29.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/99


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/742/PESK

tat-28 ta' Ottubru 2014

li tħassar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/696/PESK fuq il-manteniment ta' miżuri speċifiċi restrittivi indirizzati kontra s-Sur Milosevic u persuni assoċjati miegħu u l-Pożizzjonijiet Komuni relatati 98/240/PESK, 98/326/PESK, 1999/318/PESK u 2000/599/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/696/PESK (1).

(2)

Il-Pożizzjoni Komuni 2000/696/PESK tat effett lill-istipulazzjoni fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/599/PESK (2) li l-miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra s-Sur Milosevic u persuni assoċjati miegħu għandhom jinżammu.

(3)

Il-Pożizzjoni Komuni 2000/696/PESK konsegwentement irrevediet il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill 98/240/PESK (3), 98/326/PESK (4) u 1999/318/PESK (5) sabiex jinżammu biss dawk id-dispożizzjonijiet restrittivi diretti kontra s-Sur Milosevic u l-persuni assoċjati miegħu.

(4)

Is-Sur Milosevic u l-persuni assoċjati miegħu ma għadhomx jippreżentaw theddida għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u, konsegwentement, ma hemm ebda raġunijiet biex jibqgħu japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

(5)

Il-Pożizzjonijiet Komuni 98/240/PESK, 98/326/PESK, 1999/318/PESK, 2000/599/PESK u 2000/696/PESK għandhom għalhekk jiġu mħassra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjonijiet Komuni 98/240/PESK, 98/326/PESK, 1999/318/PESK, 2000/599/PESK u 2000/696/PESK huma b'dan imħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. L. GALLETTI


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/696/PESK tal-10 ta' Novembru 2000 fuq il-manteniment ta' miżuri speċifiċi restrittivi indirizzati kontra s-Sur Milosevic u persuni assoċjati miegħu (ĠU L 287, 14.11.2000, p. 1).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/599/PESK tad-9 ta' Ottubru 2000 dwar appoġġ lil FRY demokratika u t-tneħħija immedjata ta' ċerti miżuri restrittivi (ĠU L 261, 14.10.2000, p. 1).

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni 98/240/PESK tad-19 ta' Marzu 1998 iddefinita mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu J.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 95, 27.3.1998, p. 1).

(4)  Il-Pożizzjoni Komuni 98/326/PESK tas-7 ta' Mejju 1998 iddefinita mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu J.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-iffriżar ta' fondi miżmuma barra l-pajjiż mir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (FRY) u l-Gvernijiet Serbi (ĠU L 143, 14.5.1998, p. 1).

(5)  Il-Pożizzjoni Komuni 1999/318/PESK tal-10 ta' Mejju 1999 adottata mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (ĠU L 123, 13.5.1999, p. 1).