|
25.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 19/27 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/120
tal-24 ta' Jannar 2017
dwar id-derogi mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fl-Anness II tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, fuq in-naħa l-oħra, li japplikaw għall-kwoti ta' ċerti prodotti mill-Ekwador
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni (UE) 2016/2369 (2), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù, fuq in-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Ekwador (“il-Protokoll”). Skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/2369, il-Protokoll irid jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. Il-Protokoll japplika fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Jannar 2017. |
|
(2) |
L-Anness II tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva. Għal għadd ta' prodotti, l-Appendiċi 2 A ta' dak l-Anness jipprevedi derogi mir-regoli tal-oriġini stabbiliti f'dak l-Anness fil-qafas tal-kwoti annwali. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk id-derogi għall-importazzjonijiet mill-Ekwador. |
|
(3) |
Il-kwoti stabbiliti fl-Appendiċi 2 A tal-Anness II tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu ġestiti mill-Kummissjoni abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3). |
|
(4) |
L-intitolament li wieħed jibbenefika mill-konċessjonijiet tariffarji jenħtieġ li jkun soġġett għall-preżentazzjoni tal-prova tal-oriġini rilevanti lill-awtoritajiet doganali. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni mingħajr intoppi tas-sistema tal-kwoti stabbilita bil-Protokoll, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data bħal dik tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-derogi mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fl-Appendiċi 2 A tal-Anness II tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandhom japplikaw għall-kwoti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Sabiex jibbenifikaw mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-prodotti elenkati fl-Anness għandu jkollhom magħhom prova tal-oriġini kif stabbilit fl-Anness II tal-Ftehim.
Artikolu 3
Il-kwoti stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu ġestiti f'konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
ANNESS
Minkejja r-regoli tal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti jrid jitqies li ma għandux iktar minn valur indikattiv. Fil-kuntest ta' dan l-Anness, l-iskema preferenzjali hija ddeterminata bil-kodiċijiet NM kif jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.
|
Numru tal-Ordni |
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Perjodu tal-kwota |
Volum tal-kwota (f'tunnellati ta' piż nett jekk mhux speċifikat mod ieħor) |
|
09.7501 |
3920 |
Pjanċi, folji, film, fojl u strixxi oħrajn, ta' plastiks, mhux ċellolari u mhux rinfurzati, laminati, mirfudin jew ikkombinati b'mod simili ma' materjali oħrajn |
1.1.-31.12. |
15 000 |
|
09.7502 |
6108 22 00 |
Qliezet ta' taħt tan-nisa jew il-bniet, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, b'fibri sintetiċi |
1.1.-31.12. |
200 |
|
09.7503 |
6112 31 |
Malji tal-għawm tal-irġiel jew is-subien, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, b'fibri sintetiċi |
1.1.-31.12. |
25 |
|
09.7504 |
6112 41 |
Malji tal-għawm tan-nisa jew il-bniet, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, b'fibri sintetiċi |
1.1.-31.12. |
100 |
|
09.7505 |
6115 10 |
Maljerija b'kompressjoni gradwata (pereżempju, kalzetti għall-vini varikużi), maħdumin bil-labar jew bil-ganċ |
1.1.-31.12. |
25 |
|
09.7506 |
6115 21 00 |
Pantyhose u tajts oħrajn, ta' fibri sintetiċi, b'qies ta' kull ħajta inqas minn 67 deċitexs, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ |
1.1.-31.12. |
40 |
|
09.7507 |
6115 22 00 |
Pantyhose u tajts oħrajn, ta' fibri sintetiċi, b'qies kull ħajta ta' 67 decitex jew iktar, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ |
1.1.-31.12. |
15 |
|
09.7508 |
6115 30 |
Maljerija oħra tan-nisa t-tul kollu jew li tasal sal-irkoppa, ta' qies kull ħajta anqas minn 67 deċiteks, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ |
1.1.-31.12. |
25 |
|
09.7509 |
6115 96 |
Maljerija oħra, ta' fibri sintetiċi, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ |
1.1.-31.12. |
175 |
|
09.7510 |
7321 |
Fuklari, stufi, gradilji, kukers (inklużi dawk b'kaldaruni sussidjarji għal tisħin ċentrali), barbikju, braċieri, ċrieki tal-gass, apparat għat-tisħin tal-platti u tagħmir simili tad-dar mhux tal-elettriku, u partijiet tagħhom, tal-ħadid jew tal-azzar |
1.1.-31.12. |
20 000 oġġett |
|
09.7511 |
7323 |
Oġġetti tal-mejda, tal-kċina jew oġġetti oħrajn tad-dar u partijiet tagħhom, tal-ħadid jew tal-azzar; fibri tal-ħadid jew tal-azzar; barraxa tal-borom u pads tal-brix jew l-illostrar, ingwanti u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar |
1.1.-31.12. |
50 000 |
|
09.7512 |
7325 |
Oġġetti oħrajn ikkastjati tal-ħadid jew tal-azzar |
1.1.-31.12. |
50 000 |