13.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/247

tas-16 ta' Ottubru 2018

li jistabbilixxi lista ta' indikaturi għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' emendi (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tejjeb, ikkjarifika u ssimplifika t-twaqqif u l-funzjonament tar-raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (“REKT”).

(2)

F'konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, filwaqt li tivvaluta, fuq il-bażi ta' ċerti indikaturi, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-marġini għas-simplifikazzjoni tiegħu.

(3)

Jenħtieġ li l-indikaturi jgħinu lill-Kummissjoni tifforma opinjoni dwar il-progress li sar sa issa. Jenħtieġ li tiġi introdotta data ta' skadenza għall-ġbir ta' informazzjoni għar-rapport u l-progress jenħtieġ li jiġi vvalutat billi s-sitwazzjoni f'ċertu xenarju bażi titqabbel mas-sitwazzjoni fid-data ta' skadenza stabbilita. Jenħtieġ li jintużaw kemm l-indikaturi kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi meta jitfassal ir-rapport.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1302/2013, dan ir-Regolament japplika mit-22 ta' Ġunju 2014. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, il-proċedura ta' approvazzjoni tar-REKT li huma fil-proċess li jitwaqqfu tiddependi fuq id-data tat-22 ta' Ġunju 2014. Ix-xenarju bażi għall-indikaturi li jkejlu l-progress, għalhekk, jenħtieġ li jkun dak tas-sitwazzjoni fil-21 ta' Ġunju 2014. Id-data ta' skadenza biex tkun irċevuta data jew informazzjoni għall-użu tal-indikatur tista' tiġi stabbilita biss waqt ħidma preparatorja għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u jenħtieġ li tissemma fir-rapport.

(5)

Jenħtieġ li l-indikatur tal-effettività juri kemm ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qed jirnexxielu jilħaq b'suċċess l-objettivi tiegħu jew jagħmel progress fl-ilħuq tagħhom.

(6)

L-indikatur tal-effiċjenza jikkunsidra r-relazzjoni bejn ir-riżorsi jew l-inputs użati u l-bidliet jew ir-riżultati ġġenerati. Fir-rigward tal-proċedura ta' approvazzjoni għat-twaqqif tar-REKT, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż varji għat-twaqqif ta' korpi ġuridiċi għall-kooperazzjoni tista' tiġi ġġenerata biss mill-awtoritajiet nazzjonali li kienu approvaw korpi komparabbli qabel. Fl-ambitu tal-valutazzjoni tal-progress tar-REKT u indirettament tal-effiċjenza tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 sa issa, jenħtieġ li l-ispejjeż għall-funzjonament ta' dawk ir-REKT jitqabblu mal-ispejjeż involuti fir-twaqqif ta' korp ġuridiku differenti għall-kooperazzjoni. Tqabbil bħal dan jista', madankollu, jsir biss ma' REKT li kienu waqqfu minn qabel korp ġuridiku differenti għall-kooperazzjoni.

(7)

L-indikatur tar-rilevanza jikkunsidra l-estent sa fejn l-objettivi u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-membri prospettivi tar-REKT.

(8)

L-indikatur tas-sostenibbiltà, li huwa marbut mar-rilevanza, jikkunsidra l-għadd ta' REKT irreġistrati, li fil-fatt ma qed iwettqu l-ebda attività.

(9)

L-indikatur tal-valur miżjud Ewropew jikkunsidra jekk ir-REKT ġewx imwaqqfa grazzi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, f'każ li l-membri tar-REKT ma setgħux iwaqqfu korpi ġuridiċi għall-kooperazzjoni territorjali skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali.

(10)

Fir-rigward tal-marġini għal simplifikazzjoni ulterjuri tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-elementi għas-simplifikazzjoni, bħall-proċedura għat-twaqqif ta' REKT ġodda, inkluża l-approvazzjoni taċita mill-awtoritajiet ta' approvazzjoni nazzjonali, kif introdotti mir-Regolament (UE) Nru 1302/2013,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-indikaturi li jridu jintużaw għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 huma stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.

(2)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT)” - COM(2011) 462 final, 29.7.2011.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303).


ANNESS

Lista ta' indikaturi għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni (REKT)

Kriterju ta' valutazzjoni

Isem l-indikatur

Unità

Effettività

Il-konformità tar-regoli nazzjonali tal-Istati Membri ma' dan ir-Regolament

Għadd ta' Stati Membri li adottaw regoli ta' implimentazzjoni riveduti fid-data ta' skadenza għar-rapport

Iż-żieda fit-twaqqif ta' REKT (Xenarju bażi: għadd ta' REKT fil-21 ta' Ġunju 2014: X)

Għadd ta' REKT fid-data ta' skadenza għar-rapport

Iż-żieda fil-membri ta' REKT f'REKT eżistenti (Xenarju bażi: għadd ta' membri ta' REKT meta twaqqfu l-ewwel darba)

Għadd ta' membri ta' REKT fid-data ta' skadenza għar-rapport

Iż-żieda fil-membri ta' REKT skont il-kategorija (Xenarju bażi: Għadd ta' membri fil-21 ta' Ġunju 2014: X)

Is-sub-indikaturi skont il-kategorija:

—

Stati Membri

—

awtoritajiet fil-livell nazzjonali

—

awtoritajiet reġjonali

—

awtoritajiet lokali

—

impriżi pubbliċi

—

impriżi fdati b'operazzjonijijet ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

—

assoċjazzjonijiet li jikkonsistu minn korpi li jappartjenu lil waħda jew iktar minn dawn il-kategoriji

—

awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew korpi jew impriżi, ekwivalenti għal dawk ta' hawn fuq minn pajjiż terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej

Għadd fid-data ta' iskadenza għar-rapport

Iż-żieda fis-servizzi pprovduti riżultat tar-REKT (Xenarju bażi: Għadd ta' servizzi pprovduti fil-21 ta' Ġunju 2014: X)

Is-subindikaturi skont il-kategorija:

—

Saħħa

—

Edukazzjoni u taħriġ

—

Ambjent, enerġija, ħarsien u tan-natura;

—

Trasport

—

Riċerka

—

Oħrajn

Għadd fid-data tal-iskadenza għar-rapport

Effiċjenza

L-ispejjeż biex jitwaqqaf REKT meta mqabbla mal-ispejjeż biex jitwaqqfu strutturi komparabbli skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali (1)

EUR

L-ispejjeż għall-funzjonament ta' REKT meta mqabbla mal-ispejjeż għall-funzjonament ta' strutturi komprabbli skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali.

EUR

Il-proċedura ta' approvazzjoni għat-twaqqif ta' REKT meta mqabbla mal-proċedura ta' approvazzjoni għal korpi komparabbli skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali

Għadd ta' xhur

Rilevanza

L-użu tar-REKT għall-implimentazzjoni ta' programm ta' kooperazzjoni (bħala awtorità ta' ġestjoni) (Xenarju bażi: Għadd ta' REKT bi rwol ta' Awtorità ta' ġestjoni fil-21 ta' Ġunju 2014: X)

L-għadd ta' REKTs nnominati bħala awtorità ta' ġestjoni ta' programm ta' kooperazzjoni fid-data ta' skadenza għar-rapport

L-użu ta' REKT biex tiġi implimentata parti minn programm ta' kooperazzjoni (eż. subprogrammi, fondi ta' proġetti żgħar, proġetti ta' kuntatt bejn il-persuni, Investimenti Territorjali Integrati, Pjanijiet ta' Azzjoni Konġunta) (Xenarju bażi: għadd ta' REKT bl-irwol ta' Awtorità ta' Ġestjoni fil-21 ta' Ġunju 2014: X)

L-għadd ta' REKT nnominati biex jimplimentaw parti minn programm ta' kooperazzjoni fid-data ta' skadenza għar-rapport

L-użu ta' REKT biex tiġi implimentata operazzjoni (Xenarju bażi: l-għadd ta' REKT bi rwol ta' Awtorità ta' Ġestjoni fil-21 ta' Ġunju 2014. X)

Is-subindikaturi skont il-kategorija:

—

operazzjoni skont programm ta' kooperazzjoni (transfruntiera, transnazzjonali jew interreġjonali)

—

operazzjoni appoġġjata mill-Unjoni permezz ta' Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali skont programm ta' Investiment għall-Mira tat-Tkabbir u l-Impjiegi

—

operazzjoni appoġġjata mill-Unjoni permezz tal-Fond Soċjali Ewropew

—

operazzjoni appoġġjata mill-Unjoni permezz tal-Fond ta' Koeżjoni

—

operazzjoni/proġett appoġġjati mill-Unjoni barra mill-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni

L-għadd fid-data ta' skadenza għar-rapport

L-użu ta' għażliet differenti għall-għażla tal-liġi applikabbli:

—

il-liġi applikabbli fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni (l-Artikolu 8(2)(g));

—

il-liġi applikabbli għall-atti tal-organi (l-Artikolu 8(2)(h)); kif ukoll

—

il-liġi direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT (l-Artikolu 8(2)(j))

Kwalitattiv

L-użu tal-persunal proprju bħala perċentwal tat-total tal-persunal (2)

Perċentwal (3)

Il-fatturi motivanti fl-għażla biex jitwaqqaf REKT, għal dawk il-korpi li daħlu formalment fi ftehim REKT

Kwalitattiv

Sostenibbiltà

Ir-REKT irreġistrati mingħajr ma wettqu attivitajiet

Numru

Valur miżjud tal-UE

L-għadd ta' strutturi u netwerks ta' kooperazzjoni territorjali li twaqqfu għax ġie offrut l-istrument tar-REKT skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006

Kwantitattiv/Kwalitattiv

Il-vantaġġi tal-korp ġuridiku stabbilit skont il-liġi tal-UE meta mqabbel mal-korpi ġuridiċi li jeżistu skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali

Kwalitattiv

Simplifikazzjoni introdotta mill-istrument

It-tul ta' żmien medju biex jitwaqqaf REKT (il-fażi 1: sas-sottomissjoni tal-abbozz tal-konvenzjoni) qabel u wara l-emendar ta' dan ir-Regolament

Xhur

It-tul ta' żmien medju biex jitwaqqaf REKT (il-fażi 2: sottomissjoni tal-abbozz tal-konvenzjoni sal-approvazzjoni finali) qabel u wara l-emenda ta' dan ir-Regolament

Xhur

L-għadd ta' approvazzjonijiet permezz ta' approvazzjoni taċita mill-awtoritajiet nazzjonali minbarra fl-Istat Membri tal-uffiċċju reġistrat tar-REKT

Għadd (u kwalitattiv)


(1)  Eż. il-Grupp ta' Kooperazzjoni Euroreġjonali (Kunsill tal-Ewropa); Euroreġjuni, Eurodistretti; Zweckverband (il-liġi Ġermaniża), Consorcio (il-liġi Spanjola), Groupement local de coopération transfrontalière (il-liġi Franċiża).

(2)   “Persunal proprju” għall-kuntrarju ta' persunal delegat minn membri tar-REKT.

(3)  Perċentwal ibbażat fuq l-għadd ta' persunal, l-ebda ħtieġa li jitqiesu ekwivalenti full-time.