52009PC0659

Proposta għal regolament tal-Kunsill Li jirrevoka d-dazju tal-antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. /* KUMM/2009/0659 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.11.2009

KUMM(2009)659 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Li jirrevoka d-dazju tal-antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet f’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja |

Il-konsistenza ma’ politiki u miri oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-istima tal-impatt |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

L-istima tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. |

L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

Sinteżi tal-azzjoni proposta Fit-22 ta' April 2009 il-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja. L-investigazzjoni kkonċernat biss l-eżaminazzjoni tad-dumping f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikant, Silmak Dooel Export Import. Dan il-produttur esportatur huwa attwalment soġġett għad-dazju anti-dumping ta' 5,4 %, li huwa wkoll il-livell tad-dazju residwali għall-importazzjonijiet tal-ferro-silikon minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. L-investigazzjoni wriet li ma seħħx dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Ġie konkluż ukoll li ċ-ċirkostanzi misjuba matul il-perjodu attwali ta' investigazzjoni kienu ta' natura dejjiema. Għalhekk, qed jiġi ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament, li għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill-21 ta’ Lulju 2010, sabiex jirrevoka d-dazju anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferro-silikon minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. |

Il-bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tagħmel parti mill-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: |

Il-forma ta’ azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini hu mminimizzat u fi proporzjon mal-għan tal-proposta, mhijiex applikabbli. |

Għażla tal-istrumenti |

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

Implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. |

1. Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Li jirrevoka d-dazju tal-antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet tal-ferro-silikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 il-paragrafi 3 u 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

2. PROĊEDURA

3. Miżuri eżistenti

4. Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 172/2008[2] ('ir-Regolament oriġinali'), impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ferro-silikon ('FeSi') li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Eġittu, mill-Każakstan, minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u mir-Russja Il-miżuri jikkonsistu f'dazji ad valorem li jvarjaw bejn il-5,4 % u t-33,9 % jiddependi mill-pajjiż ta' oriġini, bl-eċċezzjoni ta' erba' kumpaniji msemmija espliċitament fir-Regolament oriġinali li huma soġġett għal rati ta' dazju individwali.

5. It-talba għal reviżjoni

6. Sussegwenti għall-impożizzjoni ta' miżuri definittivi, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ('ir-reviżjoni interim'). It-talba, limitata fl-ambitu għall-eżami ta' dumping, tressqet minn produttur esportatur minn dik li kienet ir-Repubblika Yugożlava tal-Maċedonja, Silmak Dooel Export Import ('l-applikant' jew 'Silmak'). L-applikant ikkoopera fl-investigazzjoni li wasslet għal sejbiet u konklużjonijiet stipulati fir-Regolament oriġinali ('l-investigazzjoni oriġinali'). Id-dazju anti-dumping applikabbli għall-applikant, li huwa l-uniku produttur esportatur magħruf tal-prodott ikkonċernat li joriġina minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, huwa ta' 5,4 %.

7. Fit-talba tiegħu għal reviżjoni interim, l-applikant argumenta li paragun tal-valur normali kompost u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tiegħu lill-Komunità indika li l-marġni tad-dumping kien sostanzjalment inqas mil-livell attwali tal-miżura. Għalhekk, il-kumpanija allegat li l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kenitx aktar meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

8. It-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali

9. Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping sa fejn għandu x’jaqsam Silmak. Il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ tnedija fit-22 ta’ April 2009 f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [3] u tat bidu għal investigazzjoni.

10. Il-prodott ikkonċernat u prodotti simili

11. Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni interim huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifierri ferro-alloy li f'piż fih aktar minn 8 % u inqas minn 96 % silikon u minn tal-inqas 4 % ħadid. Il-produzzjoni tal-FeSi issir fi fran b'ark elettriku permezz tal-użu ta' prodotti li jifilħu għall-karbonju. Il-prodott huwa essenzjalment użat bħala deossidifikant u bħala komponent għall-ħadid fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar. L-FeSi jinbiegħ taħt forma ta’ biċċiet, frak jew trab u jeżisti fi kwalitajiet varji jiddependi mis-silikon u mill-kontenut ta’ impurità (eż. aluminju). L-FeSi b’kontenut ta’ silikon ta’ 70 % u ogħla kien meqjus bħala purità għolja, b’kontenut ta’ silikon ta’ aktar minn 55 % u inqas minn 70 % bħala purità medja, u b’kontenut ta’ silikon ta’ inqas minn 55 % bħala FeSi ta’ purità baxxa. Il-prodott ikkonċernat ikun normalment iddikjarat fi ħdan il-kodiċi NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90.

12. Il-prodott li huwa prodott u mibjugħ f'dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u dak esportat lejn il-Komunità, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi u għalhekk meqjusa li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

13. Il-partijiet ikkonċernati

14. Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-industrija Komunitarja, l-applikant u l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur bit-tnedija tar-reviżjoni interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehma tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ tnedija. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari li għalihom għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

15. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba qabel ma' skorriet id-data tal-iskadenza ffissata għal dak l-għan. Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha hija neċessarja biex tiddetermina d-dumping, filwaqt li twettqet żjara ta' verifika fil-kwartieri tal-applikant.

16. Silmak Dooel Export-Import, Jegunovice, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja .

17. Il-perjodu ta’ investigazzjoni

18. L-investigazzjoni dwar id-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2008 ('il-perjodu tal-investigazzjoni’ jew ‘PI’).

19. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

20. Il-valur normali

21. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili tal-applikant lill-klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ bejgħ ta’ din ix-xorta kienx daqs minn tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' esportazzjonijiet korrispondenti lejn il-Komunità.

22. Peress li l-investigazzjoni stabbiliet li ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku rappreżentattiv tal-prodotti simili f'dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, kellu jiġi kkalkulat valur normali. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien kalkolat billi mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ġew miżjuda ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi ('SG&A') u marġni raġonevoli ta’ profitt.

23. Biex jiġi stabbilit jekk il-marġni ta' profitt tal-SG&A tal-applikant stess u l-marġni ta' profitt li kien hemm fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili setax jintuża, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk kienx hemm xi bejgħ domestiku ta' FeSi fil-PI li seta' jitqies bħala li ġie magħmul fil-proċess ordinarju ta' kummerċ, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Instab li l-kumpanija kellha ftit tranżazzjonijiet ta' bejgħ domestiku bi profitt matul il-PI, li jikkorrispondu għal kwantitajiet żgħar ħafna. Il-kumpanija klejmjat li dawn it-tranżazzjonijiet ikkonċernaw tipi ta' prodott bi prova li għaldaqstant ma setawx jiġu kkunsidrati fil-proċess ordinarju tal-kummerċ. Il-klejm kienet eżaminata u aċċettata.

24. Abbażi tal-analiżi ta' hawn fuq, ġie konkluż li l-applikant ma kellu l-ebda bejgħ domestiku tal-prodotti simili fil-proċess ordinarju tal-kummerċ matul il-PI. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(6)(c) kien ikkunsidrat raġonevoli li meta jiġi kkalkulat il-valur normali, għandu jintuża l-istess metodu kif applikat fl-investigazzjoni oriġinali. Bħala konsegwenza ta' dan, l-SG&A medju differenzjat imġarrab mill-produtturi Eġizzjani fl-investigazzjoni oriġinali, minħabba l-produzzjoni u l-istrutturi ta' bejgħ komparabbli tagħhom, u marġni ta' profitt ta' 5 % li kien ikkunsidrat profitt raġonevoli għal dan it-tip ta' suq ta' kommodità, ġew miżjuda mal-ispiża tal-manifattura tal-applikant.

25. Il-prezz tal-esportazzjoni

26. Peress li l-bejgħ tal-esportazzjonijiet tal-applikant lejn il-Komunità sar direttament lil klijenti indipendenti, il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu jew jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

27. Il-paragun

28. Il-paragun bejn il-valur normali medju ddifferenzjat u l-prezz medju ddifferenzjat tal-esportazzjonijiet sar fuq bażi ex-fabbrika u fl-istess livell ta' kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjonijiet, ittieħed kont, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tad-differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għan dan l-iskop, ingħatat konċessjoni xierqa f'forma ta' aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport u assigurazzjoni, l-immaniġġar, l-ippakkjar u l-ispejjeż anċilljari, spejjeż finanzjarji, spejjeż tal-bank u dazji anti-dumping imħallsa mill-applikant fejn applikabbli u ġġustifikat.

29. Il-marġni ta’ dumping

30. Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali differenzjat skont it-tip ġie pparagunat mal-prezz medju differenzjat tal-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti mal-prodott ikkonċernat. Dan il-paragun ma weriex l-eżistenza ta' dumping.

31. IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

32. F'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura dejjiema.

33. F'dan ir-rigward l-investigazzjoni wriet li Silmak kien għamel sforżi sostanzjali biex ibiddel l-istruttura tal-produzzjoni tiegħu biex jipproduċi tipi ta' prodotti bi grad ogħla (b'kontenut ta' silikon ta' 75 % jew ogħla) li rriżulta f'żieda fil-prezzijiet ta' esportazzjonijiet tiegħu, li bħala medja kienet ogħla miż-żieda fl-ispejjeż.

34. L-applikant ta kooperazzjoni sħiħa f’din ir-reviżjoni interim u d-dejta miġbura u vverifikata ppermettiet li jiġi stabbilit marġni tad-dumping ibbażat fuq l-istess dejta, inklużi l-prezzijiet individwali tal-esportazzjonijiet lejn il-Komunità. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jindika li l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx għadu ġġustifikat.

35. L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni wriet ukoll li t-tibdiliet fl-istruttura ta' produzzjoni tal-applikant għandhom jitqiesu ta’ natura dejjiema. Ma ħareġ l-ebda fatt matul l-investigazzjoni li jista’ jissuġġerixxi mod ieħor. Għalhekk qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffetwaw is-sejbiet tar-reviżjoni interim. Għalhekk, ġie konkluż li ċ-ċirkustanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema.

36. IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

37. Qed jiġi nnutat li l-paragun tad-dejta dwar esportazzjonijiet tal-applikant mal-Eurostat juri li l-kwantità tal-esportazzjonijiet tal-kumpanija tal-prodott ikkonċernat fil-PI ikkorrospondiet mal-kwantità totali tal-prodott ikkonċernat impurtat lejn il-Komunità minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja matul l-istess perjodu.

38. Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni għal reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju tal-anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw minn dik li kienet Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja jiġi rrevokat.

39. Partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien intenzjonat li jkun irrakkomandat li l-miżura imposta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja tkun irrevokata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma ġew irċevuti l-ebda kummenti mill-partijiet interessati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Uniku

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferro-silikon li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90, li joriginaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, imnedija skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, hija hawnhekk mitmuma u l-miżura fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja hija rrevokata.

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[2] ĠU L 55, 28.2.2008, p. 6.

[3] ĠU C 93, 22.4.2009, p. 22.