12004V/PRO/20

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 20.Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0356 - 0360


20. PROTOKOLL DWAR IL-POSIZZJONI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIFTAKKRU d-deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew ta' Edinburgu fit- 12 ta' Diċembru 1992, dwar ċerti problemi mqajjma mid-Danimarka fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JINNUTAW il-posizzjoni tad-Danimarka fir-rigward taċ-ċittadinanza, l-unjoni ekonomika u monetarja, l-politika tad-difiża, u l-ġustizzja u intern kif stipulati fid-deċiżjoni ta' Edinburgu;

KONXJI mill-fatt illi kontinwazzjoni taħt il-Kostituzzjoni tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta' Edinburgu ser tillimita b'mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f'oqsma importanti ta' koperazzjoni ta' l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta' l-Unjoni li tiġi żgurata l-integrità ta' l-acquis fl-oqsma tal-libertà, sigurtà u ġustizzja;

BIX-XEWQA għaldaqstant li jistabilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta' miżuri proposti msejsa fuq il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha;

FILWAQT LI JINNUTAW illi d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward ta' miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka;

FILWAQT LI JIFTAKKRU l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integratfil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea;

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mal-Kostituzzjoni:

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri proposti skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Artikolu 2

L-ebda mid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, l-ebda miżura adottata skond dak il-Kapitolu, l-ebda disposizzjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak il-Kapitolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti ta' Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta kwalunkwe disposizzjoni jew miżura ta' din ix-xorta ma għandha torbot jew tapplika għad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot il-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot l-acquis tal-Komunità u lanqas dak ta' l-Unjoni u lanqas tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif japplikaw għad-Danimarka.

Artikolu 3

Id-Danimarka m'għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjarji tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1, ħlief għall-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

1. Id-Danimarka għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' miżura tal-Kunsill li tibni fuq l-acquis ta' Schengen koperta mill-Parti I, jekk tkunx se timplimenta din il-miżura fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din il-miżura toħloq obbligu skond id-dritt internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra li jkunu marbuta bil-miżura.

Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax din il-miżura, l-Istati Membri marbuta b'dik il-miżura u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw x'miżuri approprjati għandhom jittieħdu.

2. Id-Danimarka għandha żżomm id-drittijiet u l-obbligi eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fir-rigward tal-acquis ta' Schengen.

PARTI II

Artikolu 5

Fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Kunsill skond l-Artikoli I-41, III-295(1) u l-Artikoli III-309 sa III-313 tal-Kostituzzjoni, d-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet fil-qasam tad-difiża. Għaldaqstant id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jiżviluppaw iżjed il-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam. Id-Danimarka ma għandhiex tiġi obbligata tikkontribwixxi għall-iffinanzjar ta' l-ispiża operattiva li tinħoloq minn dawn il-miżuri, u lanqas li tagħmel il-kapaċitajiet militari tagħha disponibbli lill-Unjoni.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tar-Renju tad-Danimarka, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tielet u r-raba' subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

PARTI III

Artikolu 6

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għall-miżuri li jibqgħu fis-seħħ permezz ta' l-Artikolu IV-438 tal-Kostituzzjoni, li kienu koperti, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropea, mill-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 7

L-Artikoli 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal miżuri li jistabbilixxu l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew għal miżuri dwar il-format uniformi għall-viża.

PARTI IV

Artikolu 8

Fi kwalunkwe żmien id-Danimarka tista', skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha, tinforma l-Istati Membri l-oħrajn li ma tixtieqx aktar tibbenefika minn parti jew mill-intier ta' dan il-Protokoll. F'dak il-każ, id-Danimarka tapplika bis-sħiħ il-miżuri kollha rilevanti li jkunu fis-seħħ u li ttieħdu fil-qafas ta' l-Unjoni.

Artikolu 9

1. Fi kwalunkwe ħin u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, id-Danimarka tista', skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li b'effett mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara n-notifika, l-Parti I għandha tkun magħmula mid-disposizzjonijiet ta' l-Anness. F'dan il-każ u b'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 5 sa 9 jingħataw numri ġodda.

2. Sitt xhur wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ in-notifika prevista fil-pragrafu 1 l-acquis kollu ta' Schengen kif ukoll il-miżuri adottati sabiex jibnu fuq dan l-acquis, li sa dak iż-żmien kienu jorbtu lid-Danimarka bħala obbligi taħt id-dritt internazzjonali, għandhom jorbtu lid-Danimarka bħala liġi ta' l-Unjoni.

ANNESS

Artikolu 1

Bla ħsara għall-Artikolu 3, id-Danimarka ma għandhiex tieħu sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri proposti skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li jridu jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-Membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, l-maġġoranza kwalifikata rekwiżita għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Artikolu 2

B'konsegwenza ta' l-Artikolu 1 u bla ħsara għall-Artikoli 3, 4 u 6 l-ebda waħda mid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, l-ebda miżura adottata skond dak il-Kapitolu, l-ebda disposizzjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak il-Kapitolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta kwalunkwe deċiżjoni jew miżura ta' din ix-xorta ma għandha torbot jew tapplika għad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'kwalunkwe mod tolqot il-kompetenzi, d-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda disposizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta ma għandha b'xi mod tolqot l-acquis communautaire u ta' l-Unjoni u lanqas tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni, kif japplikaw għad-Danimarka.

Artikolu 3

1. Id-Danimarka tista' tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet preżentata lill-Kunsill skond il-Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali miżura proposta, u minn dak il-ħin id-Danimarka ikollha d-dritt li tagħmel hekk.

2. Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tad-Danimarka, l-Kunsill jista' jadotta l-miżura prevista fil-paragrafu 1 skond l-Artikolu 1, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-Danimarka. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Id-Danimarka tista' fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni ta' miżura skond il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni tinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li taċċetta dik il-miżura. F'dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-420(1) tal-Kostituzzjoni għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

1. Notifika skond l-Artikolu 4 għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-adozzjoni finali ta' miżura jekk din il-miżura tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Fil-każ li d-Danimarka ma tissottomettix notifika skond l-Artikoli 3 u 4 dwar miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri marbuta minnha u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2. Notifika skond l-Artikoli 3 fir-rigward ta' miżuri li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi kkunsidrata irrevokabbilment bħala notifika skond l-Artikolu 3 fir-rigward ta' kwalunkwe proposta jew inizjattiva ulterjuri li timmira biex tibni fuq dik il-miżura, sakemm tali proposta jew inizjattiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 6

Fejn, f'każijiet previsti f'din il-Parti, d-Danimarka hi marbuta b'miżura adottata mill-Kunsill skond Kapitolu IV tat-Titolu tal-Parti III tal-Kostituzzjoni, d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għad-Danimarka fir-rigward ta' dik il-miżura.

Artikolu 7

Fejn id-Danimarka mhix marbuta b'miżura adottata skond il-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni, ma għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjari ta' dik il-miżura ħlief għall-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet sakemm il-Kunsill b'mod unanimu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew ma jiddeċiedix mod ieħor.

--------------------------------------------------