAS 37, jiġifieri, fl-aħjar stima tan-nefqa li jkun meħtieġ biex jitħallas l-obbligu preżenti fid-data tal-karta tal-bilanċ.
L-ispejjeż tas-self imġarrba mill-operatur
22 Fi qbil mal-IAS 23, l-ispejjez tas-self li jistgħu jiġu attribwiti għall-arranġament għandhom jiġu rikonoxxuti bħala spiża fil-perijodu meta jinġarrbu sakemm l-operatur ikollu d-dritt kuntrattwali li jirċievi assi mhux tanġibbli (dritt li jitlob pagament mill-utenti tas-servizz pubbliku). F’dan il-każ l-ispejjeż tas-self li jistgħu jiġu attribwiti għall-arranġament għandhom jiġu kkapitaliżżati waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni tal-arranġament fi qbil mat-trattament alternattiv permess skont dak l-Istandard.
Assi finanzjarju
23 L-IASs 32 u 39 u l-IFRS 7 japplikaw għall-assi finanzjarju rikonoxxut skont il-paragrafi 16 u 18.
24 L-ammont dovut mill-konċessjonant jew fid-direzzjoni tiegħu għandu jiġi kkuntjat skont l-IAS 39 bħala:
|
(a) |
self jew kreditu; |
|
(b) |
assi finanzjarju disponibbli għall-bejgħ; jew |
|
(c) |
Jekk jiġi deċiż hekk malli jiġi rikonoxxut, l-assi finanzjarju fil-valur ekwu permezz ta' profitt jew telf, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal dik il-klassifikazzjoni. |
25 Jekk l-ammont dovut mill-konċessjonant jiġi kkuntjat jew bħala self jew bħala kreditu jew bħala assi finanzjarju disponibbli għall-bejgħ, l-IAS 39 jistipula imgħax ikkalkulat bil-metodu ta’ imgħax effettiv li għandu jiġi rikonoxxut f'gwadann jew f'telf.
Assi mhux tanġibbli
26 L-IAS 38 tapplika għall-assi mhux tanġibbli rikonoxxut skont il-paragrafi 17 u 18. Il-paragrafi 45–47 tal-IAS 38 jipprovdu gwida għall-kejl tal-assi mhux tanġbbli miksuba bi skambju għal assi jew assi mhux-monetarju/i jew taħlita ta’ assi monetarji u mhux-monetarji.
Oġġetti pprovduti mill-konċessjonant lill-operatur.
27 Skont il-paragrafu 11, l-oġġetti ta’ infrastruttura li għalihom il-konċessjonant jagħti aċċess lill-operatur għall-għanijiet tal-arranġament tas-servizz mhumiex rikonoxxuti bħala proprjetà, impjant, u makkinarju tal-operatur. Il-konċessjonant jista’ jipprovdi wkoll oġġetti oħra li l-operatur jista’ jżomm jew jitratta kif jixtieq. Jekk assi bħal dawn jiffurmaw parti mill-korrispettiv pagabbli mill-konċessjonant għas-servizzi, dawn mhumiex għotjiet tal-gvern kif definiti fl-IAS 20. Huma meqjusa bħala assi tal-operatur, mkejla fil-valur ekwu fuq rikonoxximent inizjali. L-operatur għandu jirrikonoxxi r-riskju fir-rigward tal-obbligi mhux milħuqa li jkun assuma bi skambju għall-assi.
DATA EFFETTIVA
28 Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perijodi annwali li jibdew fi jew wara l-1 ta’ Jannar 2008. Hija permessal-applikazzjoni qabel iż-żmien. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għall-perijodu li jibda qabel l-1 ta’ Jannar 2008, għandha tiżvela dan il-fatt.
TRANŻIŻŻJONI
29 Soġġett għall-paragrafu 30, il-bidliet fil-politiki tal-kontijiet huma meqjusa skont l-IAS 8, jiġifieri retrospettivament.
30 Jekk, għal kwalunkwe arranġament ta’ servizz partikolari huwa imprattikabbli għal operatur li japplika din l-Interpretazzjoni retrospettivament fil-bidu tal-iktar perijodu bikri ppreżentat, huwa għandu:
|
(a) |
Jagħraf l-assi finanzjarji u l-assi mhux tanġibbli li kienu jeżistu fil-perijodu l-iktar bikri ppreżentat; |
|
(b) |
juża l-valuri kontabbli preċedenti ta’ dawk l-assi finanzjarji u mhux tanġibbli (jew kif kienu kklassifikati qabel) kif kienu l-valuri aġġustabbli f’dik id-data. kif ukoll |
|
(c) |
jevalwa l-assi finanzjarji u mhux tanġibbli rikonoxxuti f’dik id-data għal deterjorament, sakemm dan mhuwiex prattikabbli, li fil-każ l-ammonti għandhom jiġu ttestjati għal deterjorament kif kienu fil-bidu tal-perijodu attwali. |
Appendiċi A
GWIDA TA’ APPLIKAZZJONI
Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-Interpretazzjoni.
AMBITU (il-paragrafu 5)
AG1 Il-paragrafu 5 ta’ din l-Interpretazzjoni jispeċifika li l-infrastruttura hija fi ħdan l-ambitu ta’ din l-Interpretazzjoni meta japplikaw l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-konċessjonant jikkontrolla jew jirregola liema servizzi għandu jipprovdi l-operatur mal-infrastruttura, lil min għandhom jiġu pprovduti, u għal liema prezz; kif ukoll |
|
(b) |
il-konċessjonant jikkontrolla—permezz ta’ proprjetà, dritt benefiċjarju jew xort’oħra—kwalunkwe interess residwu sinifikanti fl-infrastruttura fi tmiem l-arranġament. |
AG2 Il-kontroll jew regolament imsemmi fil-kundizzjoni (a) jista jsir permezz ta’ kuntratt jew xort’oħra (pereżempju permezz ta’ regolatur), u jinkludi ċirkostanzi fejn il-konċessjonant jixtri l-output kollu kif ukoll ċirkostanzi fejn xi ftit jew l-output kollu ikun inxtra minn utenti oħra. Fl-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, il-konċessjonant u kwalunkwe partijiet relatati għandhom jiġu kkunsidrati flimkien. Jekk il-konċessjonant huwa entità tas-settur pubbliku, is-settur pubbliku kollu flimkien ma kwalunkwe regolaturi li qed jaġixxu fl-interess tal-pubbliku, għandhom jitqiesu bħala marbuta mal-konċessjonant għall-għanijiet ta’ din l-Interpretazzjoni.
AG3 Għall-finijiet ta’ din il-kundizzjoni (a) il-konċessjonant m’għandux għalfejn ikollu kontroll sħiħ tal-prezz: huwa biżżejjed biex il-prezz ikun regolat mill-konċessjonant, il-kuntratt jew ir-regolatur, pereżempju permezz ta' mekkaniżmu li jimponi limitu. Madankollu, il-kundizzjoni għandha tiġi applikata għas-sustanza tal-ftehim. Fatturi mhux sostantivi, bħal limitu li japplika biss f’ċirkostanzi rari, għandhom jiġu injorati. Min-naħa l-oħra, jekk pereżempju kuntratt jagħti l-operatur il-libertà biex jistabbilixxi prezzijiet, iżda kwalunkwe gwadann żejjed jirritorna għall-konċessjonant, jitqiegħed limitu fuq id-dħul tal-konċessjonant u jintlaħaq l-element ta’ prezz tat-test tal-kontroll.
AG4 Għall-finijiet tal-kundizzjoni (b) il-kontroll tal-konċessjonant fuq kwaunkwe interess residwu sinifikanti għandu jirrestrinġi kemm l-abbiltà prattika tal-operatur biex ibigħ jew iwiegħed l-infrastruttura kif ukoll jagħti l-konċessonant dritt ta’ użu kontinwu matul il-perijodu ta’ arranġament. L-interess residwu fl-infrastruttura huwa l-valur kif stmat attwalment tal-infrastruttura bħallikieku kien diġà fl-età u l-kundizzjoni mistennija fl-aħħar tal-perijodu tal-arranġament.
AG5 Il-kontroll għandu jkun distint mit-tmexxija. Jekk il-konċessjonant iżomm kemm il-grad ta’ kontroll deskritt fil-paragrafu 5(a) u kwalunkwe interess residwu sinifikanti fl-infrastruttura, l-operatur ikun qed imexxi biss l-infrastruttura f’isem il-konċessjonant—anke jekk, f’ħafna każijiet, ikollu diskrezzjoni wiesgħa fit-tmexxija.
AG6 Kundizzjonijiet (a) u (b) flimkien jidentifikaw meta l-infrastruttura, inkluż xi tibdil meħtieġ (ara il-paragrafu 21) tiġi kkontrollata mill-konċessjonant matul il-ħajja ekonomika tagħha kollha. Pereżempju, jekk l-operatur ikollu jibdel parti minn element tal-infrastruttura waqt il-perijodu tal-arranġament (eż. s-saff ta’ fuq nett ta’ xi triq jew il-bejt ta’ xi bini), l-element ta’ infratruttura għandu jiġi kkunsidrat sħiħ. Għalhekk tintlaħaq il-kundizzjoni (b) għall-infrastruttura sħiħa, inkluża l-parti li tinbidel, jekk il-konċessjonant jikkontrolla kwalunkwe interess residwu sinifikanti fl-aħħar sostituzzjoni ta’ dik il-parti.
AG7 Xi kultant l-użu tal-infrastruttura hija regolata parzjalment fil-mod deskritt fil-paragrafu 5(a) u parzjalment mhux regolata. Madankollu, dawn l-arranġamenti jieħdu diversi għamliet:
|
(a) |
kwalunkwe infrastruttura li hija separabbli fiżikament u kapaċi titħaddem b’mod indipendenti u tilħaq id-definizzjoni ta’ unità li tiġġenera kontanti kif definit fl-IAS 36 għandha tiġi analizzata għaliha jekk tintuża totalment għal għanijiet mhux regolati. Pereżempju, dan jista’ japplika għal parti privata ta’ sptar, fejn il-bqija tal-isptar jintuża mill-konċessjonant għat-trattament ta' pazjenti pubbliċi. |
|
(b) |
meta attivitajiet purament anċillari (bħal ħanut ġewwa sptar) ma jkunux regolati, it-testijiet tal-kontroll għandhom japplikaw daqslikieku dawk is-servizzi ma kinux jeżistu, minħabba li fil-każijiet fejn il-konċessjonant jikkontrolla s-servizzi fil-mod deskritt fil-paragrafu 5, l-eżistenza tal-attivitajiet anċillari ma tnaqqasx il-kontroll tal-infrastruttura tal-konċessjonant. |
AG8 L-operatur jista’ jkollu d-dritt li juża l-infrastruttura separabbli deskritta fil-paragrafu AG7(a), jew il-faċilitajiet użati biex jipprovdu servizzi anċillari mhux regolati deskritti fil-paragrafu AG7(b). Fiż-żewġ każi, jista fis-sustanza jkun hemm kirja mill-konċessjonant għall-operatur; jekk dan ikun il-każ, din għandha titqies skont l-IAS 17.
Appendiċi B
EMENDI GĦALL–IFRS 1 U GĦAL INTERPRETAZZJONIJIET OĦRA
L-emendi f’dan l-appendiċi għandu japplika għal perijodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Jannar 2008. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal xi peirjodu aktar bikri, dawn l-emendi japplikaw għal dak il-perijodu aktar bikri.
B1 L-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju huwa emendat kif deskritt hawn taħt. It-test il-ġdid huwa sottolinjat u t-test mħassar huwa ingassat.
Il-paragrafu 9 huwa emendat kif ġej:
|
9 |
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji f'IFRSs oħra japplikaw għal bidliet fil-politika dwar il-kontabilità magħmula minn entità li diġa' tuża l-IFRSs; dawn ma japplikawx għat-tranżizzjoni għall-IFRSs ta' min jadottahom għall-ewwel darba, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 25D, 25H, 34A u 34B. |
Fil-paragrafi 12(a), ir-referenza għall-paragrafi 13-25G tinbidel għal 13-25H.
Fil-paragrafu 13, is-subparagrafi (k) u (l) huma emendati, u s-subparagrafu (m) jiddaħħal, kif ġej:
|
(k) |
kirjiet (paragrafu 25F); u kif ukoll |
|
(l) |
Il-kejl tal-valur ekwu tal-assi finanzjarji jew ir-riskji finanzjarji fl-ewwel rikonoxximent (paragrafu 25G). ; u kif ukoll |
|
(m) |
assi finanzjarju jew assi mhux tanġibbli meqjus skont l-IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz (paragrafu 25H).. |
Wara l-paragrafu 25G, intestatura ġdida u l-paragrafu 25H jiddaħħlu kif ġej:
Arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizz
25H Dak li qed jadotta għall-ewwel darba jista’ japplika dispożizzjonijiet tranzitorji fl-IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz.
B2 L-IFRIC 4 Determiazzjoni dwar jekk Arranġament Fihx Kirja hija emendata kif deskritt hawn taħt.
Il-Paragrafu 4 huwa emendat kif ġej (it-test ġdid huwa sottolinjat):
4 Din l-Interpretazzjoni ma tapplikax għal arranġamenti li:
|
(a) |
Huma jew fihom, kirjiet esklużu mill-ambitu tal-IAS 17; or |
|
(b) |
huma arranġamenti għall-konċessjoni ta’ servizz mill-pubbliku għall-privat fi ħdan l-ambitu ta l-IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz.. |
B3 Is-SIC–29 Żvelar—Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz huwa emendat kif deskritt hawn taħt (f’paragrafi emendati t-test il-ġdid huwa sottolinjat).
It-titolu huwa emendat għal Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz: Żvelar.
Fil-paragrafi 1-6 ir-referenzi għall-“Operatur għall-konċessjoni” jinbidlu għal “operatur”, u referenzi għal “Dak li jipprovdi l-Konċessjoni” jinbidlu għal “konċessjonant”.
Fil-paragrafu 6, is-subparagrafu (d) huwa emendat, u s-subparagrafu (e) jiddaħħal, kif ġej:
|
(d) |
bidliet fl-arranġament li sar waqt il-perijodu. ; u kif ukoll |
|
(e) |
kif ġie kklassifikat l-arranġament tas-servizz. |
Wara l-paragrafu 6, paragrafu ġdid 6A jiddaħħal, kif ġej:
|
6A |
Operatur għandu jiżvela l-ammont ta’ dħul jew il-gwadann jew it-telf rikonoxxuti fil-perijodu tal-iskambju tas-servizzi ta’ kostruzzjoni għal assi finanzjarju jew assi mhux tanġibbli. |