|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2958 |
2.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2958
tad-29 ta’ Novembru 2024
li jiddetermina l-indikaturi tal-output rilevanti għar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-Unjoni Ewropea, u biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/988 b’mod effiċjenti, l-Istati Membri jenħtieġ li, kif innotat fil-Premessa 65 ta’ dak ir-Regolament, jimpenjaw biżżejjed riżorsi, inkluż il-baġit u l-persunal, għall-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq. B’riżorsi suffiċjenti, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jistgħu jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa, jidentifikaw prodotti perikolużi, jikkooperaw permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida Safety Gate skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) 2023/988, u jirrispondu fil-pront għar-riskji emerġenti fis-suq. Barra minn hekk, billi jinżamm livell uniformi ta’ sikurezza tal-prodotti, livell għoli ta’ sorveljanza tas-suq jiżgura kompetizzjoni ġusta fost in-negozji. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-Istati Membri jirrapportaw, inkluż fejn ikun rilevanti b’mod ta’ stimi, dwar ir-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 jew għall-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq b’mod ġenerali, fejn ikun diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ sorveljanza skont ir-Regolament (UE) 2023/988 u attivitajiet oħra ta’ sorveljanza tas-suq. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/988 jipprovdi lill-Istati Membri b’varjetà ta’ mezzi biex jiżguraw li l-prodotti disponibbli fis-suq tal-UE jkunu sikuri. Dawn jinkludu firxa ta’ setgħat biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sorveljanza tas-suq, u b’mod partikolari l-bejgħ online u mill-bogħod, flimkien ma’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni. Għalhekk huwa importanti li jitkejjel il-grad sa fejn ir-Regolament (UE) 2023/988 jiġi implimentat u applikat sal-potenzjal sħiħ tiegħu. |
|
(3) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw id-data f’konformità mal-indikaturi li jkejlu r-riżultati tal-verifiki ta’ konformità tagħhom mar-Regolament (UE) 2023/988. Dan ir-rappurtar jenħtieġ li jikkonċerna kemm l-għadd kif ukoll it-tipi ta’ prodotti jew gruppi ta’ prodotti ttestjati u identifikati bħala perikolużi. Jenħtieġ li tikkonċerna wkoll kwalunkwe attività oħra ta’ sorveljanza tas-suq, inklużi dawk relatati mal-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tas-swieq online; l-informazzjoni essenzjali dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-prodott murija fuq il-prodotti, bħad-dettalji tal-persuni responsabbli; u d-dokumentazzjoni rilevanti. Dan ir-rappurtar jenħtieġ li jinkludi indikazzjonijiet tal-kwistjonijiet ta’ sikurezza mill-konsumaturi u minn partijiet interessati oħra, komunikazzjoni u kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi u miżuri imposti għal ksur tar-Regolament. |
|
(4) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tad-data skont l-indikaturi tal-output stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-servizzi tal-Kummissjoni flimkien man-Network tas-Sikurezza tal-Konsumatur se jiżviluppaw mudell standardizzat li jippermetti l-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa b’mod standardizzat jew l-indikazzjoni tas-sors li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ taċċessa u tipproċessa l-informazzjoni direttament f’format elettroniku. |
|
(5) |
Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu d-data b’mod aggregat u/jew indikattiv. |
|
(6) |
L-indikaturi tal-output skont dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li ma joħolqux piż bla bżonn għall-Istati Membri, inklużi obbligi potenzjali ta’ rappurtar doppju. |
|
(7) |
L-obbligu ta’ rappurtar skont dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li ma jidduplikax l-obbligu tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u b’mod partikolari l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata lis-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni għas-sorveljanza tas-suq (ICSMS) imsemmija fl-Artikolu 34 tiegħu jew l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw il-miżuri lis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” skont l-Artikolu 26(1) u (7) tar-Regolament (UE) 2023/988. |
|
(8) |
Għalhekk, għall-finijiet ta’ rappurtar skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2023/988, l-Istati Membri jistgħu jindikaw li l-informazzjoni rilevanti għal indikatur speċifiku diġà ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor jew diġà hija disponibbli għall-Kummissjoni. |
|
(9) |
Meta rilevanti, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jirrapportaw dwar aspetti oħra tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988, anki jekk dawn ma jkunux koperti direttament minn wieħed mill-indikaturi elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, flimkien ma’ informazzjoni oħra disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fil-qosor kull sena u tagħmel dan disponibbli għall-pubbliku. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolament Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodotti stabbilit f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2023/988, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Indikaturi tal-output
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-indikaturi tal-output li abbażi tagħhom l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-data msemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2023/988 lill-Kummissjoni.
Il-lista ta’ indikaturi tal-output hija stabbilita fl-Anness.
Artikolu 2
Rappurtar
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-data msemmija fl-Artikolu 1 b’mod konsolidat dwar l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kollha tagħhom maħtura skont ir-Regolament (UE) 2023/988 sat-22 ta’ Diċembru 2026 u kull sena minn hemm ’il quddiem.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/988/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).
ANNESS
Indikaturi tal-output imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament
(1)
Riżorsi allokati lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (persunal u baġit, potenzjalment espressi permezz ta’ ċifri aggregati u/jew indikattivi li jkopru l-attivitajiet kollha ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru);
(2)
L-għadd ta’ lmenti tal-konsumaturi jew ta’ partijiet interessati oħra riċevuti mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Artikolu 33(4) (eskluża l-informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) 2023/988);
(3)
L-għadd u t-tip ta’ kontrolli ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2023/988 (prodotti jew gruppi ta’ prodotti kkontrollati, il-modalitajiet u t-tipi ta’ kontrolli);
(4)
L-għadd ta’ talbiet għal assistenza reċiproka mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq maqsuma f’talbiet għall-informazzjoni u talbiet għall-miżuri ta’ infurzar;
(5)
L-għadd u t-tip ta’ azzjonijiet korrettivi jew miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-operaturi ekonomiċi (fejn mitlub mill-awtoritajiet nazzjonali jew meta jkunu akkonoxxenza mod ieħor) biex jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti (esklużi l-miżuri notifikati skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2023/988 lis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”);
(6)
L-għadd u l-valur tal-multi imposti għal kull tip ta’ ksur, inklużi każijiet li fihom l-operaturi ekonomiċi jew il-fornituri tas-swieq online ma weġbux għal talba skont l-Artikolu 15 jew 22 tar-Regolament (UE) 2023/988 sal-iskadenza stabbilita mill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jikkomunikaw id-data msemmija f’dan l-Anness, dan ikun jikkonċerna lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kollha tagħhom maħtura skont ir-Regolament (UE) 2023/988.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2958/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)