|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/588 |
19.2.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/588
tas-6 ta’ Frar 2024
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “European Cannabis Initiative”
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Jannar 2024, tressqet talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “European Cannabis Initiative”. |
|
(2) |
Dik it-talba ssegwi t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-istess titolu, li tressqet lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Novembru 2023. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2023 (C(2023) 8548 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa fis-6 ta’ Novembru 2023, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788 fir-rigward tal-ewwel u t-tieni mill-erba’ objettivi. L-ewwel objettiv jitlob lill-Kummissjoni “tistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki tal-kannabis iċċentrati fuq id-drittijiet tal-bniedem li jeskludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għall-użu, il-pussess u l-kultivazzjoni tal-pjanta u d-derivattivi tagħha għal skopijiet personali għall-adulti”. Filwaqt li l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi bażi ġuridika għall-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera (inkluż it-traffikar illeċitu tad-droga), l-esklużjoni ta’ ċerta mġiba mill-kriminalizzazzjoni taqbeż l-istabbiliment ta’ regoli minimi. Bl-istess mod, it-Trattati ma jipprevedux bażi ġuridika adegwata għall-esklużjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi għal mġiba bħal din. Bl-istess mod, it-tieni objettiv, li jistieden lill-Kummissjoni “ma tinterferixxix fl-għażliet tal-Istati Membri li jadottaw regolamenti għal suq legali għall-użu tal-kannabis għall-adulti b’reazzjoni għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom”, jaqa’ manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni, peress li dak l-objettiv ma jikkontribwixxix għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kif meħtieġ skont l-Artikolu 114 tat-TFUE. Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ objettiv, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn ma jaqgħux manifestament barra mis-setgħat tagħha li tipproponi att legali għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(4) |
Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(5) |
Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-grupp ta’ organizzaturi ressaq inizjattiva emendata. |
|
(6) |
L-objettivi tal-inizjattiva emendata, kif espressi mill-organizzaturi, huma maqsumin fi tlieta. L-ewwel nett, l-organizzaturi jappellaw lill-Kummissjoni biex “Tlaqqa’ Assemblea taċ-Ċittadini Trans-Ewropea dwar il-politiki tal-kannabis f’perspettiva akbar dwar: skala komuni ta’ sanzjonijiet fl-UE kollha; il-konsistenza tal-politiki tal-Istati Membri; L-opportunità taċ-ċittadini tal-UE li jiddiskutu bejniethom u mal-Istituzzjonijiet dwar dan is-suġġett sensittiv”. It-tieni, l-organizzaturi jappellaw lill-Kummissjoni biex “trawwem l-aċċess għall-kannabis għall-użu mediku abbażi ta’ evidenza xjentifika u l-esperjenzi tal-pazjenti, u biex il-pazjenti jkunu jistgħu jittrasportaw il-kannabis u kwalunkwe derivattiv tagħha preskritti għal użi terapewtiċi fl-UE kollha sabiex tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tad-dritt għas-saħħa”. It-tielet, l-organizzaturi jitolbu lill-Kummissjoni biex “talloka r-riżorsi meħtieġa għar-riċerka tal-kannabis — inkluż fil-mediċina erbali u tradizzjonali — għall-użi terapewtiċi tagħha u biex dawn jiġu kondiviżi internazzjonalment”. |
|
(7) |
It-tieni u t-tielet objettivi huma l-istess bħat-tielet u r-raba’ objettivi tal-inizjattiva mressqa fis-6 ta’ Novembru 2023. |
|
(8) |
Anness għall-inizjattiva emendata jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. Dan jispjega li l-Unjoni “b’mod progressiv adottat pożizzjonijiet komuni dwar approċċi innovattivi għall-politiki dwar id-drogi ċċentrati fuq id-drittijiet tal-bniedem” u li diversi Stati Membri “segwew bidliet sinifikanti fil-politiki nazzjonali tagħhom li jindirizzaw l-użu mhux mediku u mhux xjentifiku tal-kannabis”. Din tirreferi għad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI (2), li tiddikjara li “ma għadhiex konformi mal-aħħar żviluppi fil-qasam tal-kontroll tad-drogi u ma tirriflettix rakkomandazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali” inklużi dawk f’rapport tal-2023 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak l-anness jirreferi wkoll għall-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u jinnota li “n-nuqqas ta’ progress sinifikanti fit-trażżin ta’ narkotiċi illeċiti fl-Ewropa jimponi reviżjoni radikali tal-approċċ li għal għexieren ta’ snin ma naqqasx id-domanda u l-provvista tad-droga”. |
|
(9) |
Fir-rigward tal-ewwel objettiv tal-inizjattiva emendata, il-Kummissjoni tifhem li l-grupp ta’ organizzaturi jistedinha tlaqqa’ assemblea taċ-ċittadini trans-Ewropea jew forum simili biex tiddiskuti l-politiki tal-kannabis f’perspettiva usa’. L-organizzaturi mhumiex qed jitolbu proposta tal-Kummissjoni għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(10) |
L-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/788 jikkonferixxu dritt liċ-ċittadini tal-Unjoni li jistiednu lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tressaq kwalunkwe proposta xierqa dwar kwistjonijiet fejn dawk iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni jkun meħtieġ għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(11) |
L-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2019/788 jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tirreġistra l-inizjattiva jekk “l-ebda parti mill-inizjattiva taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati”. |
|
(12) |
Sa fejn huwa kkonċernat l-ewwel objettiv tal-inizjattiva emendata, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ma tissodisfax ir-rekwiżit legali fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788, peress li ma titlobx lill-Kummissjoni tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(13) |
Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva emendata, l-Artikolu 168(6) tat-TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 168 tat-TFUE dwar is-saħħa pubblika. Din ir-rakkomandazzjoni tista’ tistieden lill-Istati Membri biex: (a) “irawmu l-aċċess għall-kannabis għall-użu mediku abbażi ta’ evidenza xjentifika u l-esperjenzi tal-pazjenti” u (b) “biex il-pazjenti jkunu jistgħu jittrasportaw il-kannabis u kwalunkwe derivattiv tagħha preskritti għal użi terapewtiċi fl-UE kollha sabiex tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tad-dritt għas-saħħa”, sakemm fiż-żewġ każijiet l-ambitu jkun limitat għall-użu legali tal-kannabis. Madankollu, l-Artikolu 168 tat-TFUE ma jipprovdix bażi ġuridika għal miżuri li jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam. |
|
(14) |
Fir- rigward tat-tielet objettiv tal-inizjattiva emendata, l-Artikoli 173(3), 182(1), 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tat-TFUE, fil-prinċipju, jippermettu lill-Kummissjoni tipproponi att legali tal-Unjoni biex jiġu allokati riżorsi għar-riċerka. |
|
(15) |
Għal dawk ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jenħtieġ li tiġi parzjalment irreġistrata fir-rigward tat-tieni u t-tielet objettiv, f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/788, peress li dawk il-partijiet tal-inizjattiva biss ma jaqgħux manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(16) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(17) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(18) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(19) |
Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “European Cannabis Initiative” tiġi rreġistrata parzjalment fir-rigward tat-tieni u t-tielet objettiv tagħha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva jistgħu għalhekk jinġabru sa fejn l-inizjattiva tikkonċerna dawk iż-żewġ objettivi. |
|
(20) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva kif irreġistrata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “European Cannabis Initiative” għandha tiġi rreġistrata parzjalment.
2. Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal dik l-inizjattiva, fir-rigward tat-tieni u t-tielet objettiv, abbażi tal-ftehim li din tkun maħsuba għall-preżentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ proposti ta’ atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati biex:
|
(a) |
trawwem l-aċċess għall-kannabis għall-użu mediku abbażi ta’ evidenza xjentifika u l-esperjenzi tal-pazjenti, u biex il-pazjenti jkunu jistgħu jittrasportaw il-kannabis u kwalunkwe derivattiv tagħha preskritti għal użi terapewtiċi fl-Unjoni kollha sabiex tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tad-dritt għas-saħħa; |
|
(b) |
talloka r-riżorsi meħtieġa għar-riċerka tal-kannabis għall-użu terapewtiku tagħha. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “European Cannabis Initiative”, irrappreżentat minn Francesca CAPUOZZO u Georg WURTH li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
(2) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2004/757/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/588/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)