|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1990 |
7.3.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/1990)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Espárrago verde de Guadalajara”
Nru tal-UE: PGI-ES-02963— 5.6.2023
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Espárrago verde de Guadalajara”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Spraġ fil-forma ta’ rimjiet ħodor rotob f’saħħithom u nodfa, tal-ispeċi tal-ispraġ Asparagus officinalis L., is-sottospeċi ġenetikament diplojde F1, it-tip “University of California”, il-varjetajiet: Apollo, Grande, Early California, Sunlim, Vegalim, Magnus, Placosesp, UC 157, UC 115 u Darzilla.
L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta trid tintuża biss għal spraġ aħdar b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ bejn 6,5 % u 8,5 %; valuri tal-pH bejn 5,7 u 5,9; konduttività elettrika bejn 4,4 u 6,2 (±0,3 mS cm–1); tul bejn 13-il cm u 26 cm, li minnhom massimu ta’ 3 cm huwa abjad, b’differenza massima ta’ 20 % bejn l-unitajiet fl-istess pakkett; dijametru minimu ta’ 10 mm; u kontenut ta’ solidi solubbli espress fi gradi Brix ta’ bejn 3,8 u 6,1 (±0,6%).
B’riżultat ta’ dawn il-karatteristiċi kimiċi, it-togħma ta’ dan l-ispraġ hija qawwija u mmerrqa, ftit żgħira fibruża, b’noti ħelwin u morri. It-togħma tippersisti bis-saħħa ta’ konċentrazzjonijiet speċifiċi ta’ solidi solubbli, mlieħi, aċidi organiċi u komposti bijoattivi oħra.
L-ispraġ huwa prodott li jittiekel frisk jew f’forma pproċessata. Ma fihx pestiċidi u mard, ma ssirlux ħsara mill-għodod jew mit-temp, ma fihx ħamrija u huwa maħsul. Il-kurvatura fit-terz ta’ fuq tal-istikka tal-ispraġ ma hijiex ta’ aktar minn 30 %. Ir-ras tal-ispraġ aħdar hija magħluqa, u ma hemm l-ebda tip ta’ rimjiet jew fjuri.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Iż-żona ġeografika deskritta fit-Taqsima 4 hija fejn jiġi prodott l-Espárrago verde de Guadalajara.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Dawk li jippakkjaw il-prodott irid ikollhom sistemi stabbiliti biex jiżguraw li l-ispraġ kopert mill-IĠP jiġi ppakkjat separatament minn kwalunkwe spraġ ieħor li jista’ jkun li jippakkjaw.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikkettar tal-ispraġ ippakkjat irid jinkludi dan li ġej: l-isem li taħtu jinbiegħ; il-logo li jidher fit-Taqsima 3.6 tad-Dokument Uniku, li huwa disponibbli għal kwalunkwe operatur li jitolbu u li jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; u referenza għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Espárrago Verde de Guadalajara”. B’mod fakultattiv, it-tikketta tista’ tinkludi wkoll il-marka ta’ konformità maħruġa mit-taqsima taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott fi ħdan il-korp ta’ kontroll.
Il-logo msemmi hawn fuq jidher hawn taħt.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Guadalajara:
Alarilla, Aldeanueva de Guadalajara, Aranzueque, Arbancón, Armuña del Tajuña, Cabanillas del Campo, Cañizar, Casas de San Galindo, Centenera, Ciruelas, Cogolludo, Copernal, Chiloeches, Espinosa de Henares, Fontanar, Fuencemillán, Guadalajara, Heras de Ayuso, Hita, Horche, Humanes de Mohernando, Jadraque, Loranca del Tajuña, Lupiana, Málaga del Fresno, Malaguilla, Marchamalo, Membrillera, Miralrío, Mohernando de Henares, Montarrón, Robledillo de Mohernando, Romanones, Taragudo, Tendilla, Torija, Torre del Burgo, Tórtola de Henares, Valdarachas, Valdearenas, Valdegrudas, Villanueva de Argecilla, Yebes u Yunqueras de Henares.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Espárrago Verde de Guadalajara” hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott li jirriżultaw mir-rabta maż-żona ġeografika. Il-kulur aħdar u l-kontenut ta’ materja niexfa ta’ bejn 6,5 % u 8,5 % huma dovuti għar-radjazzjoni solari medja ta’ 1 642,5 megajoule għal kull metru kwadru matul il-perjodu tal-produzzjoni. Il-valuri tal-pH ta’ bejn 5,7 u 5,9 u l-kontenut ta’ solidi solubbli espress fi gradi Brix ta’ bejn 3,8 u 6,1 (±0,6%) huma dovuti għat-temperaturi baxxi, li jfissru li l-ispraġ jikber bil-mod. It-tul ta’ bejn 13 cm u 26 cm u d-dijametru minimu ta’ 10 mm huma dovuti għall-ħamrija b’valuri tal-pH prinċipalment bejn 8,1 u 8,3, flimkien mal-fond tal-ħamrija, id-disponibbiltà tan-nutrijenti u l-kontenut ibbilanċjat tar-ramel, it-tafal u x-xaħx. Dawn il-kwalitajiet ifissru li huma disponibbli riżervi konsiderevoli ta’ umdità u elementi makro u mikro.
Speċifiċità taż-żona ġeografika
a) Pajsaġġ
Ġeografikament, iż-żona tal-produzzjoni tal-ispraġ aħdar tinsab fil-parti tal-Punent tal-provinċja ta’ Guadalajara, fid-distretti ta’ La Sierra, La Campiña u Alcarria Alta, fil-muniċipalitajiet ta’ Membrillera u Loranca de Tajuña, f’elevazzjonijiet ta’ bejn 640 u 1 020 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.
Iż-żona hija kkaratterizzata minn inklinazzjonijiet ħfief u formazzjonijiet ta’ terrazzi fuq il-pjanuri tax-xmajjar, kif ukoll iż-żoni ogħla tal-plateaux li jiffurmaw l-heathlands ta’ Alcarria.
b) Idrografija
Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fil-widien tax-xmajjar Henares u Badiel, u t-Tajuña bit-tributarji tagħha l-Matayeguas u l-Hungría.
Il-baċini tax-xmajjar ġew iffurmati f’dawn il-widien bħala riżultat ta’ proċessi ta’ erożjoni fil-fond fil-qoxra kalkarja, li jaffettwaw livelli litoloġiċi aktar baxxi li jikkonsistu prinċipalment minn tafal u xaħx. Dawn il-baċini alluvjali jżidu artijiet aktar fertili fil-pjanuri tax-xmajjar, u jipproduċu ħamrija aħjar għall-kultivazzjoni, aktar adattata għall-produzzjoni ta’ spraġ aħdar.
L-ilmijiet użati għall-irrigazzjoni għandhom salinità baxxa ħafna u għalhekk huma l-aktar adattati għall-produzzjoni tal-aħjar għelejjel.
c) Il-klima
Aħna nużaw is-sistema tal-klassifikazzjoni tal-klima Papadakis (1966) biex niddefinixxu l-karatteristiċi tal-klima taż-żona tal-produzzjoni għall-ispraġ aħdar. Skont dik is-sistema, nistgħu niddeskrivu l-karatteristiċi bħala li jappartjenu prinċipalment għat-tip ta’ klima Mediterranja (ME) moderata. Bl-istess mod, it-tip tas-sajf huwa “Qamħirrum” (M) u t-tipi tax-xitwa huma “Ħafur” (AV) kiesaħ u “Ħafur” (AV) moderat. Fir-rigward tal-umdità, iż-żoni tal-produzzjoni huma fil-biċċa l-kbira Mediterranji (ME) umdużi, b’xi żoni tal-pjanura ta’ Henares t’isfel ikklassifikati bħala Mediterranji (ME) niexfin. Skont l-istess sistema, is-sistema tat-temperatura taż-żona hija fil-biċċa l-kbira “Pampas” (PA), b’xi wħud miż-żoni tal-heathland iddefiniti bħala moderati (TE) sħan.
Hemm stazzjonijiet tal-klima uffiċjali tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel fiż-żona tal-produzzjoni, f’Marchamalo, Jadraque u Armuña de Tajuña. Skont id-data pprovduta mill-istazzjonijiet, it-temperatura massima medja hija ta’ 20,6 °C; it-temperatura minima medja hija ta’ 6 oC; it-temperatura minima assoluta medja hija ta’ –9,1 oC; u l-medja tat-temperatura medja hija ta’ 13,1-il oC.
Għall-perjodu tal-produzzjoni, it-temperaturi medji għal Marzu, April, Mejju u Ġunju huma ta’ 7,3 oC, 11,7-il oC, 15,7-il oC u 20,6 oC rispettivament. Dan juri li x-xitwa tkun twila, li jfisser li r-rebbiegħa tkun iqsar. Il-preċipitazzjoni annwali medja hija ta’ madwar 434,8 litru.
Ir-radjazzjoni solari netta medja matul ix-xhur tal-produzzjoni, bejn Marzu u Ġunju, hija ta’ 1 642 megajoule għal kull metru kwadru. Dan huwa inqas minn f’żoni oħra tal-produzzjoni aktar sħan fi Spanja.
Il-kalkoli bbażati fuq id-data dwar il-klima juru total ta’ 1 290,5 siegħa ta’ kesħa matul ix-xhur tax-xitwa, bi probabbiltà ta’ 25 % akbar ta’ ġlata fir-rebbiegħa tardiva wara l-11 ta’ April.
Dawn iċ-ċifri juru klima bi xtiewi twal ħafna u kesħin, ġlata tardiva u rebbigħat u ħriefi qosra. Ġeneralment fil-bidu tar-rebbiegħa tkun ħafna kesħa, bi sjuf sħan xotti u livelli ta’ preċipitazzjoni medji jew baxxi f’żoni aktar fil-Punent.
Ġeneralment, matul il-perjodu tal-produzzjoni, l-aħjar kundizzjonijiet klimatiċi jdumu relattivament ftit, ħafna iqsar mill-għelejjel imkabbra f’żoni aktar sħan. Filwaqt li xi ftit rimjiet ta’ spraġ jistgħu jkunu viżibbli fl-aħħar ta’ Marzu, il-ħsad ma jibdiex qabel nofs April taħt kundizzjonijiet normali.
Il-ġlata tardiva twassal għal waqfiet fil-produzzjoni. Dan il-fattur, flimkien ma’ temperaturi għoljin f’Ġunju, ifisser li l-perjodu proprju tal-qtugħ tal-ispraġ ma jdumx aktar minn 70 jum. Konsegwentement, il-pjanti jżommu r-riżervi tagħhom. In-nuqqas ta’ stress li jirriżulta jżid b’mod partikolari l-kwalità tal-prodotti.
d) Ħamrija
Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fuq il-pjanuri tax-xmajjar Henares, Badiel u Tajuña, iffurmati matul il-perjodu Plijo-Kwaternarju. Il-ħamrija hija prinċipalment kambisoli tal-kalċju u rendżini kambiċi, għalkemm il-fluvisoli huma preżenti wkoll.
Is-sawra l-aktar komuni ta’ din il-ħamrija hija trab ġulġlieni jew trab ġulġlieni tafli, permeabbli ħafna u b’kontenut għoli ta’ karbonat. Il-valuri medji tal-pH huma bejn 8,1 u 8,3, bil-valuri tal-konduttività tal-ħamrija jvarjaw bejn 150 u 184 mS cm–1. Il-kontenut tal-materja organika għandu t-tendenza li jkun baxx, inqas minn 1,5 %.
Speċifiċità tal-prodott
L-Espárrago de Guadalajara għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
Kontenut ta’ materja niexfa ta’ bejn 6,5 % u 8,5 %;
valuri tal-pH bejn 5,7 u 5,9;
Konduttività elettrika ta’ bejn 4,4 u 6,2 (±0,3 mS cm–1);
Tul ta’ bejn 13-il cm u 26 cm, li minnu massimu ta’ 3 cm huwa abjad, b’differenza massima ta’ 20 % bejn l-unitajiet fl-istess pakkett;
Dijametru ta’ mill-inqas 10 mm;
Kontenut ta’ solidi solubbli (°Brix) ta’ bejn 3,8 u 6,1 (±0,6%).
Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)
Matul ix-xhur tal-produzzjoni, it-temperaturi huma relattivament baxxi b’medji ta’ 7,3 oC f’Marzu, 11,7-il oC f’April, 15,7-il oC f’Mejju u 20,5 oC f’Ġunju.
Dan ifisser li l-ispraġ jikber bil-mod, u jiffaċilita konċentrazzjoni akbar ta’ solidi solubbli, bejn 3,8 u 6,1 gradi Brix, u valuri tal-pH bejn 5,7 u 5,9.
Bl-istess mod, il-kesħa tax-xitwa u l-fatt li hemm probabbiltà ta’ ġlata tardiva ta’ aktar minn 25 % (jiġifieri ġlata wara l-11 ta’ April) ifissru li l-pjanti ma jikkunsmawx ir-riżervi ta’ karboidrati, proteini u minerali miżmuma fis-sistemi tar-riżomi u tal-għeruq tagħhom. Dawn ir-riżervi jibqgħu disponibbli biex jiġu ttrasferiti lir-rimjiet il-ġodda tal-ispraġ fi proporzjonijiet akbar milli fl-ispraġ imkabbar fi klimi aktar sħan.
Hemm 1 290,5 siegħa ta’ temperaturi kesħin: numru għoli. Dan jaffettwa l-ispraġ b’żewġ modi. L-ewwel nett, matul il-pawża tax-xitwa, dan jippermetti r-riġenerazzjoni sħiħa tas-sistemi ormonali metaboliċi attivi fil-pjanta. It-tieni, ir-rimjiet tal-ispraġ ġeneralment joħorġu f’madwar l-istess żmien, li ma huwiex il-każ għall-ispraġ imkabbar f’kundizzjonijiet agroklimatiċi inqas kesħin. Għalhekk, filwaqt li ammont żgħir ħafna ta’ spraġ jista’ jidher fl-aħħar ta’ Marzu, l-istaġun ġeneralment ma jibdiex kif suppost qabel nofs April.
Il-qtugħ jispiċċa meta tasal is-sħana ta’ Ġunju, u b’hekk il-pjanti jitħallew jikbru għal perjodu itwal ta’ veġetazzjoni. Dan huwa l-aktar bis-saħħa tas-sħana tas-sajf u l-modi tradizzjonali li bihom il-bdiewa jimmaniġġjaw l-irrigazzjoni u l-fertilizzazzjoni. Dan is-sajf twil jippermetti li jiġi żviluppat ammont sinifikanti ta’ bijomassa, li sussegwentement jirrestawra s-sustanzi ta’ riżerva fis-sistema tar-riżomi u tal-għeruq, u jagħmilhom disponibbli għall-istaġun li jmiss.
Id-differenza medja bejn it-temperaturi massimi ta’ matul il-ġurnata u dawk minimi ta’ matul il-lejl hija ta’ madwar 14,2-il oC. Dan, flimkien mat-temperaturi baxxi tal-ġurnata fil-bidu tar-rebbiegħa, jgħin biex l-ispraġ jiġi ppreservat mill-kundizzjonijiet tal-istress tas-sħana li jwasslu għal livelli għoljin ta’ traspirazzjoni. Hemm inqas ħtieġa għall-metaboliżmu tal-karboidrati biex jittaffew it-temperaturi eċċessivi ta’ nofsinhar. Il-karboidrati, għalhekk, jinżammu fl-ispraġ.
Hemm ukoll inqas telf ta’ ilma minħabba l-iskambju tal-gass permezz tal-istomata meta mqabbel mal-ispraġ imkabbar f’żoni aktar sħan. Għalhekk, is-solidi solubbli jibqgħu maħżuna u disponibbli fl-ispraġ, u jipproduċu valuri ta’ bejn 3,8 u 6,1 gradi Brix, u pH ta’ bejn 5,7 u 5,9: valuri għoljin li huma rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni.
Il-karatteristiċi speċjali taż-żona tal-produzzjoni jinkludu l-livelli tal-altitudni tal-azjendi agrikoli tal-produtturi. Dan il-fattur, flimkien mal-latitudni tal-provinċja ta’ Guadalajara, jirriżulta f’radjazzjoni solari medja ta’ 1 642,5 megajoule għal kull metru kwadru matul il-perjodu tal-produzzjoni. L-ispraġ huwa ta’ kulur aħdar u għandu kontenut ta’ materja niexfa ta’ bejn 6,5 % u 8,5 %.
Il-karatteristiċi speċjali tal-ħamrija jinkludu valuri tal-pH prinċipalment bejn 8,1 u 8,3, il-fond, id-disponibbiltà tan-nutrijenti, u l-kontenut ibbilanċjat tar-ramel, it-tafal u x-xaħx. Dawn il-kwalitajiet ifissru li huma disponibbli riżervi konsiderevoli ta’ umdità u elementi makro u mikro għall-produzzjoni tal-ispraġ, li huwa twil bejn 13-il cm u 26 cm u għandu dijametru ta’ mill-inqas 10 mm. Jikber bil-mod ħafna minħabba l-varjazzjoni fit-temperatura bejn billejl u binhar.
In-nutrijenti fil-ħamrija, flimkien mal-prattiki tradizzjonali rigward il-fertilizzazzjoni tal-għelejjel u l-karatteristiċi agroklimatiċi taż-żona, ifissru li t-togħma ta’ dan l-ispraġ hija qawwija u mmerrqa, ftit żgħira fibruża, b’noti ħelwin u morri. Għandu togħma li tippersisti bis-saħħa ta’ konċentrazzjonijiet speċifiċi ta’ solidi solubbli, mlieħi, aċidi organiċi u komposti bijoattivi oħra.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/PLIEGO_CONDICIONES_esparrago_Guadalajara_20221020.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1990/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)