European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7412

5.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Diċembru 2024

li twaqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli “Bord Ewropew għall-Agrikoltura u għall-Ikel”

(C/2024/7412)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta Politika Agrikola Komuni (PAK).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1368 (1) tipprevedi qafas għall-konsultazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati mhux governattivi fi kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inklużi l-aspetti internazzjonali tal-agrikoltura. Din tippermetti lill-Kummissjoni titlob l-għarfien espert tal-ispeċjalisti fil-korpi konsultattivi, jiġifieri s-seba’ Gruppi ta’ Djalogu Ċivili, li kollha flimkien jikkostitwixxu 81 organizzazzjoni membru. Minħabba l-objettiv tal-inklużività, l-approċċ miftuħ u parteċipattiv lejn il-partijiet ikkonċernati, kif ukoll il-fokus tematiku ta’ dawn il-gruppi, huma jippermettu konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni regolarment titlob lill-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili jipprovdu pariri tekniċi fil-qasam rispettiv tagħhom ta’ għarfien espert.

(4)

F’Settembru 2023, il-President von der Leyen ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni d-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE li tnieda f’Jannar 2024 u li laqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin mis-setturi agroalimentari Ewropej, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet rurali u d-dinja akkademika biex jintlaħqu fehim u viżjoni komuni għall-futur tas-sistemi tal-biedja u tal-ikel tal-Unjoni.

(5)

Abbażi tal-esperjenza tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE, il-Kummissjoni tixtieq trawwem kultura ġdida ta’ kooperazzjoni u djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati, bl-għan li tgħin biex jinbena kunsens bejniethom fir-rigward tal-perkorsi u l-azzjonijiet għall-futur tas-sistemi tal-biedja u tal-ikel tal-Unjoni, inkluża l-politika agrikola komuni.

(6)

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni biħsiebha titlob l-għarfien espert ta’ korp konsultattiv ta’ rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati biex jipprovdi pariri ta’ politika ta’ livell għoli u strateġiċi ta’ natura mhux vinkolanti. Dan jikkomplementa l-għarfien espert speċifiku u settorjali diġà disponibbli, inkluż mill-Gruppi ta’ Djalogu Ċivili.

(7)

Għalhekk jixraq li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli magħmula minn esperti fil-qasam tas-settur agroalimentari, u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 (2) li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(8)

Il-grupp għandu jgħin biex isostni kultura ġdida ta’ djalogu, fiduċja u parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet ikkonċernati fost l-atturi u mal-Kummissjoni. Għandu jikkontribwixxi għall-ħidma fuq il-viżjoni għall-futur tal-agrikoltura u tal-ikel u għas-segwitu tar-rapport tad-Djalogu Strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE.

(9)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 30 organizzazzjoni membru li jirrappreżentaw il-komunità tal-biedja, atturi oħra tal-katina tal-provvista tal-ikel, jew is-soċjetà ċivili (inkluż f’oqsma bħall-ambjent u l-klima, il-benesseri tal-annimali jew kwistjonijiet tal-konsumatur). Għandu jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata ta’ dawn it-tliet kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati f’dan il-grupp.

(10)

L-esperti jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp fuq bażi ad hoc bl-għan, fost l-oħrajn, li jipprovdu għarfien espert xjentifiku fir-rigward ta’ suġġett fuq l-aġenda.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn membri tal-grupp. Jenħtieġ li d-data personali tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(12)

Jixraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Jitwaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni msejjaħ il-Bord Ewropew għall-Agrikoltura u għall-Ikel (“il-grupp”).

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

(a)

li jipprovdi pariri ta’ livell għoli lill-Kummissjoni dwar żviluppi strateġiċi ta’ politika fir-rigward tal-viżjoni għall-agrikoltura u għall-ikel u s-segwitu tar-rapport tad-Djalogu Strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE;

(b)

li jrawwem id-djalogu u l-iskambju ta’ esperjenza fost il-membri tiegħu fl-oqsma msemmija fil-punt (a), b’attenzjoni partikolari għall-koerenza u s-sinerġija tal-politiki tal-Unjoni u l-konsistenza tagħhom mal-inizjattivi tas-settur privat;

(c)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ inizjattivi ta’ politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a);

(d)

li jagħti opinjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi meta jitlobhom id-DĠ AGRI u sal-iskadenzi stabbiliti fit-talba.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kull kwistjoni relatata mal-agrikoltura u mal-ikel, filwaqt li tiddefinixxi l-perjodu ta’ żmien li fih ikun meħtieġ il-parir.

Artikolu 4

Sħubija

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 30 membru.

2.   Il-membri tal-grupp għandhom ikunu organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, li joperaw u jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-Unjoni. L-organizzazzjonijiet għandhom jirrappreżentaw lill-komunità tal-biedja, lil atturi oħra fil-katina tal-provvista tal-ikel, jew lis-soċjetà ċivili.

3.   L-organizzazzjonijiet għandhom juru kompetenza u għarfien espert rilevanti mill-aktar mifruxa fl-oqsma rilevanti għall-agrikoltura u/jew l-ikel fil-livell tal-Unjoni u għandhom juru l-akbar rappreżentanza ġeografika fl-Istati Membri.

4.   Kull organizzazzjoni membru għandha tinnomina rappreżentant wieħed ta’ livell għoli, jiġifieri jokkupa l-kariga ta’ President, Segretarju Ġenerali, Direttur Ġenerali jew ekwivalenti fl-organizzazzjoni tagħhom, u għandha tkun responsabbli biex tiżgura li r-rappreżentant tagħha jipprovdi livell għoli ta’ għarfien espert.

5.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, u li, fl-opinjoni tad-dipartiment ikkonċernat tal-Kummissjoni, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

Artikolu 5

Proċess tal-għażla

1.   L-għażla tal-membri tal-grupp għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”) imsemmi fid-Deċiżjoni C(2016) 3301. Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata b’mezzi oħra, inkluż fuq siti web dedikati. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiddeskrivi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert meħtieġ u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati rigward il-ħidma li għandha titwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

2.   Il-kriterji tal-għażla għandhom jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata tat-tliet kategoriji ta’ membri, imsemmija fl-Artikolu 4(2), it-tieni sentenza. L-organizzazzjonijiet għandhom jirrappreżentaw l-akbar interess kollettiv u tal-Unjoni u għandhom juru l-importanza tagħhom, inkluża r-rappreżentanza ġeografika, fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura u/jew tal-ikel.

3.   Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza (4) hija meħtieġa biex jinħatru l-organizzazzjonijiet.

4.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“DĠ AGRI”) tal-Kummissjoni minn organizzazzjonijiet applikanti b’kompetenza u esperjenza ppruvati u rilevanti fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u 3 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet, biex jattendu l-laqgħat tal-grupp.

5.   Il-membri għandhom jinħatru għal mandat ta’ 5 snin.

Artikolu 6

Il-President

Il-grupp għandu jkun ippresedut mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u għall-Ikel.

Artikolu 7

Funzjonament

1.   Id-DĠ AGRI għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali.

2.   Il-grupp għandu jaġixxi fuq talba tal-President f’konsultazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli orizzontali.

3.   Il-grupp għandu jiltaqa’ fuq talba tad-DĠ AGRI f’konsultazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli orizzontali.

4.   Fil-prinċipju, il-grupp għandu jiltaqa’ bejn darbtejn u sitt darbiet fis-sena. Il-President jista’ jsejjaħ lill-grupp għal laqgħat addizzjonali meta jkun meħtieġ parir urġenti.

5.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, skont iċ-ċirkostanzi.

6.   L-uffiċjali l-oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp.

7.   Bi qbil mad-DĠ AGRI, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, il-grupp jista’ jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

8.   Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u dwar l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jiġu abbozzati mis-segretarjat, taħt ir-responsabbiltà tal-President.

9.   Sa fejn ikun possibbli, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, ir-riżultat tal-vot għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.

Artikolu 8

Sottogruppi

Id-DĠ AGRI jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza ddefiniti mid-DĠ AGRI f’konsultazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.

Artikolu 9

Esperti mistiedna

Id-DĠ AGRI f’konsultazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni, jista’ jistieden lill-esperti b’għarfien espert speċifiku fir-rigward ta’ suġġett fuq l-aġenda, biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp fuq bażi ad hoc.

Artikolu 10

Osservaturi

1.   Organizzazzjonijiet u entitajiet pubbliċi oħrajn apparti l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta.

2.   L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom.

3.   Ir-rappreżentanti tal-osservaturi jistgħu jitħallew mill-President jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp, u tas-sottogruppi tiegħu, u jipprovdu għarfien espert, filwaqt li jqisu l-ħtieġa ta’ għarfien espert u jippreservaw in-natura interattiva tad-diskussjoni. Madankollu, ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ pariri tal-grupp.

Artikolu 11

Regoli ta’ Proċedura

Fuq proposta mid-DĠ AGRI, f’konsultazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp.

Artikolu 12

Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali

Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u huma soġġetti wkoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (5) u (UE, Euratom) 2015/444 (6). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 13

Trasparenza

1.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).

2.   Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp u tas-sottogruppi, għandha tiġi ppubblikata d-data li ġejja fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

(a)

l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; l-interess rappreżentat għandu jkun divulgat;

(b)

l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet;

(c)

l-ismijiet tal-osservaturi.

3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli jew fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti għal sit web dedikat, fejn tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web dedikati ma għandux ikun sottomess għal reġistrazzjoni tal-utent jew għal restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtu tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss fejn jitqies li d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Artikolu 14

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tass-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 15

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni hi applikabbli mid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2029. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1368 tat-3 ta’ Awwissu 2022 li twaqqaf Gruppi ta’ Djalogu Ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-Politika Agrikola Komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/767/UE (ĠU L 205 5.8.2022, p. 278, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1368/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)   https://transparency-register.europa.eu/index_en.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7412/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)