KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑195/25 [Framholm] ( i )
AA,
BA,
CA,
DA,
EA,
FA
vs
Migrationsverket
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, il-Qorti tal-Immigrazzjoni, l-Isvezja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni temporanja f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati – Direttiva 2001/55/KE – Artikoli 2(a), 3(1), 17 u 19 – Protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 2 – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 10(2) – Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja lil persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja – Limiti”
|
1. |
It-tilwima li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-punt dwar jekk il-persuni spostati li kisbu protezzjoni temporanja fi Stat Membru, skont id-Direttiva 2001/55/KE ( 2 ), jistgħux jitolbu, f’dan l-Istat, l-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2011/95/UE ( 3 ) u d-Direttiva 2013/32/UE ( 4 ). |
|
2. |
Il-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, l-Iżvezja) ( 5 ) ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja ppreżentati minn sitt persuni, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li, spostati mill-Ukraina wara l-invażjoni ta’ dan tal-aħħar fl-2022, kienu kisbu fl-Isvezja l-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55. |
|
3. |
Skont l-awtoritajiet Svediżi, il-benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja jista’ fi kwalunkwe mument jippreżenta applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat (ażil). Madankollu, l-awtorità nazzjonali ċaħdet, mingħajr ma daħlet fil-mertu, l-applikazzjoni tiegħu intiża għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
4. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni temporanja mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aċċess għall-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id-Direttiva 2001/55
|
5. |
L-Artikolu 1 jistabbilixxi li: “Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom”. |
|
6. |
L-Artikolu 2 jiddisponi li: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]”. |
|
7. |
L-Artikolu 3 jipprovdi li: “1. Il-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika ir-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ rifuġjat skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. […] 5. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu kondizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni koperti bi protezzjoni temporanja”. |
|
8. |
Skont l-Artikolu 5 tagħha: “1. L-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru biex jissottometti proposta lill-Kunsill […]”. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 17: “1. Il-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jridu jkunu kapaċi jiddepożitaw applikazzjoni għall-asil f’kull ħin. 2. L-eżaminazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-asil mhux ipproċessata qabel it-tmiem tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandha tiġi kkompletata qabel it-tmiem ta’ dan il-perodu taż-żmien”. |
|
10. |
L-Artikolu 19 jistipula li: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-protezzjoni temporanja ma’ titgawdiex simultanjment ma’ l-istatus ta’ min ikun qiegħed ifittex l-asil waqt li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet. 2. Meta, wara li tkun ġiet eżaminata applikazzjoni għall-asil, jew meta ma jiġix konċess, meta applikabbli, tip ieħor ta’ protezzjoni lil persuna sabiex tgawdi jew tkun qiegħda tgawdi protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, li din il-persuna tgawdi jew tissokta tgawdi l-protezzjoni temporanja għall-bqija tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni”. |
2. Id-Direttiva 2011/95
|
11. |
L-Artikolu 1 (“Skop”), jiddetermina li: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija”. |
|
12. |
L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jippreċiża li: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]”. |
|
13. |
L-Artikolu 18 (“Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja”) jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II [(‘Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali’)] u V [(‘Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja)]”. |
3. Id-Direttiva 2013/32
|
14. |
L-Artikolu 1 (“Għan”) jistipula li: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE”. |
|
15. |
L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]”. |
|
16. |
L-Artikolu 10 (“Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”) jipprovdi li: “[…] 2. Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja. […]”. |
B. Id-dritt Svediż. Utlänningslagen (2005:716) ( 6 )
|
17. |
Skont l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21: “Il-fatt li barrani jkun kiseb permess ta’ residenza akkumpanjat minn protezzjoni temporanja ma jipprekludix l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4. L-istess japplika għal applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 4, u għal applikazzjoni għal dokument tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 4. L-eżami ta’ applikazzjoni skont l-ewwel paragrafu jista’ jiġi pospost biss jekk ikun hemm raġunijiet partikolari għal dan. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx ġiet eżaminata qabel it-tmiem tal-protezzjoni temporanja, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata kemm jista’ jkun malajr wara dik id-data”. |
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
|
18. |
Fl-24 ta’ Frar 2022, AA, ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa detentur ta’ permess ta’ residenza permanenti fl-Ukraina, kif ukoll BA u l-erba’ wliedu, li huma kollha ċittadini Ukraini, telqu mill-Ukraina wara l-invażjoni Russa u marru l-Isvezja, fejn kisbu permess ta’ residenza bi protezzjoni temporanja, skont id-Direttiva 2001/55. Sussegwentement, huma ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-istess pajjiż. |
|
19. |
L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni eżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u ddeċieda, f’żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-istess jum li:
|
|
20. |
Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, il-Qorti tal-Immigrazzjoni), fejn talbu:
|
|
21. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, il-Qorti tal-Immigrazzjoni) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
22. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2025. |
|
23. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa. |
|
24. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, mill-Gvern Svediż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, minbarra l-Gvern Bulgaru, dehru fis-seduta li nżammet fl‑10 ta’ Lulju 2025. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Preċiżazzjonijiet kunċettwali u terminoloġiċi
|
25. |
Uħud mid-diffikultajiet li jqajjem dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ sistemi ta’ “protezzjoni” li ismijiethom huma simili. Għalhekk, għandu jiġi ppreċiżat x’għandu jinftiehem eżatt, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, permezz tat-termini “protezzjoni internazzjonali”, “status ta’ rifuġjat”, “protezzjoni sussidjarja” u “protezzjoni temporanja”. |
|
26. |
L-Artikolu 78(1)TFUE jipprovdi li l-Unjoni “għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja”. |
|
27. |
Il-miżuri relatati ma’ sistema Ewropea komuni jinkludu, skont l-Artikolu 78(2) TFUE, (a) status uniformi ta’ ażil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha; (b) status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu ażil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali; u (ċ) sistema komuni ta’ protezzjoni temporanja, fil-każ ta’ dħul massiv, għal persuni maqlugħa minn pajjiżhom. |
|
28. |
L-Artikolu 78(3) TFUE jirrigwarda l-każ fejn Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-każ, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istati Membri kkonċernati ( 8 ). |
|
29. |
Id-definizzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali li tinsab fl-Artikolu 2(a) u (h) tad-Direttiva 2011/95 tinkludi l-istatus ta’ rifuġjat (ażil fis-sens strett) u dak ta’ protezzjoni sussidjarja ( 9 ). Persuna tista’ tkun benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali jew minħabba li tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat jew inkella minħabba li tkun ingħatat l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
30. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija koerenti ma’ din id-dikjarazzjoni meta tiddikjara li “[…] id-Direttiva 2011/95 tirregola, fil-kuntest tal-kunċett ta’ ‘protezzjoni internazzjonali’, żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja” ( 10 ). |
|
31. |
F’din is-sistema, il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Rifuġjati ( 11 ) hija rilevanti biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ( 12 ). Is-sistema prevista minn din il-konvenzjoni “tapplika biss għar-refuġjati u mhux għall-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja” ( 13 ), li hija intiża, “[k]if jirriżulta mill-premessi 6 u 33 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni sussidjarja għandha l-għan li tikkompleta l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita [fl-imsemmija] Konvenzjoni” ( 14 ). |
|
32. |
Fil-kuntest ta’ din il-funzjoni komplementari ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-protezzjoni sussidjarja sustanza proprja, li ġiet introdotta fid-dritt sekondarju bid-Direttiva 2004/83/KE ( 16 ), li sussegwentement ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95 ( 17 ). |
|
33. |
Fl-aħħar, id-dritt tal-Unjoni jinkludi wkoll sistema komuni għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja lill-persuni spostati fil-każ ta’ influss bil-massa, li għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha u li għaliha ser nagħmel riferiment iktar ’il quddiem ( 18 ). L-Istati Membri jistgħu, min-naħa tagħhom, jintroduċu jew iżommu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja. |
2. Is-sistema ta’ protezzjoni temporanja tad-Direttiva 2001/55 u l-persuni spostati wara l-invażjoni tal-Ukraina
|
34. |
Fl-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2001/55 stabbilixxiet “l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom” ( 19 ). |
|
35. |
Din is-sistema tinkorpora “proċedura ta’ karattru eċċezzjonali sabiex tipprovdi, fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajiżi terzi li ma jkunux kapaċi jerġgħu lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, protezzjoni immedjata u temporanja lil dawn il-persuni” ( 20 ). |
|
36. |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/55, “[l]-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni”. |
|
37. |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 ( 21 ), il-Kunsill attiva l-protezzjoni temporanja. Għal dan il-għan:
|
|
38. |
Il-protezzjoni temporanja stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 hija attwalment fis-seħħ ( 24 ) u hija din il-protezzjoni li ġiet invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
3. Delimitazzjoni tat-tilwima
|
39. |
L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ċaħad l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti abbażi ta’ dawn l-argumenti:
|
|
40. |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk il-kriterju applikat mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-erba’ domandi preliminari tagħha jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2001/55, 2011/95 u 2013/32 (l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu ttrattati flimkien) u tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi dwar il-Barranin mad-dritt tal-Unjoni (ir-raba’ domanda). |
B. L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari
|
41. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, ladarba tingħata l-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55, id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 japplikawx għall-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
42. |
B’mod partikolari, id-domandi tal-qorti tar-rinviju huma limitati għall-Artikolu 17(1) u għall-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn japplikawx għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja. |
|
43. |
Nixtieq nindika minn qabel li, fil-fehma tiegħi, bi qbil mal-fehma tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni u tal-qorti tar-rinviju nnifisha, l-għoti ta’ protezzjoni temporanja lil persuna (skont id-Direttiva 2001/55) ma huwiex inkompatibbli mal-fatt li din il-persuna titlob l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
44. |
Fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat, id-Direttiva 2001/55 ma tħalli l-ebda lok għal dubju: skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “[i]l-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika ir-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ rifuġjat skond il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. |
|
45. |
Il-problema tqum fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/55, id-dritt tal-Unjoni kien għadu ma jinkludix il-kunċett ta’ protezzjoni sussidjarja, li, kif diġà rrilevajt, ġie introdott bid-Direttiva 2004/83 ( 26 ). |
|
46. |
Id-Direttiva 2001/55 ma ġietx adattata għal-leġiżlazzjoni l-ġdida u, fil-formulazzjoni tagħha, tillimita r-riferimenti tagħha għall-“istatus ta’ rifuġjat” u għall-“asil”:
|
|
47. |
L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2001/55, moqri b’mod iżolat, jista’ jagħti x’jifhem li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja huma awtorizzati biss li japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat (ażil), iżda mhux għal dak ta’ protezzjoni sussidjarja. Jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu persuna mill-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja minħabba li d-Direttiva 2001/55 ma ssemmihiex. |
|
48. |
Il-Gvern Svediż isostni, bl-istess mod, li r-riferiment għall-“forom oħra ta’ protezzjoni”, inkluż fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55, ma jikkonċernax il-protezzjoni sussidjarja, iżda l-każijiet li fihom l-Istati Membri jeżerċitaw il-possibbiltà li japplikaw miżuri iktar favorevoli għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja skont l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva ( 27 ). |
|
49. |
Madankollu, nemmen li din it-teżi ma hijiex korretta. |
|
50. |
Interpretazzjoni restrittiva tat-terminu “asil”, li jinsab fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2001/55, tkun tinjora kemm il-kuntest li fih din id-direttiva tapplika wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, kif ukoll l-għanijiet u l-portata tal-leġiżlazzjoni sussegwenti dwar il-“protezzjoni internazzjonali”. |
|
51. |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/55 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja għandhom id-dritt li jifformulaw u jippreżentaw, fi kwalunkwe mument, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
52. |
F’din l-evalwazzjoni naqbel mal-approċċ sostnut mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha dwar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ( 28 ) u mal-qorti tar-rinviju, li jgħid li l-espressjoni “applikazzjoni għall-asil” hija sinonima għal “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, kif iddefinita fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ( 29 ). |
|
53. |
Għalkemm id-Direttiva 2001/55 ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, il-bażi legali attwali tagħha hija, preċiżament, l-Artikolu 78 ta’ dan it-trattat, li jipprovdi li d-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat. |
|
54. |
L-Artikolu 78(2) TFUE jipprevedi status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja u sistema komuni ta’ protezzjoni temporanja għall-persuni spostati, fil-każ ta’ influss bil-massa. Is-sistema ta’ protezzjoni temporanja ma tistax tkun limitata biss għall-istatus ta’ refuġjat u tinjora l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, meta t-tnejn li huma jagħmlu parti mill-istess kunċett ta’ “protezzjoni internazzjonali”. |
|
55. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
56. |
Konsegwentement, bħala regola ġenerali, l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar l-aċċess għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjoni u, jekk ikun il-każ, japprovawha, ħlief jekk jeżistu raġunijiet ta’ esklużjoni previsti mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32 stess, li ser nindirizza iktar ’il quddiem. |
|
57. |
Dan id-dmir tal-Istati Membri jimplika, simetrikament, li r-regoli li jirregolaw il-protezzjoni internazzjonali, fl-intier tagħhom, jagħtu lill-benefiċjarji drittijiet individwali b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat. |
|
58. |
Għalkemm it-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-effett dirett tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55, inqis li l-effett dirett jista’ pjuttost jiġi dedott, b’mod konġunt, mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet u mir-regoli tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 li jikkonċernaw speċifikament id-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
1. Il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja
|
59. |
Peress li din il-premessa hija stabbilita u r-relazzjoni bejn l-istatus ta’ refuġjat u dak ta’ protezzjoni sussidjarja hija ddefinita bħala elementi kostituttivi tal-kunċett ġeneriku ta’ “protezzjoni internazzjonali”, huwa neċessarju li jiġi vverifikat kif dawn iż-żewġ status jinteraġixxu mal-protezzjoni temporanja rregolata mid-Direttiva 2001/55. |
|
60. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat din il-kwistjoni fis-sentenza Kaduna ( 32 ), li minnha jistgħu jinsiltu l-indikazzjonijiet li ġejjin:
|
|
61. |
Għalhekk, għall-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew apolidi li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55 għandhom id-dritt li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali (fiż-żewġ aspetti, status ta’ refuġjat u status ta’ protezzjoni sussidjarja). |
|
62. |
Il-punt 129 tas-sentenza Kaduna jinkludi dikjarazzjoni li, fl-assenza ta’ sfumaturi sussegwenti, donnu jissuġġetta d-dritt għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjoni li tkun intemmet il-protezzjoni temporanja. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, “[…] ladarba tintemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva […] ma jistgħux jiġu preklużi milli jeżerċitaw, b’mod effettiv, id-dritt tagħhom li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, liema eżerċizzju jikkostitwixxi stadju essenzjali fil-proċedura għall-għoti ta’ din il-protezzjoni”. |
|
63. |
Madankollu, fid-dawl tal-kuntest li minnu jifforma parti, il-punt 129 tas-sentenza Kaduna mhux talli ma jillimitax is-setgħat tal-persuni kkonċernati, iżda talli jenfasizza l-portata tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja f’kull mument, kemm matul il-protezzjoni temporanja jew wara li tali protezzjoni tkun intemmet. |
|
64. |
Jekk l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenza Kaduna hija korretta, minnha jirriżulta li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija possibbli anki meta l-persuna tkun diġà qiegħda tibbenefika mill-protezzjoni temporanja. |
|
65. |
Is-sentenza Kaduna, sa fejn irrifjutat li r-residenza fi Stat Membru tal-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja tinbidel awtomatikament f’waħda irregolari mid-data li fiha din il-protezzjoni tintemm, tikkonferma din l-interpretazzjoni. Dik is-sentenza tirrikonoxxi li “uħud minn dawn il-persuni jistgħu, b’mod partikolari, ikunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jkollhom, bħala prinċipju, dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat” ( 37 ). |
|
66. |
Fil-qosor, il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55 jistgħu, f’kull ħin, japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, fil-konnotazzjoni doppja tagħha. |
|
67. |
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/33/UE ( 38 ), li jeskludi mill-applikazzjoni tiegħu l-każijiet li fihom ikunu ġew applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/55, ma jipprekludix din ir-regola ( 39 ). Din l-esklużjoni tista’ tiġi interpretata, a contrario sensu, b’tali mod li l-assenza ta’ tali dispożizzjoni fid-Direttiva 2013/32 tagħmel din id-direttiva applikabbli fil-każijiet ta’ protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55. |
|
68. |
L-analiżi tal-oqsma materjali koperti mid-Direttiva 2001/55 u mid-Direttiva 2013/33, fir-rigward tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, tikkorrobora dak li ġie rrilevat sa issa:
|
|
69. |
Din l-istess loġika tispjega għaliex l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2001/55 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex, waqt l-eżami tal-applikazzjoni, ma jakkumulawx il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja mal-istatus ta’ applikant għall-ażil. |
2. Limitazzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali
|
70. |
L-Istati Membri huma obbligati li jagħtu l-protezzjoni internazzjonali lil dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, bla ħsara għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti mid-Direttiva 2011/95. |
|
71. |
L-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95 jelenkaw ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-għoti, rispettivament, tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. L-ebda wieħed minnhom ma jipprevedi li l-persuna tkun benefiċjarja tal-protezzjoni temporanja. |
|
72. |
Il-lista eżawrjenti ( 40 ) tar-raġunijiet għall-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tinsab fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, lanqas ma ssemmi l-fatt li l-persuna tkun benefiċjarja tal-protezzjoni temporanja ( 41 ). |
|
73. |
Madankollu, id-Direttiva 2001/55 tagħti lill-Istati Membri ċerti setgħat sabiex jillimitaw l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati. Għal dan l-għan, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt li dan il-fattur jista’ jkollu fuq is-sistema nazzjonali tal-ażil. L-Artikolu 2(a) tagħha, li jiddefinixxi l-protezzjoni temporanja, isemmi l-possibbiltà li, minħabba l-influss ta’ persuni spostati, is-sistema tal-ażil tkun f’“riskju illi din is-sistema ta’ asil ma’ tkunx kapaċi li tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-ħidma effiċjenti tagħha […]”. |
|
74. |
It-tħassib dwar l-evitar tal-kollass tas-sistemi nazzjonali tal-ażil fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ regoli dwar il-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati minħabba l-invażjoni tal-Ukraina ġie enfasizzat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u fl-estensjonijiet sussegwenti tagħha. Dan huwa rifless fil-premessa (16) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ( 42 ), fil-premessa (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ( 43 ) u fil-premessi (7) u (8) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836 ( 44 ). |
|
75. |
Għalhekk, l-Istati għandhom ċerta diskrezzjoni biex jaġġustaw ir-ritmu tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sabiex jevitaw is-saturazzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-ażil ( 45 ). |
|
76. |
Dan ir-riskju ta’ saturazzjoni jista’, fuq deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġġustifika limitazzjonijiet temporanji għad-dritt ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. F’dan il-każ, ir-rispons għandu jkun adattat għall-possibbiltajiet reali biex tiġi indirizzata sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-eżodu massiv ta’ persuni spostati. |
|
77. |
Għalhekk, id-Direttiva 2001/55 tifforma parti mis-sistema komuni ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li diġà tipprevedi l-possibbiltà li d-deċiżjoni kkonċernata tiġi sospiża meta “għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur” (il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32) ( 46 ). |
|
78. |
Madankollu, inqis li dawn il-limitazzjonijiet tranżitorji ma jistgħux iwasslu għad-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ( 47 ). Is-sistema komuni ta’ protezzjoni internazzjonali ma tippermettix regola nazzjonali li timponi l-obbligu li kull applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja tiġi, awtomatikament, iddikjarata inammissibbli. |
|
79. |
Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 48 ) jirreferi, min-naħa tiegħu, għas-sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali ( 49 ). L-Artikolu 33 tiegħu jistabbilixxi li “mekkaniżmu għal twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni ta’ kriżijiet bl-għan li jiġu implementati azzjonijiet preventivi intiżi, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun imminata minħabba riskju serju ta’ pressjoni partikolari eżerċitata fuq is-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru” ( 50 ). |
|
80. |
Madankollu, anki f’tali każijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma awtorizzax lill-Istati Membri jiddikjaraw, minn jeddhom, awtomatikament inammissibbli l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
3. Konklużjoni intermedja
|
81. |
Fil-qosor, ir-risposta li nissuġġerixxi għall-ewwel tliet domandi preliminari hija din li ġejja:
|
C. Ir-raba’ domanda preliminari
|
82. |
Fid-dawl tar-risposta li nipproponi għall-ewwel tliet domandi preliminari, il-Liġi dwar il-Barranin tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk tipprojbixxi kompletament lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja milli jitolbu l-protezzjoni sussidjarja. |
|
83. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali. Bla ħsara għall-evalwazzjoni tagħha, inqis li jista’ jkun possibbli li l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin jiġi interpretat b’tali mod li, sabiex isir konformi mad-dritt tal-Unjoni, japplika, b’analoġija, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, l-istess sistema ta’ eżami bħal dik għall-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, abbażi tal-fatt li t-tnejn li huma jikkostitwixxu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 51 ). |
|
84. |
Jekk, skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tkun impossibbli (contra legem), hija jkollha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Barranin li jirregolaw il-punti kontenzjużi f’din il-kawża. |
|
85. |
L-osservazzjonijiet tal-Gvern Svediż u tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jenfasizzaw l-għan ta’ protezzjoni tas-sistema nazzjonali tal-ażil. Huma jsostnu li, peress li l-protezzjoni temporanja hija mekkaniżmu eċċezzjonali, dan l-objettiv jiġi kompromess jekk l-Isvezja tkun obbligata teżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja matul il-perijodu ta’ protezzjoni temporanja ( 52 ). |
|
86. |
Dan l-argument jista’, jekk ikun il-każ, jintlaqa’ (jekk jintwera r-riskju ta’ kollass tas-sistema) sabiex jiġu ttardjati d-deċiżjonijiet li, wara eżami sostantiv, jagħtu risposta għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew sabiex jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, ta’ kapaċità ta’ rispons u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fil-qasam tal-ażil, iżda mhux sabiex tiġi ġġustifikata l-inammissibbiltà ta’ dawn l-applikazzjonijiet, meta dawn jinkludu l-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
87. |
Il-Gvern Svediż u l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni qegħdin jippruvaw jinvokaw, bħala ġustifikazzjoni għall-fatt li l-eżami jiġi llimitat għall-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, l-osservanza tal-obbligi internazzjonali imposti fuq l-Istat Svediż mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 53 ). |
|
88. |
Lanqas dan l-aħħar argument ma jista’ jiġi aċċettat. Ċertament, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin huwa konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mad-dritt tal-Unjoni, għaliex jippermetti li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja jitolbu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, l-Isvezja tosserva l-“obbligi internazzjonali” tagħha, iżda tikser id-dritt tal-Unjoni jekk tirrifjuta lil dawn il-benefiċjarji l-possibbiltà li japplikaw għal protezzjoni sussidjarja, mhux relatata mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda imposta mill-Artikolu 78 TFUE u mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. |
V. Konklużjoni
|
89. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi tal-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, il-Qorti tal-Immigrazzjoni) tkun kif ġej: “L-Artikoli 3, 17 u 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn, moqrija flimkien mal-Artikolu 1, mal-Artikolu 2(a), (f), (g) u (h) u mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u fid-dawl tal-Artikolu 2(b), (h), (i) u (k), kif ukoll tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55 jistgħu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali taħt iż-żewġ forom tagħha tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, skont id-Direttivi 2011/95 u 2013/32. L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2001/55, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/32, sa fejn jirrikonoxxu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi d-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandhom effett dirett. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi amministrattiva stabbilita ta’ Stat Membru li, meta persuna spostata li tibbenefika mill-protezzjoni temporanja tippreżenta applikazzjoni sabiex tikseb l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, tiċħad tali applikazzjoni mingħajr ma teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus humiex issodisfatti”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan ma jikkorrispondix għall-isem reali ta’ xi waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).
( 3 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 4 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 5 ) L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni huwa l-awtorità responsabbli kemm għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza maħruġa abbażi tal-protezzjoni temporanja, kif ukoll għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja.
( 6 ) Il-Liġi dwar il-Barranin Nru 716 tal‑2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”).
( 7 ) Waqt is-seduta, ġie mistoqsi jekk id-dritt Svediż jużax il-kunċett ta’ “inammissibbiltà” jew ta’ “ċaħda”. L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni rrikonoxxa li huwa jiċħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja ppreżentati mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja mingħajr ma jeżamina l-mertu, jiġifieri mingħajr ma jeżamina jekk jissodisfawx jew le l-kundizzjonijiet għal tali protezzjoni u status. Huwa rrikonoxxa wkoll li, fir-realtà, din id-deċiżjoni hija ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal protezzjoni sussidjarja. Dan żied jgħid li, f’każijiet bħal dan, il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw it-tieni applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, li tiġi eżaminata ladarba l-protezzjoni temporanja tkun waqfet u fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ dak il-mument.
( 8 ) Dwar in-natura ta’ dawn il-miżuri provviżorji u r-rabta tagħhom mas-sistema tad-Direttiva 2001/55, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), punti 256 u 257.
( 9 ) Il-Kummissjoni Ewropea, fil-punti 8 sa 10 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta sostniet li l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jeħtieġ l-analiżi minn qabel dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-istatus ta’ rifuġjat humiex issodisfatti. Huwa biss jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti li tkun disponibbli l-possibbiltà li jiġu eżaminati dawk ir-rekwiżiti li jikkorrispondu għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Nemmen li ma huwiex neċessarju, għal din il-kawża (li fiha l-applikazzjonijiet kienu jirrigwardaw iż-żewġ status), li jiġi ddeterminat jekk applikant, li jkun jaf li ma għandux il-possibbiltà li jaċċedi għall-istatus ta’ rifuġjat, jistax japplika direttament għall-protezzjoni sussidjarja.
( 10 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713), punt 38.
( 11 ) Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, konkluża f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u emendata bil-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967.
( 12 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127), punt 28: “[m]ill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni”.
( 13 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713), punt 42.
( 14 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713), punt 39; tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39), punt 33, u tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302), punt 31.
( 15 ) Il-kumplimentarjetà msemmija fil-premessa 33 tad-Direttiva 2011/95: “Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.
( 16 ) Id-Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Il-bażi legali għall-protezzjoni sussidjarja ma kinitx espliċita fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE). Għalkemm il-preambolu tad-Direttiva 2004/83 jirreferi għal dan it-Trattat “u partikolarment punti 1(ċ), 2(a) u 3(a) ta’ l-Artikolu 63 tiegħu”, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja tirriżulta mill-“Konklużjonijiet ta’ Tampere”, jiġifieri mil-laqgħa speċjali miżmuma mill-Kunsill Ewropew f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999.
( 17 ) Waqt it-traspożizzjoni fid-dritt Svediż tal-kunċetti ta’ “subsidiärt skyddsbehövande” (protezzjoni sussidjarja) u ta’ “status som subsidiärt skyddsbehövande” (status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja) tad-Direttiva 2004/83, intużaw il-kliem “alternativt skyddsbehövande” (protezzjoni alternattiva) u “alternativ skyddsstatusförklaring” (status ta’ protezzjoni alternattiva) rispettivament. Madankollu, meta nitkellem dwar il-Leġiżlazzjoni Svediża, ser nuża l-frażi “protezzjoni sussidjarja” fit-terminoloġija tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32.
( 18 ) Il-bażi legali għall-protezzjoni temporanja kienet spjegata fl-Artikolu 63(2)(a) tat-Trattat KE.
( 19 ) Ara, dwar l-oriġini tad-Direttiva 2001/55, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, fil-kawżi magħquda Kaduna (C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:911), punt 6.
( 20 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/55.
( 21 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 1).
( 22 ) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ġiet adottata fid-dawl tal-fatt li “[f]l‑24 ta’ Frar 2022, il-forzi armati Russi nedew invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna f’diversi postijiet mill-Federazzjoni Russa, mill-Belarussja u minn żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna” u li, “[b’]riżultat ta’ dan, żoni sostanzjali tat-territorju Ukren issa jikkostitwixxu żoni ta’ kunflitt armat li minnhom ħarbu jew qed jaħarbu eluf ta’ persuni”.
( 23 ) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 tistabbilixxi żewġ tipi ta destinatarji: a) persuni bi protezzjoni obbligatorja li tirriżulta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni nnifisha; u b) persuni li, minħabba li huma inklużi fid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, igawdu minn protezzjoni “fakultattiva”.
( 24 ) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ġiet applikata għal perijodu inizjali ta’ sena, sal‑4 ta’ Marzu 2023, u sussegwentement ġiet estiża sal‑4 ta’ Marzu 2024. Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-perijodu ta’ protezzjoni temporanja permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 tad‑19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409), sal‑4 ta’ Marzu 2025. Dan il-perijodu reġa’ ġie estiż, sal‑4 ta’ Marzu 2026, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal‑25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2024/1836). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni semmiet proposta tal‑4 ta’ Ġunju 2025, li tistieden lill-Kunsill japprova estensjoni ġdida sal‑4 ta’ Marzu 2027.
( 25 ) Kif indikajt iktar ’il fuq, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni għandu l-intenzjoni li jipposponi l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja għad-data li fiha tintemm il-protezzjoni temporanja u abbażi ta’ applikazzjonijiet ġodda. Madankollu, f’dak il-mument, il-bżonn ta’ protezzjoni jista’ ma jibqax ikollu skop wara t-tmiem tal-gwerra fl-Ukraina.
( 26 ) Skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2011/95, għall-Istati Membri marbuta biha, id-Direttiva 2004/83 tħassret b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2013.
( 27 ) Punt 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Svediż.
( 28 ) Ara l-punt 7 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji Gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja 2022/C 126 I/01 (ĠU 2022, C 126 I, p. 1).
( 29 ) Dan huwa indikat fid-digriet tar-rinviju, fil-parti dwar it-tieni domanda preliminari.
( 30 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626), punt 50: “[…] meta persuna tissodisfa r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tibbenefika minn wieħed minn dawn l-istatus, meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti rispettivament fil-Kapitoli II u III [(rifuġjat)], jew fil-Kapitoli II u V [(benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja)] tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri huma obbligati, mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti minn din id-direttiva, jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li dawn l-Istati ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward”.
( 31 ) Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448) punt 36, li tiċċita s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801) punt 47.
( 32 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna (C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038); iktar ’il quddiem is-“sentenza Kaduna”.
( 33 ) Ibidem, punt 125.
( 34 ) Ibidem, punti 126 u 127.
( 35 ) Ibidem, punt 127, moqri flimkien mal-punt 82. Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż irrikonoxxa li l-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jibbenefikaw minn livell ta’ benefiċċji (soċjali u oħrajn) ogħla minn dak tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni sostna li, anki jekk dan kien il-każ, kien jidhirlu li dan il-livell iktar baxx kien biżżejjed għal dawn tal-aħħar.
( 36 ) Ibidem, punt 128.
( 37 ) Ibidem, punt 154.
( 38 ) Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96). Skont l-Artikolu 3(3) tagħha, “[d]in m’għandhiex tapplika meta jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55 […]”. L-Artikolu 3(3) tal-predeċessur tad-Direttiva 2013/33, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), kellu l-istess sens.
( 39 ) Dispożizzjoni ċċitata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni.
( 40 ) Fir-rigward tan-natura eżawrjenti tagħha, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218), punt 30.
( 41 ) Konformement mal-punt 51 tas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti) (C‑720/20, EU:C:2022:603), “kemm min-natura eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva [2013/32] dwar il-Proċeduri kif ukoll min-natura derogatorja tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà jirriżulta li din il-lista tinkludi li […] għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta u għalhekk ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni li ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tiegħu”.
( 42 ) “L-introduzzjoni tal-protezzjoni temporanja mistennija tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Istati Membri, peress li d-drittijiet li jakkumpanjaw il-protezzjoni temporanja jillimitaw il-ħtieġa għall-persuni spostati li jfittxu immedjatament protezzjoni internazzjonali u b’hekk ir-riskju li jisbqu s-sistemi tal-ażil tagħhom”. Il-korsiv ġie miżjud minni.
( 43 ) “L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja ser tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal‑4 ta’ Marzu 2024, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data u qabel l‑4 ta’ Marzu 2025”.
( 44 ) “[I]r-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jippersistu wkoll; li jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt, il-benefiċjarji kollha ser japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin”.
( 45 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari C‑249/25 (kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jissospendu l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna li tibbenefika minn protezzjoni temporanja. Għall-kuntrarju, f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-awtoritajiet Svediżi ma ssospendewx dan l-eżami, iżda sempliċement ċaħdu, fit-termini diġà esposti, l-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Bi tweġiba għal mistoqsija li saritlu waqt is-seduta, dwar jekk is-sospensjoni tat-terminu għall-għoti ta’ deċiżjoni, iktar milli l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni, tkunx iktar konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità sussidjarja, il-Gvern Svediż wieġeb li huwa l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, bħala awtorità indipendenti, li għandu l-kompetenza sabiex japplika l-leġiżlazzjoni u li l-Gvern ma għandux il-kompetenza sabiex jevalwa kif dan l-uffiċċju japplika l-imsemmija leġiżlazzjoni.
( 46 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Zimir (C‑662/23, EU:C:2025:326) punt 32.
( 47 ) Fis-sens li għalih għamilt riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49. p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).
( 49 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586), punt 96.
( 50 ) Ibidem, punt 95.
( 51 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Kapitolu 21 tal-Liġi dwar il-Barranin jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-għoti tal-permess ta’ residenza lil benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja mal-eżami ta’ applikazzjoni għal dan l-istess permess bħala refuġjat. Skont it-tieni subparagrafu tiegħu, “[l]-eżami ta’ applikazzjoni skont l-ewwel paragrafu jista’ jiġi pospost biss meta jkun hemm raġunijiet partikolari sabiex isir dan”.
( 52 ) Punti 4, 6, 7, 8 u 10 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Svediż u punti (mhux enumerati) tal-osservazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni. Waqt is-seduta, kemm il-Gvern Svediż kif ukoll l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni semmew riskji potenzjali għas-sistema ta’ ażil tagħhom, iżda ma ppreċiżawx liema elementi oġġettivi jistgħu jipperikolaw din is-sistema b’mod li jirrendi indispensabbli ċ-ċaħda awtomatika, mingħajr eżami minn qabel, tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ppreżentati mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja.
( 53 ) Punt 13 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Svediż u punt (mhux enumerat) tal-osservazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni.