Brussell, 7.5.2020

COM(2020) 181 final

2020/0070(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Finlandja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”) 1 , il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni tas-6 ta’ Jannar 2020, il-Finlandja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika, mill-1 ta’ Jannar 2021, miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Finlandja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 15 000. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2020, il-Finlandja bagħtet aktar informazzjoni dettaljata dwar il-miżura li trid tintroduċi.

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Marzu 2020 u f’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Finlandja. Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Finlandja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li ma jkunux jaqbżu ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn tiċċarġja l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.

Skont l-Artikolu 287(5) tad-Direttiva tal-VAT, il-Finlandja tista' teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' ECU 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Il-Finlandja ssieħbet fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2002.

Biż-żieda tal-livell limitu għal persuna li trid tiġi identifikata għal skopijiet ta’ VAT minn ECU 10 000 għal EUR 15 000, huwa antiċipat li l-miżura se tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji eliġibbli għall-iskema, u b’mod partikolari fuq il-mikroimpriżi, billi tirrilaxxahom mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma ta’ rekords tal-VAT jew il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa.

Skont l-awtoritajiet Finlandiżi, il-miżura se jkollha biss impatt minuri fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

Il-miżura għandha karattru fakultattiv. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi żgħar għadhom kemm ġew rieżaminati. Id-direttiva l-ġdida li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għal impriżi żgħar 2 tirrikjedi li l-Istati Membri, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. L-Istati Membri ser ikollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.

Għalhekk, jixraq li l-Finlandja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-direttiva l-ġdida li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 3 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozju kif ukoll il-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 15 000 huwa konsistenti mad-Direttiva l-ġdida, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. Malta 4 ngħatat livell limitu ta’ EUR 20 000; In-Netherlands 5 ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; Il-Lussemburgu 6 ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; Il-Polonja 7 , l-Estonja 8 u l-Latvja 9 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; Il-Kroazja 10 u l-Litwanja 11 ngħataw livell limitu ta’ EUR 45 000; L-Ungerija 12 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; Is-Slovenja 13 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija 14 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitluba mill-Finlandja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Din id-direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni kienet qed tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa għal regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2020 15 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji żgħar u medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli fiskali. Hija notevolement konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 16 , li rrefera speċifikament għall-VAT, hekk kif indika l-piż amministrattiv tal-konformità tal-VAT għan-negozji żgħar huwa għoli u li l-innovazzjonijiet tekniċi joħolqu sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji iżgħar.

Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015 17 , li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ma jħalluhomx jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” 18 , li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar.

Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda 19 u fil-Komunikazzjoni tal-2008 “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' - 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa” 20 , li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-unika bażi ġuridika possibbli.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għad-dipartiment tat-taxxa.

•Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Finlandja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 10 000 għal EUR 15 000. Din iż-żieda fil-livell limitu hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 15 000. Għalhekk se jkollha impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal għadd ta’ persuni taxxabbli u, sussegwentement, fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.

Bħalissa, hemm madwar 50 000 intraprenditur li qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu eżentati mill-VAT, filwaqt li l-għadd ta’ negozji rreġistrati għall-VAT huwa ta’ madwar 530 000. Iż-żieda fil-livell limitu tkun ta’ benefiċċju għal madwar 6 000 intraprenditur addizzjonali b’fatturat totali annwali stmat ta’ EUR 80 miljun.

Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT huwa stmat għal EUR 20 miljun, li huwa kkunsidrat bħala negliġibbli.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦAL-BAĠIT

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE peress li l-Finlandja se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.

2020/0070 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Finlandja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 21 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont il-punt (5) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Finlandja tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' ECU 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2020, il-Finlandja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (5) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-miżura ta’ deroga”) mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024 sabiex iżżid il-livell limitu tal-eżenzjoni għal EUR 15 000. Bil-miżura ta’ deroga, dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 15 000 se jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT, imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)Il-livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar li hemm stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta’ simplifikazzjoni għax dan jista’ jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b’mod sinifikanti.

(4)Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet il-Finlandja. Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Finlandja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)Il-miżura ta’ deroga hija konformi mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 22 . Dik id-Direttiva emendat il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregola l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva (UE) 2020/285 għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità tal-VAT ta’ impriżi żgħar u ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u li tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni minn eżenzjoni għal tassazzjoni (l-hekk imsejjaħ effett ta’ livell limitu). Hija tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità tan-negozju minn impriżi żgħar u l-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-livell limitu mitlub ta’ EUR 15 000 huwa konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/285.

(6)Il-miżura ta’ deroga hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta se tkun tista’ tagħżel l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, il-miżura ta’ deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Finlandja miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

(8)Il-miżura ta’ deroga mhix se taffettwa b'mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Finlandja se twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89 23 .

(9)Peress li l-Finlandja tistenna li l-livell limitu miżjud ser jirriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa u b’riżultat ta’ dan tnaqqis fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u mhu se jkun hemm ebda impatt kbir fuq id-dħul totali tal-VAT iġġenerat, il-Finlandja jenħtieġ li tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga.

(10)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont id-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Finlandja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt 5 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Finlandja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 15 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/577/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 32).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 342, 21.12.2017, p. 8).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1853 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 15).
(12)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 38).
(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 19).
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 - Unjoni li tirsisti għal iktar (COM(2020) 37 final).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 (COM(2016) 710 final).
(17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550 final).
(18)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (COM(2012) 795 final).
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-mexxejja li Jmiss tal-Ewropa: L-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, (COM(2016) 733 final).
(20)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008) 394 final).
(21)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(22)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).