12004V418

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU VI - IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - KAPITOLU III - KOPERAZZJONI MSAĦĦA - Artikolu III-418

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0180 - 0180


Artikolu III-418

1. Meta koperazzjoni msaħħa tkun qed tiġi stabbilita, għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha basta li kwalunkwe kondizzjoni ta' parteċipazzjoni stabbilita mid-deċiżjoni Ewropea ta' awtorizzazzjoni tkun imħarsa. Għandha tkun ukoll miftuħa għalihom fi kwalunkwe ħin ieħor, sakemm kull kondizzjoni ta' dan it-tip u l-atti diġà adottati fi ħdan dak il-qafas, ikunu mħarsa.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri.

2. Il-Kummissjoni u, meta xieraq, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandhom iżommu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill regolarment infurmati bl-iżviluppi li jirrigwardaw il-koperazzjoni msaħħa.

--------------------------------------------------