Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent applikabbli, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (2), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (3), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”), meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali tirrigwarda attività meqjusa bħala attività rregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ, skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva msemmija u meta l-applikant ma jkunx membru sħiħ tal-organizzazzjoni professjonali kkonċernata. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistaqsi lilha nfisha jekk l-eżerċizzju ta’ attività ta’ riċerka fil-qasam tal-inġinerija ambjentali jistax jiġi kkunsidrat bħala eżerċizzju effettiv tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali, skont it-tifsira tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt sekondarju tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 89/48

2. Id-Direttiva 89/48 tikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku rilevanti fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, anki jekk din, minn dak iż-żmien ’l hawn, ġiet imħassra (4) .

3. Skont id-Direttiva 89/48, u biex inkun iktar preċiż, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tagħha, it-terminu diploma għandu jiftiehem bħala:

“kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:

– li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi proprji,

– li juri li l-possessur temm b’suċċess kors post-sekondarju ta’ tul ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti, fejn xieraq, li hu temm b’suċċess it-taħriġ professjonali barra l-kors post-sekondarju, u

– li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq [l-eżerċizzju] ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità, jew it-titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali ċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ pajjiż terz.”

4. L-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48 jiddefinixxi professjoni rregolata bħala “l-attività professjonali regolata jew sensiela ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru”.

5. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48, attività professjonali rregolata hija:

“[…] attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq ta’ din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ diploma. Dan li ġej, b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat-twettiq ta’ attività professjonali regolata:

– it-twettiq ta’ attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta’ dan it-titolu huwa riservat għat-titolari ta’ diploma rregolata b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi […].”

6. It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 jipprevedu li:

“Meta l-ewwel subparagrafu ma japplikax, attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali regolata jekk din tkun imwettqa mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru u:

– jagħtu diploma lill-membri tagħhom,

– assiguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali li jippreskrivu, u

– jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta’ deskrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma’ dik id-diploma.

Lista mhux definittiva ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li, meta din id-Direttiva tiġi adottata, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-tieni subparagrafu li jinsab fl-Anness. Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi fit-tieni subparagrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, u din tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

7. L-Artikolu 1(e), tad-Direttiva 89/48 jispeċifika li esperjenza professjonali għandha tiftiehem bħala “it-twettiq fil-fatt u skond il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru”.

8. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 jistipula li “id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.”

9. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li:

“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

a) jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew

b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d), u għandu prova ta’ kwalifika formali waħda jew aktar:

– li ingħataw minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat,

– li juru li t-titolari ikun temm b’suċċess kors post sekondarju ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time , f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili ta’ Stat Membru u, meta approprjat, li huwa jkun temm b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors post-sekondarju u

– li ppreparaw it-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.

Madankollu, jista’ ma jkunx hemm bżonn tas-sentejn ta’ esperjenza professjonali li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu, meta l-kwalifika, jew il-kwalifiki ta’ l-applikant u li hemm referenza għalihom f’dan il-punt jingħataw fit-tmiem ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ irregolat.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħall-prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-ewwel subparagrafu: kwalunkwe kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn il-kwalifiki formali mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk dawn jingħataw mal-kompletar b’suċċess ta’ taħriġ riċevut fil-Komunità u huwa rikonoxxut minn dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti, sakemm l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jkunu ġew notifikati b’dan ir-rikonoxximent.”

10. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jinnominaw, fil-perjodu previst fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ingħataw is-setgħa li jirċievu l-applikazzjonijiet u li jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva.”

11. L-Anness I tad-Direttiva 89/48, fil-lista ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet professjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d), isemmi lill-Engineering Council.

2. Id-Direttiva 2005/36/KE

12. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”) (5) issuċċediet, mill-20 ta’ Ottubru 2007, lid-Direttiva 89/48 (6) .

13. Il-premessa (14) tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li “[i]l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit mid-Direttivi 89/48/KEE u 92/51/KEE ma jinbidilx”.

14. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li “l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ professjoni, kif deskritt fil-paragrafu 1, għandhom jingħataw ukoll lill-applikanti li jkunu eżerċitaw il-professjoni msemmija f’dak il-paragrafu fuq bażi full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, ladarba dawn ikollhom attestazzjoni jew aktar ta’ kompetenza jew dokumenti li jagħtu prova ta’ kwalifiki formali”.

B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15. Id-Direttiva 89/48 ġiet trasposta fis-sistema legali Ellenika permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 165/2000 tat-23 ta’ Ġunju 2000 (7), emendat suċċessivament bid-Digrieti Presidenzjali Nru 373/2001 tat-18 ta’ Ottubru 2001 (8), u 385/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002 (9) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 165/2000”).

16. L-Artikolu 2(3) tad-Digriet Nru 165/2000 jiddefinixxi professjoni rregolata bħala “l-attività jew il-firxa ta’ attivitajiet professjonali rregolati li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru”.

17. L-Artikolu 2(4) tad-Digriet Nru 165/2000 jistipula li wieħed għandu jifhem bit-terminu “attività professjonali rregolata, attività professjonali fejn il-bidu jew l-eżerċizzju ta’ din l-attività, jew wieħed mill-modi tal-eżerċizzju tagħha fi Stat Membru jkun suġġett, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet, għall-pussess ta’ diploma. B’mod partikolari, jikkostitwixxi mod tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali rregolata:

a) l-eżerċizzju ta’ attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta’ dan it-titolu huwa riżervat għat-titolari ta’ diploma rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru;

b) […]

Attività professjonali għandha tiqies bħala attività professjonali rregolata jekk din tiġi eżerċitata mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru u:

a) jagħtu diploma lill-membri tagħhom;

b) jiżguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali li jippreskrivu, u

c) jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta’ deksrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma’ dik id-diploma.

L-Anness tal-Artikolu 9 tad-digriet jinkludi lista indikattiva ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu. Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi f’dan il-paragrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, u din tippubblika din l-informazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej .

[…]”

18. L-Artikolu 2(5) tad-Digriet Nru 165/2000 jiddefinixxi l-esperjenza professjonali bħala “l-eżerċizzju fil-fatt u skont il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru”.

19. L- Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 165/2000 jistipula li :

“Meta l-bidu jew l-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata fil-Greċja jkunu suġġetti għall-pussess ta’ diploma kif previst fl-Artikolu 2, il-Kunsill imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet ma jistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, jirrifjuta li jawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess jekk l-applikant:

a) għandu d-diploma prevista fl-Artikolu 2 miksuba fi Stat Membru ieħor u mitluba minnu għall-eżerċizzju tal-professjoni kkonċernata fit-territorju tiegħu jew

b) ikun wettaq din il-professjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) u 2(4) ta’ dan id-digriet, u għandu prova ta’ kwalifika formali waħda jew aktar, li jeħtieġ li

i) ingħataw minn awtorità kompetenti fi Stat Membru,

ii) juru li t-titolari jkun temm b’suċċess kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time , f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili ta’ Stat Membru u li jkun temm b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors postsekondarju, u

iii) ippreparaw it-titolari għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.

Is-sentejn esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jistgħux jintalbu jekk il-kwalifika jew il-kwalifiki li jkollu l-applikant, u msemmija f’dan il-punt, huma evidenza ta’ taħriġ irregolat.”

20. L-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 165/2000 stabbilixxa, fi ħdan il-Ministeru Grieg tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Affarijiet Reliġjużi, korp kolleġjali: il-Kunsill inkarigat li jirrikonoxxi l-ekwivalenza professjonali ta’ kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla (Symvoulio Anagnorisis Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis, iktar ’il quddiem is-“Saeitte”).

21. L-Artikolu 11(1) tad-Digriet Nru 165/2000 jipprevedi li “ir-rikonoxximent tad-dritt tal-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari bil-kundizzjonijiet iddefiniti minn dan id-digriet isir permezz ta’ deċiżjoni mmotivata [tas-Saeitte]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22. C. I. Toki, ta’ nazzjonalità Griega, studjat għal sentejn fit-taqsima “Teknoloġiji” ta’ stabbiliment tekniku f’Patras (il-Greċja). Wara dan, fil-qafas tas-sistema ta’ trasferiment tal-krediti universitarji tal-Komunità Ewropea, segwiet programm ta’ inġinerija flimkien ma’ studji ambjentali ta’ sena fl-Università ta’ Sheffield Hallam (ir-Renju Unit), fejn kisbet, fl-1997, diploma ta’ “Bachelor of Engineering with Environmental Studies”. C. I. Toki kompliet l-istudji tagħha fi ħdan programm ta’ studji fil-qasam tal-inġinerija ambjentali fl-Università ta’ Portsmouth, u b’hekk kisbet “Master of Science” fl-1998.

23. Mill-1 ta’ Settembru 1999, C. I. Toki ġiet impjegata bħala riċerkatriċi fi ħdan id-Dipartiment tal-Inġinerija Ċivili ta’ Portsmouth, sal-31 ta’ Awwissu 2002. Kellha salarju ta’ GBP 8 000 fis-sena u kienet koperta bis-sigurtà soċjali. Fost l-attivitajiet tagħha, u skont dikjarazzjoni tal-lecturer prinċipali li kien is-superviżur tax-xogħol tagħha, hija kellha ssegwi u tgħin lill-istudenti. Ipparteċipat ukoll fi proġett ta’ riċerka, imwettaq b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija privata Britannika speċjalizzata fit-teknoloġiji relatati mat-trattament tal-iskart. Il-proġett kien jikkonsisti f’evalwazzjoni tal-effikaċja ta’ metodu innovattiv għat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ urban. Fl-istess ħin, kienet tagħmel parti minn grupp ta’ riċerka dwar l-ekoteknoloġija.

24. F’April 2002, C. I. Toki nkitbet b’mod volontarju maċ-Chartered Institution of Water and Environmental Management (iktar ’il quddiem iċ-“CIWEM”) bħala gradwata, imbagħad bħala apprendista (trainee) fir-reġistru tal-Engineering Council, li huwa l-ewwel pass tar-reġistrazzjoni finali. Mill-proċess jirriżulta li C. I.Toki ma saritx membru sħiħ tal-Engineering Council. Fil-fatt, biex tkun irreġistrata b’mod sħiħ fir-reġistru bħala “chartered engineer”, li hija kwalifika li tingħata mill-Engineering Council lill-membri tiegħu, il-persuna kkonċernata kellha tgħaddi minn proċedura partikolari mwettqa fi ħdan l-imsemmi Kunsill u li tikkonsisti f’evalwazzjoni tal-għarfien post universitarju, tal-esperjenza professjonali tagħha u intervista relatata mal-kwalifiki professjonali tagħha.

25. Fl-4 ta’ Lulju 2003, C. I. Toki ppreżentat lis-Saeitte talba għar-rikonoxximent, skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 165/2000 li jittrasponi d-Direttiva 89/48, u fid-dawl tal-esperjenza professjonali tagħha miksuba fir-Renju Unit, tad-dritt li twettaq fil-Greċja l-professjoni rregolata ta’ inġinier ambjentali. Fit-8 ta’ Marzu 2005, is-Saeitte adotta r-Rapport Nru 96 u ċaħad it-talba ta’ C. I. Toki minħabba li din tal-aħħar ma kellhiex diploma ta’ inġinier mogħtija mir-Renju Unit minħabba l-fatt li ma kellhiex it-titolu rregolat ta’ “chartered engineer”. Għaldaqstant hija ma kisbitx drittijiet professjonali fl-Istat tal-oriġini (ir-Renju Unit) kif jeżiġi d-Digriet Nru 165/2000. Il-professjoni ta’ inġinier ambjentali hi, dejjem skont is-Saeitte, professjoni rregolata fil-Greċja iżda mhux fir-Renju Unit. Madankollu, is-Saeitte ddeduċa mill-fatt li l-Engineering Council jagħti t-titolu ta’ “chartered engineer” li l-attività kkonċernata hija rregolata. C. I. Toki m’għandhiex dan it-titolu. Skont is-Saeitte, l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 165/2000 jipprovdi għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent imsemmi fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48 fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ġejja minn Stat Membru li fih l-eżerċizzju tal-professjoni li hija s-suġġett tat-talba jkun irregolat u kkontrollat mill-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti minn dak l-Istat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva.

26. Fid-29 ta’ Marzu 2005, C. I. Toki ressqet ilment kontra r-Rapport Nru 96 tas-Saeitte fejn qalet li dan tal-aħħar kien illegalment naqas milli jqis, minn naħa waħda, l-esperjenza professjonali ta’ tliet snin li kisbet C. I. Toki kemm bħala riċerkatriċi impjegata fid-Dipartiment tal-Inġinerija Ċivili ta’ università Britannika u, mill-oħra, ir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru tal-Inġiniera bħala membru tal-ewwel livell, u b’mod partikolari maċ-CIWEM. Is-Saeitte, li sadanittant kien irċieva għadd ta’ spjegazzjonijiet min-naħa tal-Engineering Council, għaldaqstant reġa’ eżamina t-talba ta’ C. I. Toki, qabel ma reġa’ ċaħadha fit-12 ta’ April 2005 għall-istess raġunijiet. Għaldaqstant, C. I. Toki ppreżentat quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias rikors kontra l-Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Affarijiet Reliġjużi għall-annullament tar-Rapport Nru 98 tas-Saeitte li permezz tiegħu dan tal-aħħar kien ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2005.

27. Quddiem il-qorti tar-rinviju, C. I. Toki sostniet li s-Saeitte, b’mod illegali, ibbaża ċ-ċaħda tiegħu tat-talba tagħha fuq l-Artikolu 4(1)(a) tad-Digriet Nru 165/2000, meta fil-fatt it-talba jmissha ġiet eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 4(1)(b) tad-digriet imsemmi, minħabba li l-professjoni ta’ inġinier ambjentali ma hijiex irregolata fir-Renju Unit. Barra minn hekk, C. I. Toki argumentat li hija għandha diploma fit-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-digriet u li hija kienet ipproduċiet prova ta’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin matul l-għaxar snin preċedenti miksuba fir-Renju Unit.

28. Billi sabet ruħha f’diffikultà fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2009, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-Artikolu 234 tat-Trattat KE, iż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1) [Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-]Artikolu 3 [...] tad-Direttiva 89/48 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li huwa jipprevedi huwa applikabbli fil-każ fejn, fl-Istat Membru tal-oriġini, il-professjoni inkwistjoni hija rregolata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d), iżda l-persuna kkonċernata ma tkunx membru sħiħ ta’ assoċjazzjoni jew ta’ organizzazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan is-subparagrafu?

2) [Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda,] skont [is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-]Artikolu 3 [...] tad-Direttiva 89/48 […], l-eżerċizzju ta’ professjoni full-time fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu jinftiehem bħala l-eżerċizzju, kemm jekk isir minn persuna għal rasha jew bħala impjegat, tal-professjoni stess li għaliha tkun intalbet l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju fl-Istat Membru ospitanti taħt id-Direttiva [89/48], jew jista’ wkoll jinftiehem bħala xogħol ta’ riċerka f’qasam xjentifiku relatat mal-professjoni, mogħti fi stabbiliment li fil-prinċipju huwa m’għandux skop ta’ lukru?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea bagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja.

30. Waqt is-seduta, li saret fit-12 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea, għamlu l-osservazzonijiet orali tagħhom.

V – Analiżi ġuridika

A – Fuq l-ewwel domanda

31. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ jiġi kkonfermat jekk l-attività professjonali inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48. Imbagħad, jeħtieġ tiġi ddeterminata l-kategorija ta’ attività professjonali, fit-tifsira tad-Direttiva msemmija, li tappartjeni għaliha l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Istat Membru tat-taħriġ. Ladarba dan jiġi stabbilit, jibqa’ biss li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli.

1. L-attività ta’ inġinier ambjentali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48

32. L-ewwel nett, jien diġà speċifikajt li d-Direttiva msemmija, anke jekk ġiet imħassra, tikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku rilevanti fiż-żmien meta C. I. Toki ppreżentat it-talba tagħha quddiem is-Saeitte (10) .

33. Barra minn hekk, il-professjoni ta’ inġinier b’mod ġenerali, jew inġinier ambjentali b’mod partikolari, ma hijiex suġġetta għal armonizzazzjoni settorjali, u għaldaqstant tagħmel parti mill-qafas ġenerali tad-Direttiva 89/48.

34. Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-proċess li l-professjoni ta’ inġinier ambjentali hija rregolata fil-Greċja, u b’hekk tissodisfa l-kundizzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 (11) . Barra minn hekk, minħabba li C. I. Toki tirreferi għal diplomi miksubin wara kors ta’ mill-inqas tliet snin fi Stat Membru ieħor (12), hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-attività inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48.

2. Il-kwalifika tal-attività ta’ inġinier ambjentali fl-Istat Membru tat-taħriġ

35. Peress li ma hemmx dubju li l-professjoni ta’ inġinier ambjentali hija professjoni rregolata fl-Istat ospitanti – jiġifieri r-Repubblika Ellenika –, u fid-dawl tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-attività msemmija tikkostitwixxix, fl-Istat Membru tat-taħriġ – jiġifieri r-Renju Unit ­–, u fid-dawl tad-Direttiva 89/48, attività rregolata, attività meqjusa bħala attività rregolata jew attività mhux irregolata.

36. In-natura rregolata jew le tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali fir-Renju Unit hija s-suġġett ta’ affermazzjonijiet kontradittorji min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, affermazzjonijiet li barra minn hekk ma humiex ibbażati fuq analiżi partikolarment iddettaljata. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika madankollu li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit ma tissuġġetax l-aċċess għall-attività ta’ inġinier jew l-aċċess għall-attività ta’ inġinier ambjentali għal xi kundizzjoni partikolari (13) . Hija tinnota wkoll li r-rwol tal-Engineering Council jikkonsisti f’li jorganizza l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità professjonali tal-membri tiegħu billi jagħti titolu lil dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba. L-Engineering Council jistipula wkoll regoli deontoloġiċi li l-membri tiegħu jimpenjaw ruħhom li josservaw, filwaqt li jeżerċita, f’dan ir-rigward, awtorità dixxiplinarja. Minkejja l-ambigwità ta’ ċerti osservazzjonijiet bil-miktub dwar dan il-punt, qatt ma ġie sostnut li l-eżerċizzju tal-attività ta’ inġinier ambjentali huwa suġġett għall-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-imsemmi Council, u għaldaqstant għall-pussess tal-kwalifika ta’ “chartered engineer”. Għall-kuntrarju, meta ġie mistoqsi dwar dan il-punt waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant ta’ C. I. Toki qal, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet l-oħra preżenti, li hija setgħet twettaq l-attività ta’ inġinier ambjentali fir-Renju Unit mingħajr ma tkun membru tal-Engineering Council.

37. F’dawn iċ-ċirkustanzi jidher li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna s-Saeitte, l-attività msemmija ma tistax titqies bħala attività rregolata fit-tifsira tal-Artikolu 1(ċ) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt qalet li “tikkostitwixxi professjoni tali dik l-attività professjonali li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-aċċess jew għall-eżerċizzju tagħha, hija direttament jew indirettament irregolata permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura ġuridika, jiġifieri liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi. L-aċċess għal professjoni jew l-eżerċizzju ta’ professjoni għandu jitqies bħala direttament irregolat minn dispożizzjonijiet ġuridiċi meta liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru ospitanti jistabbilixxu sistema li jkollha l-effett li tirriżerva b’mod espliċitu din l-attività professjonali għall-persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u li tipprojbixxi l-aċċess għaliha lill-persuni li ma jissodisfawhomx” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, mhux stabbilit li l-fatt li wieħed ma jkunx membru tal-Engineering Council jipprojbixxi l-aċċess għall-attività ta’ inġinier ambjentali.

38. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 jipprevedi preċiżament l-ipoteżi ta’ attività professjonali mwettqa mill-membri ta’ “assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru […]”. Kif jindika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(d), l-Anness I tad-Direttiva 89/48 jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d), li fosthom hemm l-Engineering Council (15) . L-attivitajiet professjonali mwettqa f’dan il-kuntest huma kkwalifikati mid-Direttiva bħala attivitajiet professjonali meqjusa bħala attivitajiet professjonali rregolati. Għaldaqstant, l-Engineering Council jagħti “diploma” lill-membri tiegħu (16), madankollu din mhix meħtieġa b’mod kostanti minn dawk kollha li jixtiequ jwettqu l-attività professjonali ta’ inġinier ambjentali.

39. Għaldaqstant, inġinier ambjentali fir-Renju Unit mhux mitlub li jkun irreġistrat minn qabel u b’mod obbligatorju mal-Engineering Council. Għalkemm huwa possibbli li wieħed jimmaġina li “chartered engineer” igawdi vantaġġ kummerċjali jew sitwazzjoni iktar favorevoli fir-rigward tal-aċċess tiegħu għas-suq tax-xogħol (17), dan ma huwa xejn ħlief sempliċi suppożizzjoni, u f’kull każ ma hemmx dubju li l-pussess ta’ dan it-titolu ma huwiex prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-attività professjonali kkonċernata.

40. Dan id-dettall huwa importanti, minħabba li jikkonferma li fil-fatt huwa possibbli li titwettaq attività ta’ inġinier mingħajr ma wieħed ikun “chartered engineer”, fi kliem ieħor mingħajr ma wieħed ikun membru ta’ assoċjazzjoni professjonali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu l(d) tad-Direttiva 89/48. Dan jispjega wkoll għalfejn qed isir riferiment għal attività meqjusa bħala attività professjonali rregolata. Barra minn dan, wara li kkunsidrajt il-kontenut tal-lista mehmuża mad-Direttiva, għalija deher ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jenfasizza l-eżistenza tal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet imsemmija u l-piż storiku u kulturali eventwali tagħhom fl-Istati Membri kkonċernati (18), iżda ċertament mhux in-natura obbligatorja ta’ reġistrazzjoni magħhom (19) . F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li C. I. Toki ma hijiex membru sħiħ tal-Engineering Council ma jikkostitwixxix, fi kwalunk we każ, ostakolu għall-aċċess tagħha għall-attività ta’ inġinier ambjentali fl-Istat Membru tat-taħriġ.

41. L-eżistenza tal-Engineering Council u l-fatt li hu rikonoxxut mid-Direttiva jixhdu l-fatt li l-attività ta’ inġinier (iktar speċifikament inġinier ambjentali) tista’ tingħata żewġ kwalifiki differenti fit-tifsira tad-Direttiva 89/48.

42. Meta l-persuna kkonċernata ssir membru sħiħ tal-Engineering Council, fuq bażi volontarja, din tingħata t-titolu ta’ “chartered engineer”. L-attività professjonali li twettaq għaldaqstant għandha tiġi kkwalifikata bħala attività professjonali meqjusa bħala attività rregolata, għax it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva jipprevedi li “attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali irregolata jekk din tkun imwettqa mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni” bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

43. Għall-kuntrarju, jekk il-persuna kkonċernata twettaq l-attività tagħha mingħajr ma tkun membru ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni bħal dawk imsemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48, l-attività msemmija ma tistax tibqa’ titqies bħala attività meqjusa bħala attività rregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ fit-tifsira ta’ din l-istess dispożizzjoni.

44. B’konsegwenza ta’ dan, l-attività ta’ inġinier ambjentali kif tgħid li wettqitha C. I. Toki (20), jiġifieri mingħajr ma kienet membru sħiħ tal-Engineering Council, u għaldaqstant mingħajr ma kienet titulari tat-titolu “chartered engineer”, għandha tiġi kkwalifikata bħala attività professjonali mhux irregolata.

45. Bħalma jgħid, ġustament, il-Gvern Grieg fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fl-2003, jiġifieri fl-istess sena meta C. I. Toki ppreżentat l-ewwel talba tagħha lis-Saeitte, il-Kummissjoni kienet sostniet pożizzjoni simili mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewopew dwar ċittadin Grieg li kien f’sitwazzjoni għalkollox paragunabbli ma’ dik ta’ C. I. Toki (21) . F’dak il-każ, il-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar li, minħabba li l-professjoni ta’ inġinier ma kinitx irregolata minn xi dispożizzjoni partikolari fir-Renju Unit, kienu jeżistu żewġ sitwazzjonijiet differenti, skont jekk il-persuna kkonċernata kinitx “chartered engineer” jew le. Għaldaqstant huwa sorprendenti li l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sostniet pożizzjoni totalment opposta, jiġifieri li mingħajr lok ta’ dubju, l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali hija rregolata fit-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d), u li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli huma dawk li jirrigwardaw il-professjonijiet irregolati.

46. Il-fatt li għandna nikkunsidraw li l-istess professjoni tista’ tingħata żewġ kwalifiki differenti, skont id-Direttiva 89/48, skont il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tagħha (bħala membri jew mhux membri), huwa kkonfermat mill-iżvilupp ulterjuri tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2005/36 li ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 89/48, u li, infakkarkom, ma kinitx applikabbli ratione temporis fiż-żmien meta C. I. Toki ppreżentat it-talba tagħha. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/36 japplika għal “professjoni prattikata minn membri ta’ assoċjazzjoni jew ta’ organizzazzjoni elenkata fl-Anness I” (22) (liema anness isemmi l-Engineering Council) u jipprevedi li din il-professjoni hija meqjusa bħala professjoni rregolata (23) .

47. Barra minn dan, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-fatt li assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, fir-rigward ta’ attività professjonali partikolari, tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 għandu bħala konsegwenza li jagħti lill-attività msemmija l-istatus ta’ attività professjonali meqjusa bħala attività professjonali rregolata anki meta l-attività professjonali msemmija titwettaq minn persuni li ma humiex membri tagħha, tali evalwazzjoni, kif se nispjega issa, ma taffettwax id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli.

3. Id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli għall-attività professjonali ta’ inġinier ambjentali fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

48. Id-Direttiva 89/48 ħolqot sistema li “bit-tisħiħ tad-dritt ta’ ċittadin Komunitarju li juża l-kapaċitajiet professjonali tiegħu f’kull Stat Membru, iżżid u ssaħħaħ id-dritt tiegħu li jakkwista dawn il-kapaċitajiet kull meta jixtieq” (24) . Madankollu, u bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza, “il-metodu ta’ rikonoxximent stabbilit mid-Direttiva 89/48 ma jwassalx għal rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet tad-diplomi kif ukoll tal-kwalifiki professjonali kkonċernati” (25) . B’hekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi żewġ proċeduri differenti ta’ rikonoxximent, u waħda biss minnhom tista’ tapplika f’kuntest fattwali speċifiku (26) .

49. Is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika fil-każ fejn il-professjoni hija rregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ. F’dak il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tikkonstata jekk l-applikant jippossedix id-diploma mitluba mill-Istat Membru tat-taħriġ biex jaċċedi għall-istess professjoni rregolata kemm fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll fl-Istat Membru tat-taħriġ.

50. Min-naħa tiegħu, is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-direttiva msemmija jipprevedi proċedura ta’ rikonoxximent differenti, ibbażata fuq l-esperjenza professjonali miksuba fl-Istat Membru tat-taħriġ meta dan “ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d)”. Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jiġi ddeterminat meta wieħed jaqra dan tal-aħħar flimkien mas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, ħaġa li twassal għall-konklużjoni, b’raġunament a contrario , li l-mekkaniżmu previst mis-subparagrufu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 japplika meta fl-Istat Membru tat-taħriġ, il-professjoni jew l-attività professjonali titqies li hija waħda rregolata.

51. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma qed nissuġġerixxi, tqis li l-attività ta’ inġinier ambjentali bħal dik li C.I. Toki tgħid li wettqet ma hijiex attività rregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent li għandhom japplikaw huma, f’dan il-każ, dawk previsti fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3.

52. Fil-każ li, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-attività ta’ inġinier ambjentali bħal kif tgħid li wettqitha C. I. Toki bħala attività professjonali meqjusa bħala attività rregolata [fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artiklu 1(d) tad-Direttiva 89/48], il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis il-fatt li l-kundizzjonijiet tas-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ma japplikawx ħlief fir-rigward tal-attivitajiet irregolati (fit-tifsira tal-Artikolu 1(ċ) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d)).

53. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika kemm meta l-professjoni mhix irregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ kif ukoll meta l-attività tkun waħda meqjusa bħala attività rregolata fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d).

54. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ma hijiex daqstant ċara.

55. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet li “[is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 j]applika biss jekk il-professjoni inkwistjoni ma hijiex regolata fl-Istat Membru [tat-taħriġ]” (27), mingħajr ma ddistingwiet b’mod partikolari l-attivitajiet professjonali meqjusa bħala attivitajiet professjonali rregolati.

56. Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Price (28) hi, għaldaqstant, pjuttost sorprendenti. F’dan il-każ, H. Price kellu ċertifikat “Bachelor” akkreditat minn waħda mill-organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) u elenkati fl-Anness tad-direttiva. Madankollu hu qatt ma sar membru tal-organizzazzjoni inkwistjoni (ir-“Royal Institution of Chartered Surveyors”). Minkejja li d-domanda preliminari li kienet saritilha ma kellhiex x’taqsam mad-determinazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli f’sitwazzjoni tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, minħabba li “H. Price ma huwiex membru tar-Royal Institution of Chartered Surveyors, il-kwistjoni tar-rikonoxximent, skond [is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3], ta’ diplomi maħruġa mill-imsemmija organizzazzjoni ma tqumx f’dan il-każ anki kieku kellu jirriżulta li l-professjoni ta’ [inkwistjoni] tikkostitwixxi professjoni rregolata fir-Renju Unit skond ir-regolamentazzjoni prevista mill-imsemmija organizzazzjoni” (29) . Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tat x’tifhem li kieku H. Price kien membru ta din l-organizzazzjoni u b’hekk titolari tad-diploma mogħtija minnha, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli kien ikun is-subparagrafu a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, minkejja l-fatt li l-attività professjonali inkwistjoni hi biss attività meqjusa bħala attività rregolata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li “[i]s-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika jekk il-professjoni inkwistjoni mhijiex irregolata fl-Istat Membru ta’ taħriġ u edukazzjoni. Għaldaqstant, […] din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk ir-Royal Institution of Chartered Surveyors ma tissoddisfax il-kriterji msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(d)” (30) . Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, jidhirli li soluzzjoni tali hi evidentement kuntrarja għall-formulazzjoni tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, u jkun opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-opportunità mogħtija minn dan il-każ biex tirrettifika l-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt.

57. F’dan ir-rigward, ma nistax ma naħsibx li, rigward l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48, importanti li jsir riferiment għall-espressjoni kompleta ta’ “attività professjonali [li] titqies bħala attività professjonali regolata”. Sa fejn il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli għal attivitajiet tali ma huwiex eżattament l-istess bħal dak applikabbli għall-attivitajiet irregolati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d), dawk tal-ewwel ma humiex ittrattati totalment bl-istess mod bħal dawk tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun żbaljat ħafna li nkomplu niddeskrivu bħala attivitajiet irregolati dawk l-attivitajiet li jitqiesu bħala attivitajiet professjonali rregolati biss taħt id-Direttiva 89/48.

58. Fl-aħħar nett – u din l-aħħar sensiela ta’ rimarki tgħodd biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-attività ta’ inġinier ambjentali bħalma qalet li wettqitha C. I. Toki hija attività professjonali li għandha titqies bħala attività rregolata fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 –, tajjeb nindika li d-Digriet Nru 165/2000 huwa traspożizzjoni mhux kompleta tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, u kien dan li probabbilment kompla jsaħħaħ il-konfużjoni min-naħa tas-Saeitte. L-Artikolu 4(1)(b) tad-digriet imsemmi, li jipprevedi l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent imsemmija fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 89/48 jirreferi, biex jikkwalifika attività bħala attività rregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, għall-Artikolu 2(3) (31) u l-Artikolu 2(4) kollu kemm hu (32), minflok ma jillimita ruħu għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4). Dan kellu l-konsegwenza li, meta titqies id-deċiżjoni tas-Saeitte, ġiet eskluża l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent previsti fl-Artikolu (3)(b) tad-direttiva fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ġejja minn Stat Membru fejn l-eżerċizzju tal-professjoni, li hi s-suġġett tat-talba magħmula skont id-Direttiva, ikun parzjalment ikkontrollat minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti minn dak l-Istat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva. Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-direttiva għaldaqstant ma ġiex traspost kif xieraq.

59. Madankollu, xejn ma jżomm lil C. I. Toki milli tinvoka din id-dispożizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha tikkunsidra li “d-Direttiva [89/48] għandha l-għan li tagħti drittijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra” (33) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u diġà ddeċidiet li “is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jikkostitwixxi dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa inkondizzjonali u preċiż biżżejjed. L-individwi għaldaqstant jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni quddiem il-qorti nazzjonali bil-għan li jeliminaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mad-direttiva msemmija” (34) . Min-naħa tiegħi nqis li għandha ssir l-istess konstatazzjoni fir-rigward tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 għax inħoss li l-Artikolu 3, tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-ewwel paragrafu kollu kemm hu tiegħu, hu indiviżibbli.

60. Nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li jipprevedi huwa applikabbli fil-każ fejn, fl-Istat Membru tat-taħriġ, il-professjoni tkun waħda li titqies bħala attività professjonali rregolata fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva msemmija. Peress li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika kemm għall-attivitajiet li jitqiesu bħala attivitajiet irregolati fl-Istat Membru tat-taħriġ kif ukoll għall-attivitajiet mhux irregolati, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun jew ma tkunx membru sħiħ ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva msemmija ma jaffettwax id-determinazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli.

B – Fuq it-tieni domanda

61. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli fis-sitwazzjoni ta’ C. I. Toki, fiż-żmien meta din ġiet evalwata mis-Saeitte, huma dawk previsti fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-esperjenza professjonali li C. I. Toki kisbet bħala riċerkatriċi f’università bejn l-1999 u l-2002 tistax tiġi kkunsidrata bħala l-eżerċizzju full-time tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali matul sentejn f’dawn l-aħħar għaxar snin.

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda

62. L-ewwel nett ninnota li l-ammissibbiltà tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex ħaġa evidenti. Minħabba li l-qorti tar-rinviju ġiet adita b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata adottata mis-Saeitte, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li ssegwi l-proposti tiegħi rigward l-ewwel domanda, dan ikun biżżejjed sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirreferi l-każ quddiem l-amministrazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni msemmija hija bbażata fuq il-mekkaniżmu li jikkorrispondi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mas-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, b’mod li s-Saeitte ddeċieda fuq il-kwistjoni jekk C. I. Toki setgħetx tgħid li kellha diploma ekwivalenti, iżda ma qal xejn dwar jekk l-esperjenza professjonali li C. I. Toki kisbet fir-Renju Unit bħala riċerkatriċi setgħetx titqies fid-dawl tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-kawża jkollha tiġi ppreżentata mill-ġdid quddiem l-amministrazzjoni Griega, din tal-aħħar ma tistax terġa’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-Direttiva 89/48, imħassra mid-Direttiva 2005/36 (35) .

63. Madankollu, jeżistu sensiela ta’ punti li jikkonvinċuni dwar l-ammissibbiltà tad-domanda.

64. L-ewwel nett, l-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub ma kkontestat l-ammissibbiltà ta’ din it-tieni domanda.

65. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qafas tal-proċedura li nħolqot permezz tal-Artikolu 234 KE, “hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni” (36) . Huwa biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali biex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (37) . Biex inkunu iktar preċiżi, “[i]r-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha” (38) . Jien konxju mill-motivazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li skontha l-amministrazzjoni, li d-deċiżjoni tagħha ċertament se tiġi annulata, għandha tingħata l-linji gwida li teħtieġ sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. L-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha rabta evidenti mal-kawża prinċipali, kemm jekk fuq il-bażi tad-Direttiva 89/48 kif ukoll jekk fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 li jirrepeti l-istess kundizzjonijiet għar-rikonoxximent bħal dawk previsti fid-Direttiva 89/48. B’hekk, l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi biex tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari ma teżisti fil-każ preżenti.

66. Fl-aħħar nett, nindika li l-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36 tgħid b’mod ċar li “il-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit mid-Direttivi 89/48/KEE u 92/51/KEE ma jinbidilx”. Għaldaqstant, il-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-risposta tagħha għal din it-tieni domanda huma rilevanti, kemm fuq il-bażi tad-Direttiva 89/48 kif ukoll fuq dik tad-Direttiva 2005/36.

67. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ t-tieni domanda u li tkompli teżamina d-domanda.

2. Fuq il-kunċett tal-eżerċizzju full-time tal-professjoni

68. Meta japplikaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu (3) tad-Direttiva 89/48, l-awtorità nazzjonali ma tistax tiċħad l-aċċess għall-attività inkwistjoni jekk l-applikant ikun wettaq full-time din il-professjoni għal sentejn fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax l-attività msemmija. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-direttiva jispeċifika li effettivament l-ewwel paragrafu jirreferi għall-esperjenza professjonali. Madankollu, id-Direttiva 89/48 tiddefinixxi l-esperjenza professjonali fl-Artikolu 1(e) tagħha bħala “it-twettiq fil-fatt u skond il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru”. B’hekk, biex tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi determinat jekk l-attività mwettqa minn C. I. Toki fi ħdan l-Università li impjegatha bejn l-1999 u l-2002 tistax titqies bħala l-eżerċizzju effettiv u full-time tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali.

69. Is-sitwazzjoni ta’ C. I. Toki hija waħda partikolari fis-sens li, sabiex tiġi awtorizzata twettaq il-professjoni ta’ inġinier ambjentali fil-Greċja, tinvoka t-tliet snin ta’ esperjenza professjonali miksuba mhux bħala inġinier ambjentali bħala tali, iżda bħala riċerkatriċi fil-qasam tal-inġinerija ambjentali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet impjegata għal tliet snin bħala riċerkatriċi mill-università ta’ Portsmouth. F’din il-kariga, C. I. Toki pparteċipat fis-superviżjoni tal-istudenti u ħadet sehem f’diversi tipi ta’ attivitajiet akkademiċi (bħall-parteċipazzjoni fi grupp ta’ riċerka dwar l-ekoteknoloġija, it-tħejjija ta’ rapporti, il-preżentazzjoni tar-riżultati xjentifiċi lid-dinja universitarja u industrijali). Jirriżulta mill-proċess li hija ħadmet ukoll f’kooperazzjoni ma’ kumpannija privata speċjalizzata fit-teknoloġiji relatati mat-trattament tal-iskart likwidu, u wettqet, f’dan il-kuntest, analiżijiet fil-laboratorju sabiex tiġi ċċekkjata l-kwalità tat-trattament tal-ħama tad-drenaġġ. Din l-attività tal-aħħar tikkostitwixxi, skont C. I. Toki, aspett essenzjali tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali.

70. Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda, u tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tinsisti fuq dan l-aspett, nixtieq niċċara, l-ewwel nett, li mhux qed jiġi kkontestat, u ma hemmx dubju, li attività ta’ riċerka bħal dik imwettqa minn C. I. Toki tikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali bħala persuna impjegata. Il-qorti tar-rinviju għamlet sew li speċifikat, fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, li l-esperjenza professjonali miksuba minn C.I. Toki bħala riċerkatriċi saret fi stabbiliment li “fil-prinċipju [...] m’għandux skop ta’ lukru”. Il-kwistjoni ta’ jekk l-istabbilment ikkonċernat kellux skop ta’ lukru jew le ma għandu, fil-kawża prinċipali, l-ebda importanza. Fil-fatt, l-uniku punt importanti hu li nsiru nafu jekk l-esperjenza professjonali inkisbitx permezz tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali mwettqa bħala persuna għal rasha jew bħala persuna impjegata. Barra minn hekk, il-fatt li C. I. Toki kienet impjegata mill-università ta’ Portsmouth mhux qed jiġi kkontestat.

71. Il-problema għaldaqstant ma hijiex li niddeterminaw jekk attività ta’ riċerka tistax titqies bħala esperjenza professjonali fiha nfisha. Id-domanda reali magħmula, li fil-fatt hija waħda iktar diffiċli biex tingħata risposta, hi jekk l-eżerċizzju ta’ din l-attività ta’ riċerka, imwettqa tal-inqas parzjalment f’qasam li donnu li huwa konness ma’ dak tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali, biex nużaw it-terminu użat mill-qorti tar-rinviju, għandux jitqies kompletament bħala eżerċizzju effettiv ta’ din il-professjoni fit-tifsira tad-dritt tal-Unjoni.

72. Fi kliem ieħor, jekk C. I. Toki xtaqet tkun awtorizzata twettaq il-professjoni ta’ riċerkatriċi fil-Greċja, u nassumu, ovvjament, li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent applikabbli għall-attivitajiet mhux irregolati jew meqjusa bħala attivitajiet rregolati jkunu applikabbli, l-esperjenza tagħha miksuba fi ħdan l-università ta’ Stat Membru ieħor kellha ovvjament tiġi kkunsidrata.

73. L-ambigwità ta’ dan il-każ tinħoloq mill-fatt li C. I. Toki tinvoka tliet snin esperjenza professjonali fil-qasam tar-riċerka, iżda b’rabta mal-qasam tal-inġinerija ambjentali. Id-diffikultà hija akbar minħabba l-fatt li l-ebda waħda mill-partijiet ma ħadet pożizzjoni dwar l-eżistenza u l-livell ta’ din l-allegata rabta bejn l-attivitajiet imwettqa minn C. I. Toki fi ħdan l-università u dawk li kienet twettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju “effettiv” tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali.

74. L-eżerċizzju full-time mitlub mid-Direttiva 89/48, kif diġà semmejt, jirreferi għall-esperjenza professjonali miksuba fl-Istat Membru li ma jirregolax il-professjoni. Għaldaqstant ikopri “it-twettiq fil-fatt u skont il-liġi tal-professjoni kkonċernata”. Bit-terminu “professjoni kkonċernata”, għandna nifhmu l-professjoni li dwarha qed issir it-talba għar-rikonoxximent ippreżentata fl-Istat Membru ospitanti. It-talba ta’ C. I. Toki tirrigwarda l-attività ta’ inġinier ambjentali. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, huwa ċar li l-esperjenza li C. I. Toki kisbet bħala riċerkatriċi ma tistax tiġi meqjusa għalkollox, a priori , bħall-eżerċizzju effettiv tal-attività ta’ inġinier ambjentali, minħabba li din mhix eżattament il-professjoni li hija wettqet fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jispeċifika li r-rikonoxximent jippresupponi l-eżerċizzju ta’ “dik” il-professjoni, jiġifieri l-professjoni msemmija fit-talba għal aċċess jew għal awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tagħha. Din hija wkoll, sostanzjalment, il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tat-tweġiba tagħha ċċitata iktar ’il fuq lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (39) .

75. B’hekk, b’deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tad-Direttiva 89/48 dwar id-diplomi meħtieġa mill-Istat Membru tat-taħriġ meta dan jirregola l-aċċess għall-“professjoni inkwistjoni” fit-territorju tiegħu, il-Qorti diġà ddeċidiet li “il-frażi ‘professjoni inkwistjoni’ [l-istess professjoni], fis-subparagrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-direttiva, għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi professjonijiet li fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u f’dak ospitanti huma, fir-rigward ta’ l-attivitajiet li jkopru, jew identiċi, jew analogi, jew f’ċerti każijiet, sempliċiment ekwivalenti” (40) . Inqis li l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja hi daqstant ieħor valida fil-kuntest tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, li jsemmi l-eżerċizzju full-time tal-“professjoni inkwistjoni”.

76. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-frażi “professjoni inkwistjoni” tippermetti ċertu aġġustament, billi tirrikonoxxi li tista’ tirreferi wkoll għal professjonijiet ekwivalenti f’termini tal-attivitajiet koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-awtorità nazzjonali inkarigata mir-rikonoxximent tad-diplomi u tal-esperjenza professjonali, f’dan il-każ is-Saeitte, li għandha tiddetermina jekk il-kompiti li C. I. Toki wettqet fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-kumpannja privata speċjalizzata jistgħux jikkostitwixxu, kif qed tallega, aspett essenzjali tal-attivitajiet ta’ inġinier ambjentali, jiġifieri aspett essenzjali ta’ professjoni ekwivalenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

77. Ġaladarba s-Saeitte jkun evalwa din ir-rabta bejn l-attivitajiet li wettqet C. I. Toki matul il-perjodu ta’ impjieg tagħha mal-università u dawk li wettqet fl-eżerċizzju effettiv tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali, ikun jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk, matul it-tliet snin meta ħadmet fl-università bħala riċerkatriċi, C. I. Toki tkunx verament wettqet full-time matul mill-inqas sentejn attività li tikkostitwixxi aspett essenzjali tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali, minħabba li jirriżulta mill-proċess li C. I. Toki wettqet, matul dawn it-tliet snin, attivitajiet oħra li evidentement ma humiex marbuta mal-eżerċizzju effettiv tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali (bħal pereżempju s-superviżjoni tal-istudenti).

78. Inżid ukoll li ma jistax jiġi eskluż li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jkunu biss konnessi mal-attività professjonali li dwarha tkun qed issir it-talba għall-aċċess, anki jekk ma jistax jikkostitwixxi l-eżerċizzju effettiv tal-professjoni msemmija, jikkontribwixxi għall-kisba u mbagħad għall-konsolidazzjoni tal-għarfien tal-applikant b’rabta ma’ din l-attività. Madankollu, huwa probabbli li l-kollaborazzjoni bejn C. I. Toki u l-kumpannija privata ma ppermettietx lill-persuna kkonċernata twettaq l-attivitajiet kollha li kienet twettaq fil-każ ta’ eżerċizzju effettiv tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali. Pereżempju, C. I. Toki ma ġietx f’kuntatt mal-klijenti; wieħed jista’ bl-istess mod jassumi li l-għarfien tar-regoli nazzjonali relatati mal-ippjanar urban u l-ekoloġija huwa meħtieġ għall-inġiniera fl-ambjent, u forsi C. I. Toki ma għandhiex għarfien tal-leġiżlazzjoni Griega.

79. Biex l-analiżi tkun kompleta, hemm ukoll lok li wieħed jikkunsidra l-ipoteżi li l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi li tissuġġetta lir- rikorrenti fil-kawża prinċipali għal miżuri kumpensatorji (41) . Dan ikun il-każ jekk is-Saeitte kellu jiddeċiedi li l-professjoni ta’ inġinier ambjentali fir-Repubblika Ellenika tikkonsisti f’attività jew attivitajiet professjonali li ma jeżistux fil-professjoni mwettqa mill-applikant fl-Istat Membru tat-taħriġ meta din id-differenza tkun ikkaratterizzata minn taħriġ speċifiku meħtieġ fil-Greċja u li jiffoka fuq temi li huma sostanzjalment differenti minn dawk koperti fit-taħriġ li jkun għamel l-applikant (42) .

80. Il-miżuri kumpensatorji li jiġu ordnati għandhom iqisu debitament, b’osservanza lejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-esperjenza ta’ C. I. Toki, anki jekk din ma tkunx biżżejjed biex tawtorizzaha taċċedi immedjatament u mingħajr formalitajiet oħra għall-attività msemmija.

81. Il-ġurisprudenza ma tħallix lok ta’ dubju dwar dan għax il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li “l-portata ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [89/48], li jawtorizza espressament miżuri ta’ kumpens, għandha tiġi limitata għall-każ[ijiet] fejn dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għall-għan li jrid jintlaħaq” (43) . L-issuġġettar tal-miżuri kompensatorji għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità issa jissemma’ b’mod espliċitu fl-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2005/36 (44) . B’hekk, meta tistipula l-miżuri kompensatorji, jekk ikun il-każ, l-awtorità nazzjonali għandha tqis dik l-esperjenza prattika kollha rilevanti għall-eżerċizzju tal-professjoni li dwarha tkun saret talba li tkun tista’ tpatti, għall-inqas parzjalment, għan-nuqqasijiet fl-għarfien fit-taħriġ inizjali.

82. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi li r-risposta li tingħata lit-tieni domanda tkun li, kemm skont id-Direttiva 89/48 kif ukoll skont id-Direttiva 2005/36, l-eżerċizzju full-time tal-professjoni għandu jfisser l-eżerċizzju effettiv tal-istess professjoni jiġifieri dik li għaliha tkun saret it-talba għal awtorizzazzjoni. Hija l-awtorità nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-kompiti mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi ħdan l-attività tagħha ta’ riċerka jistgħux jikkostitwixxu professjoni ekwivalenti f’termini ta’ attivitajiet koperti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-awtorità nazzjonali timponi miżuri kumpensatorji, l-awtorità għandha, madankollu, tiddefinixxi dawn il-miżuri b’osservanza għall-prinċipju ta’ proporzjonalità filwaqt li tqis ir-rabta bejn il-professjoni li r-rikorrenti xtaqet tingħata l-awtorizzazzjoni li twettaq fl-Istat Membru ospitanti u l-esperjenza professjonali miksuba fl-Istat Membru tat-taħriġ.

VI – Konklużjoni

83. Wara li kkunsidrajt il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias:

“1) Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li jipprevedi huwa applikabbli fil-każ fejn, fl-Istat Membru tat-taħriġ, il-professjoni tkun waħda li titqies bħala attività professjonali rregolata fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva msemmija. Peress li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika kemm għall-attivitajiet li jitqiesu bħala attivitajiet rregolati fl-Istat Membru tat-taħriġ kif ukoll għall-attivitajiet mhux irregolati, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun jew ma tkunx membru sħiħ ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-direttiva msemmija ma jaffettwax id-determinazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli.

2) Kemm skont id-Direttiva 89/48 kif ukoll skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, l-eżerċizzju full-time tal-professjoni għandu jfisser l-eżerċizzju effettiv tal-istess professjoni jiġifieri dik li għaliha tkun saret it-talba għal awtorizzazzjoni. Hija l-awtorità nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-kompiti mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi ħdan l-attività tagħha ta’ riċerka jistgħux jikkostitwixxu professjoni ekwivalenti f’termini ta’ attivitajiet koperti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-awtorità nazzjonali timponi miżuri kumpensatorji, l-awtorità għandha, madankollu, tiddefinixxi dawn il-miżuri b’osservanza għall-prinċipju ta’ proporzjonalità filwaqt li tqis ir-rabta bejn il-professjoni li r-rikorrenti xtaqet tingħata l-awtorizzazzjoni li twettaq fl-Istat Membru ospitanti u l-esperjenza professjonali miksuba fl-Istat Membru tat-taħriġ.”

(1) .

(2)  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337.

(3)  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138.

(4)  – Ara l-punti 12 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(5)  – ĠU L 255, p. 22.

(6)  – Ara l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2005/36.

(7)  – FEK A’ 149 tat-28 ta’ Ġunju 2000.

(8)  – FEK A’ 251 tat-22 ta’ Ottubru 2001.

(9)  – FEK A’ 334 tal-31 ta’ Diċembru 2002.

(10)  – Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(11)  – Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Frar 1996, Aranitis (C‑164/94, Ġabra p. I‑135, punt 17).

(12)  – Ara t-tielet premessa u t-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.

(13)  – Għalkemm huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-attività professjonali inkwistjoni, dan ikun bla ħsara għall-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel preċiżazzjonijiet: ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Price (C‑149/05, Ġabra p. I‑7691, punt 39).

(14)  – Sentenza Aranitis, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 19).

(15)  – Ara l-punt 21 tal-kapitolu tal-anness li jirrigwarda r-Renju Unit.

(16)  – Ara l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48.

(17)  – Dan il-punt, f’kull każ, mhux importanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qalet b’mod ċar, rigward il-kwalifika ta’ professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti, li “il-kwistjoni ta’ jekk professjoni hix regolata tiddependi mis-sitwazzjoni ġuridika eżistenti fl-Istat Membru ospitanti u mhux mill-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol f’dak l-Istat Membru” (is-sentenza Aranitis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

(18)  – F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jinnota li l-anness jikkonċerna biss l-assoċjazzjonjiet jew l-organizzazzjonijiet tar-Renju Unit jew l-Irlanda.

(19)  – Insibha bi tqila nimmaġina, pereżempju, li l-professjoni ta’ librar hija suġġetta, fir-Renju Unit, għal reġistrazzjoni obbligatorja mal-Library Association, li hija waħda mill-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali msemmija fl-anness tad-Direttiva (li wara saret iċ-“Chartered Institute of Library and Information Professionals”).

(20)  – Din il-formulazzjoni b’reqqa hija meħtieġa, fil-perspettiva tat-tieni domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha twassalna biex nistaqsu preċiżament sa liema punt C. I. Toki wettqet b’mod effettiv attività ta’ inġinier ambjentali.

(21)  – Petizzjoni Nru 786/2002 ta’ L. Kounis. L. Kounis kellu diploma fl-inġinerija mogħtija fir-Renju Unit, mingħajr ma kien membru tal-Engineering Council, u għaldaqstant mingħajr ma kellu t-titolu ta’ “chartered engineer”. Huwa xtaq li d-diploma tiegħu tiġi rikonoxxuta fil-Greċja biex ikun jista’ jwettaq l-attività professjonali ta’ inġinier, u din it-talba ġiet miċħuda mis-Saeitte.

(22)  – Enfasi tiegħi.

(23)  – L-Artikolu 52(2) jgħid, min-naħa tiegħu, li “Fejn il-professjoni hija regolata mill-Istat Membru ospitanti minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2), ċittadini ta’ Stati Membri m’għandhomx ikunu awtorizzati li jużaw it-titolu professjonali maħruġ minn dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni, jew il-forma mqassra tiegħu, sakemm ma jfornux prova li huma membri ta’ dik l-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni”. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda għaldaqstant biss il-kundizzjonijiet ta’ kif jintuża t-titolu professjonali mogħti mill-assoċjazzjoni konċernata u ma nistgħux niddeduċu, bħalma lanqas nistgħu niddeduċu mid-Direttiva 89/48, li l-membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet biss huma awtorizzati jwettqu l-attività professjonali inkwistjoni.

(24)  – Ara t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 89/48.

(25)  – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑274/05, Ġabra p. I‑7969, punt 39).

(26)  – Sentenza Price, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

(27)  – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Peros (C-141/04, Ġabra p. I‑7163, punt 31).

(28)  – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.

(29)  – Ibidem (punt 47).

(30)  – Ibidem (punt 48).

(31)  – Li jikkorrispondi għall-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48.

(32)  – Li jikkorrispondi għall-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48.

(33)  – Is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑365/93, Ġabra p. I-499, punt 9).

(34)  – Is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Beuttenmüller (C‑102/02, Ġabra p. I-5405, punt 55); fl-istess sens, is-sentenza Peros, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

(35)  – L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2005/36 ipprovda, fil-fatt, li l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija sa mhux iktar tard mill-20 ta’ Ottubru 2007.

(36)  – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, Ġabra p. I‑2323, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(37)  – Ibidem , punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(38)  – Ibidem , punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(39)  – Il-Kummissjoni sostniet, fil-fatt, li l-esperjenza professjonali meħtieġa skont is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 għandha tkun inkisbet fl-istess professjoni li l-persuna kkonċernata tkun ikkwalifikata fiha u li tkun talbet ir-rikonoxximent tagħha. Il-Kummissjoni kkunsidrat li peress li T. Kounis argumenta biss li kellu esperjenza ta’ lecturer, ma setax jagħti prova tal-esperjenza professjonali meħtieġa bħala inġinier (ara l-Petizzjoni Nru 786/2002 iċċitata iktar ’il fuq).

(40)  – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio (C‑330/03, Ġabra p. I‑801, punt 20)

(41)  – L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48, sussegwentement l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36.

(42)  – It-tielet inċiż tal-Artiklu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, sussegwentement l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2005/36. Din l-ipoteżi tal-aħħar tassumi li l-awtorità nazzjonali tirrikonoxxi kemm rabta ta’ konnessjoni biżżejjed bejn l-attività mwettqa minn C. I. Toki u l-attività ta’ inġinier ambjentali kif ukoll li dan kien twettiq full-time tal-attività msemmija konnessa sabiex il-kundizzjonijiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jiġu meqjusa bħala ssodisfatti.

(43)  – Sentenzi Colegio, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24) u tas-17 ta’ April 2008, Van Leuken (C‑197/06, Ġabra p. I‑2627, punt 39).

(44)  – L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2005/36 jistipula, fil-fatt, li d-dispożizzjonijiet dwar miżuri kompensatorji, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tad-direttiva, għandhom japplikaw “b’kont debitu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti għandu l-ħsieb li jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament jew jagħmel test ta’ kapaċità, għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk l-għarfien miksub mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, huwiex ta’ natura li jkopri, b’mod sħiħ jew parzjali, id-differenza sostanzjali msemmija fil-paragrafu 4”.