|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/289 |
11.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/289
tas-6 ta’ Frar 2025
li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 708/2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 708/2013 (2), prodott (imsejjaħ “strixxa LED”) li jikkonsisti minn dajowds li jitfgħu d-dawl (LEDs), tranżisters, reżistenzi u dajowds ta’ protezzjoni, intenzjonat għall-użu, pereżempju, fl-għamara bħala tagħmir tad-dawl, ġie kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9405 40 99 bħala “tagħmir (fittings) oħra tad-dawl”. |
|
(2) |
Peress li l-prodott kien jikkonsisti f’assemblaġġ ta’ ċirkwit stampat, ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal apparati semikondutturi jew LED diskreta skont it-tifsira tal-intestatura 8541 , u l-prodott kellu l-karatteristiċi oġġettivi kollha ta’ tagħmir tad-dawl tal-intestatura 9405 . Konsegwentament, il-klassifikazzjonijiet taħt l-intestaturi 8541 u 8543 ġew esklużi. Meta jitqiesu l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, l-oġġett kellu l-karattru essenzjali ta’ tagħmir tad-dawl tal-intestatura 9405 li biex jiffunzjona jeħtieġ biss li jkun imqabbad ma’ provvista tal-enerġija. |
|
(3) |
Matul is-70 sessjoni tiegħu f’Settembru 2022, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC, “Harmonized System Committee”) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, “World Customs Organisation”) approva l-opinjoni tal-klassifikazzjoni 8539.51/1 li tikklassifika prodott imsejjaħ “strippi tad-dawl flessibbli”, strippa tad-dawl flessibbli LED ta’ ġewwa, 24 V, 1,3 W, abjad biered. Id-dwal tat-tejp huma sezzjonijiet ta’ prodotti tad-dawl modulari li jistgħu jiġu konnessi u li jikkonsistu fi 18-il LED allinjati mat-tul ta’ kull waħda mis-sezzjonijiet u għandhom LEDs konnessi fuq bord ta’ ċirkwit stampat (PCB, “printed circuit board”). Dan jintuża, pereżempju, għal tidwil għal kompitu speċifiku u tidwil ta’ aċċentwazzjoni fl-armarji tal-kċejjen, tidwil minn wara għal żoni li diffiċli jintlaħqu. Ġie klassifikat fis-subintestatura 8539.51 tas-SA bl-applikazzjoni tal-GIRs 1 (in-Nota 11 (a) tal-Kapitolu 85 u n-Nota 1 (f) tal-Kapitolu 94) u 6 u skont il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, jikkorrispondi għall-Kodiċi NM 8539 51 00 , bħala moduli b’dijodu li jemetti d-dawl (LED). |
|
(4) |
Minħabba l-karatteristiċi identiċi jew simili ħafna tal-prodott mal-oġġett deskritt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 708/2013, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġett, kif stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, mhijiex f’konformità mal-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 8539.51/1. |
|
(5) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (3), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tad-WCO. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni approvati mill-HSC huma strumenti ta’ gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni. |
|
(6) |
Bl-għan li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata f’livell internazzjonali u meta wieħed iqis li d-deċiżjoni tal-HSC hija f’konformità mal-kliem tas-subintestatura 8539.51 tas-SA, jenħtieġ li l-Unjoni tapplika l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 8539.51/1. |
|
(7) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 708/2013 jitħassar. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 708/2013 huwa mħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 708/2013 tat-23 ta’ Lulju 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 200, 25.7.2013, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/708/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1987/369/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/289/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)