SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/145/PESK – L-aħħar parti tal-Artikolu 1(1) – Miżuri restrittivi imposti fuq persuna fiżika assoċjata ma’ persuna fiżika oħra suġġetta hija stess għal miżuri restrittivi – Kunċett ta’ ‘assoċjazzjoni fil-każ ta’ żewġ persuni magħquda b’relazzjoni familjali’”

Fil-Kawża C‑703/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Novembru 2023,

Elena Petrovna Timchenko, residenti f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn S. Bonifassi, T. Bontinck u E. Fedorova, avocats,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.‑C. Cadilhac u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus-Carcea, C. Giolito u H. Krämer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑361/22, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:502), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, l-ewwel nett, għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat‑8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifiki fil-ĠU 2022, L 141, p. 131, fil-ĠU 2023, L 39, p. 65 u fil-ĠU L, 2023/90041), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat‑8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2022, L 141, p. 130, fil-ĠU 2023, L 39, p. 64 u fil-ĠU L, 2023/90040) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali kontenzjużi”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma kontenzjużi”), sa fejn l-atti inizjali u ta’ żamma kontenzjużi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawha, u, it-tieni nett, li tikseb kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 16 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor u kkompletat kif ġej.

Id-Deċiżjoni 2014/145

3

Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).

4

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”), jipprojbixxi d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti, b’mod partikolari, fil-punti (a), (b) u (e) tagħha, filwaqt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a), (d) u (g) tiegħu, liema kriterji huma, essenzjalment, identiċi għal dawk previsti fil-punti (a), (b) u (e) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-aħħar parti tal-Artikolu 1(1) u l-aħħar parti tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdu li tali miżuri restrittivi jistgħu jiġu imposti wkoll fir-rigward, b’mod partikolari, tal-persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi suġġetti huma stess għal miżuri restrittivi skont il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

5

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:

(a)

persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;

(b)

persuni fiżiċi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[…]

(e)

negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness.”

Ir-Regolament Nru 269/2014

6

Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).

7

F’dan il-kuntest, il-Kunsill introduċa, fl-Artikolu 3(1)(a), (d), (g) u fl-aħħar parti ta’ dan l-artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), kif emendat bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), l-istess kriterji bħal dawk riprodotti fil-punt 5 ta’ din is-sentenza.

L-atti kontenzjużi

L-atti inizjali kontenzjużi

8

Fit-8 ta’ April 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti inizjali kontenzjużi. Il-premessi 6 u 7 ta’ kull wieħed minn dawn l-atti jgħidu li:

“(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u qed tikkawża telf massiv ta’ ħajjiet u korrimenti liċ-ċivili, u li l-Unjoni [Ewropea] tibqa’ lesta li tagħlaq il-lakuni u timmira lejn ċirkomvenzjoni attwali u possibbli tal-miżuri restrittivi diġà adottati, kif ukoll li timxi malajr b’aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati fuq ir-Russja u l-Belarussja, biex b’mod effettiv ixxekkel il-kapaċitajiet Russi biex tkompli l-aggressjoni.

(7)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li huwa xieraq li jimponi miżuri restrittivi fuq negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u fuq persuni li jappoġġaw jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u fuq persuni fiżiċi assoċjati ma’ dawk il-persuni, inkluż membri tal-familja li jibbenefikaw indebitament minnhom.”

9

Barra minn hekk, permezz tal-imsemmija atti, isem l-appellanti ġie miżjud, rispettivament, fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145 u f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, għar-raġunijiet segwenti:

“Elena [Petrovna] Timchenko hija mart il-biljunarju Gennady Timchenko, elenkat taħt id-[Deċiżjoni 2014/145]. Hija tipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi tiegħu permezz tal-Fondazzjoni Timchenko. Għalhekk hi qed tibbenefika minn Gennady Timchenko li huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u materjali, u li jibbenefika minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mir-Russja responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

L-atti ta’ żamma kontenzjużi

10

Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma kontenzjużi sabiex itawwal il-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellanti. Dawn l-atti huma bbażati fuq motivi identiċi għal dawk li jinsabu fl-atti inizjali kontenzjużi u riprodotti fil-punt preċedenti.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ rikors tas‑17 ta’ Ġunju 2022, l-appellanti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawha u tagħtiha kumpens għad-dannu morali li hija allegat li ġarrbet minħabba l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li l-Kunsill kien wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li hija kienet “assoċjata”, fis-sens b’mod partikolari tal-aħħar parti tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-assoċjazzjoni”), ma’ żewġha, li kienu ġew imposti fuqu miżuri restrittivi skont b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju (a)”).

12

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod partikolari, fil-punti 67 sa 85 tas-sentenza appellata, il-motiv tal-appellanti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni. Wara li qieset, fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ assoċjazzjoni kien ikopri b’mod partikolari membri tal-istess familja marbuta b’interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali li torbothom u li din id-definizzjoni ma kinitx ikkontestata mill-premessi 7 tal-atti inizjali kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 77 u 78 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti, membru tal-bord tad-diretturi tal-fondazzjoni Timchenko, u żewġha kienu l-fundaturi ta’ din tal-aħħar u kellhom rwol attiv fiha peress li kienu direttament marbuta mal-attivitajiet operattivi tagħha u kellhom setgħat sostanzjali.

13

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 79 tal-istess sentenza, li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li l-appellanti kienet, fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko, assoċjata ma’ żewġha, li, huwa stess, kif kien jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, EU:T:2023:496), kien jissodisfa b’mod partikolari l-kriterju (a), u konsegwentement jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tagħha.

14

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-attivitajiet tagħha fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko ma kellhomx rabta mal-invażjoni tal-Ukraina, għar-raġuni li l-kriterju (a) ma kienx jipprevedi li tiġi stabbilita tali rabta.

15

Barra minn hekk, peress li ċaħdet il-motivi l-oħra tal-appellanti kif ukoll it-talba tagħha għal kumpens, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tilqa’ l-appell fuq il-mertu u tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawha, u

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

17

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell, u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

18

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad l-appell, u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

19

L-appellanti tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta adottat interpretazzjoni arbitrarja u abbużiva tal-kriterju tal-assoċjazzjoni b’rabta mal-kunċett ta’ “interessi komuni”, it-tieni wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kelma “indebitament” li tinsab fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2022/582 u t-tielet wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżuri restrittivi kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

20

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kriterju tal-assoċjazzjoni, sa fejn din twassal sabiex tippermetti li dan il-kriterju jiġi applikat għal persuni fiżiċi minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ relazzjoni familjali ma’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 74 u 76 tas-sentenza appellata, li, meta persuna fiżika tkun membru tal-familja ta’ persuna suġġetta għal tali miżuri, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza oġġettiva ta’ “nisġa ta’ interessi komuni” li ma għandhomx neċessarjament jirriżultaw f’attività ekonomika u lanqas jiġu fformalizzati fi struttura legali komuni. Permezz ta’ dawn it-termini vagi, il-Qorti Ġenerali fittxet li tkopri numru kbir ħafna ta’ sitwazzjonijiet mingħajr ma identifikat interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali biss u mingħajr ma ppreċiżat il-kunċett ta’ “nisġa ta’ interessi komuni”, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

21

Filwaqt li tirrikonoxxi li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tispjega kif, min-natura tagħhom, mill-kwalità tagħhom u mill-kwantità tagħhom, tali interessi komuni kienu jeċċedu s-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti għal kull relazzjoni familjali sabiex tkun tista’ tiġi kkaratterizzata l-eżistenza oġġettiva ta’ tali nisġa. Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti kienet assoċjata ma’ żewġha mingħajr ma identifikat xi rabtiet ta’ negozju jew tipi ta’ interessi komuni, kemm jekk ekonomiċi, kapitalistiċi jew oħrajn, li jgħaqqdu liż-żewġ konjuġi lil hinn mir-relazzjoni familjali li torbothom. L-appellanti tippreċiża li, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeduċiet assoċjazzjoni bejnha u bejn żewġha mill-funzjonijiet u mis-setgħat abitwali marbuta mal-istatus ta’ fundatur ta’ assoċjazzjoni karitatevoli, filwaqt li l-interess komuni tal-konjuġi li jwettqu attività karitatevoli jaqa’ fil-kuntest tar-relazzjoni familjali tagħhom.

22

Il-Kunsill iqis li l-appellanti tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata. Issa, ħlief fil-każ ta’ żnaturament mhux invokat f’dan il-każ minn din l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura ta’ appell, b’tali mod li l-argumenti tal-imsemmija appellanti għandhom, f’dan ir-rigward, jiġu ddikjarati inammissibbli. Għall-bqija, il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti fuq il-mertu.

23

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

24

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑31/23 P, EU:C:2024:851, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet minnhom (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, il-Kunsill iqis li l-appellanti tfittex li tikkontesta, permezz ta’ wħud mill-argumenti tagħha, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata.

26

Dan il-motiv ta’ inammissibbiltà ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mill-appell jirriżulta b’mod ċar li, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali relatati mal-assoċjazzjoni tagħha ma’ żewġha, kif saru mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata. Billi tikkritika dawn il-punti, hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li kien hemm tali assoċjazzjoni mingħajr ma identifikat, bi ksur tal-kriterji li hija kienet madankollu stabbilixxiet fil-punti 74 u 76 tal-imsemmija sentenza, interessi komuni li jgħaqqdu liż-żewġ konjuġi lil hinn mir-relazzjoni familjali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti jirrigwardaw l-istħarriġ tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u l-konsegwenzi legali li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huwa fondat fl-intier tiegħu.

– Fuq il-mertu

27

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, talli, fil-punti 74 u 76 tas-sentenza appellata, adottat, bi ksur tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138), interpretazzjoni tal-kriterju tal-assoċjazzjoni tant wiesgħa li dan jista’ jiġi applikat għal persuni fiżiċi minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ relazzjoni familjali ma’ persuna suġġetta hija stess għal miżuri restrittivi. Hija tqis ukoll li l-interpretazzjoni wiesgħa adottata mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

28

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 74 u 76 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ assoċjazzjoni jkopri b’mod partikolari persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma, b’mod ġenerali, marbuta b’interessi komuni mingħajr madankollu ma jeħtieġu rabta permezz ta’ attività ekonomika. Għalhekk, dan il-kunċett jikkonċerna kull persuna fiżika li għandha rabta li tmur lil hinn mir-relazzjoni familjali li torbotha ma’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, meta dawn il-persuni jkunu marbuta b’relazzjoni familjali, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza oġġettiva ta’ “nisġa ta’ interessi komuni”, li mhux bilfors għandha tiġi fformalizzata fi struttura legali maħluqa għal dan l-għan.

29

Din id-definizzjoni ma tfissirx li l-kunċett ta’ assoċjazzjoni huwa limitat għall-eżistenza ta’ sempliċi relazzjoni familjali. L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali timplika fil-fatt li interessi komuni li jmorru oġġettivament lil hinn minn tali rabta għandhom jiġu rrapportati sabiex dawn il-membri jkunu jistgħu jitqiesu li huma “assoċjati”, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni.

30

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interessi komuni ta’ tali membri għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti f’kull relazzjoni familjali.

31

Peress li huwa biżżejjed li tali interessi komuni jmorru oġġettivament lil hinn mir-relazzjoni familjali li tgħaqqad iż-żewġ persuni kkonċernati, ma huwiex neċessarju, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali u kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, li dawn l-interessi jissarrfu f’attività ekonomika jew jiġu fformalizzati fi struttura legali.

32

Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li t-terminu “assoċjati” li jinsab b’mod partikolari fl-aħħar parti tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jintuża b’mod ġenerali mingħajr ebda preċiżazzjoni jew kuntestwalizzazzjoni oħra u li, kif jirriżulta wkoll, essenzjalment, mill-premessi 6 u 7 ta’ kull wieħed mill-atti inizjali kontenzjużi, l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq persuni assoċjati ma’ persuni oħra suġġetti huma stess għal tali miżuri hija intiża sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ evitar ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑458/17 P, EU:C:2018:441, punt 79, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Souruh vs Il‑Kunsill, C‑350/19 P, EU:C:2020:784, punt 83), il-kunċett ta’ assoċjazzjoni għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa li ma tistax konsegwentement tiġi limitata għall-assoċjazzjonijiet li għandhom rabtiet ta’ negozju jew rabtiet ekonomiċi jew kapitalistiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah, C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 56).

33

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta interpretat il-kunċett ta’ assoċjazzjoni bil-mod espost fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, li jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli, ma jistax jinftiehem bħala li jimponi fuq il-leġiżlatur jew fuq il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li l-ewwel wieħed jadotta u t-tieni waħda tinterpreta, l-obbligu li jsemmu d-diversi ipoteżijiet konkreti li fihom regola astratta tista’ tiġi applikata, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 159 u 160 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 u 76 tas-sentenza appellata, identifikat, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, kriterji suffiċjentement ċari u preċiżi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-każ ta’ żewġ persuni magħquda b’relazzjoni familjali, filwaqt li ma kienx meħtieġ li hija ssemmi fid-dettall l-ipoteżijiet li fihom l-imsemmi kunċett seta’ japplika minħabba l-fatt li, minn naħa, din għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa u li, min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata u kif l-appellanti stess tammetti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tipi ta’ relazzjoni li hija tista’ tkopri jiddependu “mill-kuntesti u miċ-ċirkustanzi inkwistjoni”.

35

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li hija kienet assoċjata ma’ żewġha filwaqt li, kuntrarjament għal dak li kienet sostniet fil-punti 74 sa 76 ta’ dik is-sentenza, hija ma identifikatx, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt imsemmija fil-punti 77 u 78 tal-imsemmija sentenza, l-eżistenza oġġettiva ta’ “nisġa ta’ interessi komuni” li tgħaqqad iż-żewġ konjuġi lil hinn mir-relazzjoni familjali tagħhom.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li l-isem ta’ persuna jiġi inkluż jew miżmum fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tivverifika, minbarra n-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, tal-inqas, wieħed minnhom jikkostitwixxix fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tiżgura li din tal-aħħar, li għandha portata individwali għall-persuna kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 118 u 119; tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Kif jirriżulta mill-punt 47 tas-sentenza appellata mhux ikkontestat fl-appell, l-appellanti ġiet suġġetta għal miżuri restrittivi abbażi tal-kriterju tal-assoċjazzjoni, għar-raġuni li, permezz tal-azzjoni li hija kienet teżerċita fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko, hija pparteċipat fl-affarijiet pubbliċi ta’ żewġha, G. Timchenko, u kienet tibbenefika minnhom.

38

Fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-appellanti u żewġha ħolqu l-Fondazzjoni Timchenko u huma direttament marbuta mal-attivitajiet operattivi li hija twettaq. Hija kkonstatat ukoll li r-rwol attiv tagħhom fi ħdan din il-fondazzjoni huwa b’mod partikolari kkonfermat mill-funzjonijiet u mis-setgħat li huma jeżerċitaw hemmhekk. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli naqset milli tivverifika jekk dawn il-fatti kinux jissodisfaw il-kriterji tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni stabbiliti fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata.

39

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, għandu jitqies, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, li, sabiex jiġi konkluż, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li din l-appellanti kienet assoċjata ma’ żewġha, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis li dawn il-konjuġi kienu marbuta minn interessi komuni li jmorru lil hinn mis-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti għal kull relazzjoni familjali, anki għal relazzjoni matrimonjali.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

41

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kelma “indebitament” li tinsab fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2022/582. Fil-fatt, billi ppreveda l-possibbiltà li jiġi applikat il-kriterju tal-assoċjazzjoni għall-membri tal-familja li jiksbu vantaġġ indebitu minn persuna suġġetta hija stess għal miżuri restrittivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, sabiex jevita li tali membri jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi minħabba r-relazzjoni familjali tagħhom biss, jimponi l-prova ta’ vantaġġ indebitu, jiġifieri vantaġġ partikolari ta’ ċerta intensità li jmur lil hinn minn relazzjoni familjali normali.

42

Issa, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat it-terminu “indebitament” bħala li jimponi l-prova ta’ element morali imputabbli lill-membru tal-familja kkonċernat, jiġifieri l-fatt li dan tal-aħħar kellu jkun jaf li l-vantaġġ miksub kien ġej minn persuna li tissodisfa wieħed mill-kriterji previsti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Minbarra l-fatt li huwa impossibbli li tiġi pprovata l-assenza ta’ tali għarfien, l-appellanti tqis li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma hijiex “raġonevoli”, sa fejn din tal-aħħar ma tispjegax kif dan l-għarfien jista’ oġġettivament jirrendi indebitu l-vantaġġi misluta minn relazzjoni familjali. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni twassal sabiex tobbliga lill-membru tal-familja kkonċernat jiddetermina a priori jekk il-persuna li magħha hija magħquda permezz ta’ relazzjoni familjali tissodisfax il-kriterji ta’ inklużjoni previsti f’att bħad-Deċiżjoni 2014/145, li jmur kontra l-prinċipju ta’ prevedibbiltà.

43

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti filwaqt li jaqblu, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali effettivament ma adottatx interpretazzjoni korretta tal-kelma “indebitament”.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma interpretatx b’mod korrett, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, it-terminu “indebitament” li jinsab fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2022/582, jiġifieri wieħed miż-żewġ atti inizjali kontenzjużi.

45

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2022/582, l-istess bħall-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/581, li huwa t-tieni wieħed mill-atti inizjali kontenzjużi, tipprovdi li miżuri restrittivi jistgħu jiġu imposti fuq persuni fiżiċi assoċjati ma’ negozjanti ewlenin li jkollhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u li dawn il-persuni fiżiċi assoċjati jistgħu jinkludu, kif jirriżulta mill-kelma “inkluż”, membri tal-familja li jiksbu “indebitament” vantaġġ minn dawn in-negozjanti.

46

Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod partikolari li, bl-użu tal-avverbju “indebitament”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried juri l-fatt li l-membru tal-familja kkonċernat kellu jkun jaf li l-vantaġġ miksub kien ġej minn persuna li tissodisfa wieħed mill-kriterji li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi deċiż, kif jirrikonoxxu unanimament il-partijiet, li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx korrettament l-avverbju “indebitament” li jinsab fil-premessi 7 tal-atti inizjali kontenzjużi.

48

Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ dawn il-premessi 7 ma jirriżultax li n-natura indebita tal-vantaġġ għandha neċessarjament tiddependi minn element intenzjonali, jiġifieri mill-fatt li l-membru tal-familja kkonċernat kien konxju ta’ dan.

49

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ assoċjazzjoni la jista’ jikkorrispondi u lanqas jiġi ristrett għall-każijiet biss li fihom membru tal-familja jieħu vantaġġ minn persuna suġġetta għal miżuri restrittivi minħabba l-fatt li dan il-membru tal-familja jkun konxju li dan il-vantaġġ joriġina minn persuna li tissodisfa kriterju wieħed jew iktar ta’ inklużjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi skont il-kriterju tal-assoċjazzjoni hija intiża, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ evitar, tali għan ma jistax jintlaħaq b’mod sħiħ u effettiv jekk tiġi stabbilita sistematikament, fir-rigward tal-membru tal-familja kkonċernat, l-eżistenza ta’ tali għarfien. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tat-terminu “indebitament” tmur kontra l-għan imfittex mill-kriterju tal-assoċjazzjoni.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-premessi 7 tal-atti inizjali kontenzjużi huma intiżi li jispjegaw, purament bħala eżempju minħabba l-użu tal-kelma “inkluż” u, għaldaqstant, bla ħsara għal forom oħra ta’ assoċjazzjoni, il-kunċett ta’ assoċjazzjoni fil-każ fejn iż-żewġ persuni assoċjati jkunu jinsabu f’relazzjoni familjali. Dawn il-premessi 7 jirriflettu l-idea li, kif ġie espost fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, persuna fiżika ma tistax tiġi suġġetta għal miżuri restrittivi meta ma tkunx marbuta ma’ persuni suġġetti huma stess għal tali miżuri permezz ta’ interessi komuni li jmorru oġġettivament lil hinn mir-relazzjoni familjali li torbothom.

51

L-iżball ta’ interpretazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 76 tas-sentenza appellata huwa madankollu mingħajr effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata, li jibqa’ bbażat fuq motivi oħra ta’ liġi, b’tali mod li din is-sentenza ma għandhiex tiġi annullata (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il‑Kummissjoni, C‑55/19 P, EU:C:2021:797, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-fatt, l-interpretazzjoni żbaljata tat-terminu “indebitament” mill-Qorti Ġenerali ma tikkontestax l-interpretazzjoni li din adottat, fil-punt 74 u fl-ewwel sentenza tal-punt 76 tas-sentenza appellata, tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni fil-każ tal-membri tal-istess familja, peress li din l-aħħar interpretazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi kif jirriżulta mill-punti 29 sa 32 ta’ din is-sentenza.

53

Barra minn hekk, l-iżball ta’ interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-raġuni li għaliha l-appellanti ġiet suġġetta għal miżuri restrittivi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, f’xi punt tas-sentenza appellata, jekk l-appellanti kinitx taf li l-vantaġġ li hija setgħet tikseb mill-parteċipazzjoni tagħha fl-affarijiet pubbliċi ta’ żewġha permezz tal-fondazzjoni Timchenko kienx ġej minn persuna li tissodisfa wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni previsti fid-Deċiżjoni 2014/145 u fir-Regolament Nru 269/2014.

54

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

55

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta sempliċement ċaħdet l-argument tagħha li l-attivitajiet tagħha fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko ma kellhom ebda rabta mal-invażjoni tal-Ukraina għar-raġuni li l-kriterju (a) li ġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra żewġha ma kienx jipprevedi li tiġi stabbilita tali rabta. Peress li l-miżuri restrittivi adottati kontriha skont il-kriterju tal-assoċjazzjoni għandhom ikunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita kontra l-Federazzjoni Russa, jiġifieri li ssir pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ dan l-Istat intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tispjega, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, kif l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha kienet tippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet.

56

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti, filwaqt li ġie ppreċiżat li l-Kunsill iqis li, sa fejn jirrigwarda l-proporzjonalità tal-kriterju tal-assoċjazzjoni u tal-miżuri restrittivi meħuda abbażi tiegħu, it-tielet aggravju huwa inammissibbli peress li l-appellanti kienet iddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja, quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi u li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli tivverifika u milli tispjega, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, jekk u kif il-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqha jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita kontra l-Federazzjoni Russa.

58

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti tikkonferma fir-replika tagħha li, permezz ta’ dan l-aggravju, hija ma tinvokax ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda li hija tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk, minħabba interessi komuni ma’ żewġha li jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali li tgħaqqadhom, kinitx teżisti rabta suffiċjenti bejnha u bejn is-sitwazzjoni koperta mis-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita kontra l-Federazzjoni Russa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill.

59

Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li jgħid li l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko ma għandhomx rabta mal-invażjoni tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, hija indikat li l-kriterju (a) previst b’mod partikolari mid-Deċiżjoni 2014/145 ma kienx jipprevedi li tiġi stabbilita tali rabta.

60

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

61

Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, b’mod korrett fil-punt 82 tas-sentenza appellata, la l-kriterju (a), li abbażi tiegħu ġew imposti miżuri restrittivi fuq ir-raġel tal-appellanti, u lanqas barra minn hekk il-kriterju tal-assoċjazzjoni, li abbażi tiegħu ġew imposti fuq l-appellanti tali miżuri, ma jipprevedu li l-Kunsill huwa obbligat jirrapporta li l-attivitajiet tal-appellanti għandhom rabta mal-azzjonijiet jew mal-politiki ta’ destabbilizzazzjoni mwettqa mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. B’mod partikolari, il-kriterju tal-assoċjazzjoni jiddependi biss mill-eżistenza ta’ rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-persuna li magħha hija assoċjata u li tkun suġġetta hija stess għal miżuri restrittivi abbażi ta’ kriterju ieħor ta’ inklużjoni.

62

Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija barra minn hekk konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-importanza tal-għanijiet imfittxija minn att tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema ta’ miżuri restrittivi hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti persuni, inkluż għal dawk li, bħal persuni assoċjati ma’ persuna jew entità suġġetta għal miżuri restrittivi, ma jkollhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 361 u 362).

63

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-ebda mod ma kellha bżonn, sabiex tirrispondi għall-argument tal-appellanti li jgħid li l-attivitajiet tagħha fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko ma kellhomx rabta mal-invażjoni tal-Ukraina, teżamina l-kwistjoni, distinta, dwar jekk il-miżuri restrittivi li kienu ġew imposti fuqha skont il-kriterju tal-assoċjazzjoni kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata mill-Unjoni kontra l-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-miżuri restrittivi imposti fuq persuni assoċjati bħall-appellanti huma intiżi li jevitaw riskju ta’ evitar tal-miżuri restrittivi imposti b’mod primarju fuq l-assoċjat ta’ dawn il-persuni, b’tali mod li fi kwalunkwe każ ikun irrilevanti li jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellanti jippermettux ukoll li jintlaħqu l-għanijiet l-oħra li din is-sistema tipprova tilħaq skont l-allegazzjonijiet tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

64

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

66

Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Elena Petrovna Timchenko hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.