11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/151


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1882 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0027/2020),

A.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jinnota b’sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta’ akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-QĠUE”);

2.   

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward tal-infiq amministrattiv tal-QĠUE kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3.   

Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, “Amministrazzjoni”, tar-rapport annwali tal-2018 tal-Qorti tal-Awdituri għandu kamp ta’ applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, “Amministrazzjoni”, tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li hija ta’ riskju baxx;

4.   

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri għażlet kampjun ta’ 45 tranżazzjoni mill-Intestatura 5, “Amministrazzjoni”, tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta’ nfiq taħt l-Intestatura 5, li jirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri tindika li l-infiq amministrattiv huwa ta’ riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, in-numru ta’ tranżazzjonijiet magħżula b’rabta mal-“istituzzjonijiet l-oħra” bħala mhux suffiċjenti u jitlob lill-Qorti tal-Awdituri żżid l-għadd ta’ tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati tal-inqas b’10 %;

5.   

Jinnota li fl-2018, il-baġit tal-QĠUE ammonta għal EUR 410 025 089 meta mqabbel ma’ EUR 399 344 000 fl-2017, u dan ifisser żieda ta’ 2,67 % jinnota rata globali ta’ implimentazzjoni ta’ 99,18 % (meta mqabbla ma’ 98,69 % fl-2017);

6.   

Jilqa’ l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-QĠUE fil-perjodu tal-baġit tal-2018; jinnota r-rata għolja ta’ implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu 1 (persuni li jaħdmu mal-QĠUE, li jirrappreżentaw 75 % tal-baġit implimentat) u għat-Titolu 2 (bini, għamara, tagħmir u l-infiq varju għall-operat amministrattiv, li jirrappreżenta l-bqija tal-baġit implimentat) li jammonta għal 99,0 % u 99,8 % (meta mqabbla ma’ 98,6 % u 99,1 % fl-2017);

7.   

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-QĠUE biex jiġu evitati diskrepanzi sinifikanti bejn l-impenji (99,18 %) u l-pagamenti (94,04 %); jilqa’ l-fatt li l-QĠUE tissorvelja mill-qrib l-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha matul is-sena billi tistabbilixxi tabelli ta’ kull xahar sabiex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli;

8.   

Jenfasizza l-applikazzjoni tal-QĠUE tal-prinċipji ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni għas-servizzi amministrattivi kollha tagħha; jinnota l-istabbiliment ta’ objettivi speċifiċi akkumpanjati minn indikatur wieħed jew aktar li jistgħu jitkejlu, li huma essenzjali fit-tħejjija tal-baġit annwali; jirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma mas-servizzi kollha sabiex jiġi armonizzat l-approċċ baġitarju u jiġu skambjati l-aħjar prattiki;

9.   

Jiddispjaċih, madankollu, dwar iż-żieda fl-infiq ta’ 11,81 % bejn l-2017 u l-2018 fir-rigward tal-partita tal-baġit 2022 “Tindif u manutenzjoni” li tirriżulta minn kuntratt ġdid tal-manutenzjoni tal-bini u fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom ma saritx stima u li rriżultaw f’żieda f’din il-linja baġitarja matul l-2018; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tħejji estimi tal-baġit sodi;

10.   

Jilqa’ l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-approprjazzjonijiet finali għal-laqgħat u l-konferenzi żdiedet għal 98,83 % fl-2018 (meta mqabbla mal-81,40 % fl-2017); jirrikonoxxi li din il-partita tal-baġit hija parzjalment maħsuba biex tiffinanzja żjarat uffiċjali u avvenimenti ċerimonjali li għalihom ippjanar baġitarju huwa inqas prevedibbli minħabba avvenimenti mhux previsti;

11.   

Jilqa’ l-isforz tal-QĠUE biex tippubblika r-rapport tal-attività annwali tagħha fid-29 ta’ April; jinnota li l-QĠUE qed tkompli tesplora, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, il-possibbiltà li tmexxi l-kalendarju tagħha aktar ’il quddiem, biex l-awtorità ta’ kwittanza jkollha aktar ħin biex tidħol aktar fil-fond u biex twettaq il-proċedura ta’ kwittanza;

12.   

Jirrikonoxxi l-impenn tal-QĠUE li taħdem favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni proattiva tal-kawżi bi skedi ta’ żmien adatti skont in-natura u l-kumplessità tal-kawżi differenti; jirrikonoxxi l-ippjanar u l-monitoraġġ bir-reqqa tal-QĠUE biex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel tal-attività ġudizzjarja; jinnota li t-tul medju tal-proċedimenti fl-2018 fil-Qorti tal-Ġustizzja kien 15,7 xhur (meta mqabbel ma’ 16,4 xhur fl-2017) u fil-Qorti Ġenerali kien 20 xahar (meta mqabbel ma’ 20,6 xhur fl-2015 u 16-il xahar fl-2017); iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tqassar it-tul ta’ żmien tal-proċedimenti kull fejn hu possibbli;

13.   

Jirrikonoxxi li l-prijoritajiet ewlenin tal-QĠUE huma li tiżgura perjodu ta’ żmien raġonevoli għat-trattament tal-kawżi mressqa quddiem iż-żewġ Qrati filwaqt li fl-istess ħin iżżomm il-kwalità tad-deċiżjonijiet; jinnota li, minħabba sistema ta’ kontroll rigoruża u livell għoli ta’ viġilanza, kien possibbli li jinkiseb tnaqqis fid-dewmien medju tal-proċedimenti matul snin reċenti; jinnota, madankollu, li dan jitlob attenzjoni kontinwa, b’mod partikolari fil-kuntest tal-fatt li x-xogħol kulma jmur qiegħed dejjem jiżdied;

14.   

Jilqa’ s-sodisfazzjon espress minn utenti tal-applikazzjoni e-Curia (li saret obbligatorja għall-iskambju ta’ dokumenti proċedurali bejn l-avukati u l-Qorti Ġenerali sa mill-1 ta’ Diċembru 2018); jinnota li l-użu ta’ e-Curia ma sarx obbligatorju min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja; jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex issegwi l-eżempju tajjeb tal-Qorti Ġenerali u biex tikkunsidra l-introduzzjoni obbligatorja tal-applikazzjoni e-Curia; ifaħħar il-fatt li dan l-iżvilupp tejjeb kemm is-sigurtà kif ukoll ir-rapidità ta’ skambji bħal dawn, huwa aħjar għall-ambjent (naqas l-użu ta’ karti) u naqqas l-ispejjeż postali; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tikseb diġitalizzazzjoni mifruxa tal-istadji kollha tal-proċess ġudizzjarju;

15.   

Iqis il-fatt li aktar miżuri organizzattivi u proċedurali huma meħtieġa biex jippermettu lill-QĠUE tlaħħaq ma’ ammont ta’ xogħol dejjem akbar filwaqt li tibqa’ tirrispetta l-objettivi tagħha; jinnota li, fis-26 ta’ Marzu 2018, il-QĠUE, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għamlet talba biex temenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li din il-proċedura leġiżlattiva ntemmet bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

16.   

Jinnota li l-QĠUE kellha 2 217-il post tax-xogħol fl-2018, magħmula minn 1 413-il uffiċjal (jew 64 %), 650 aġent temporanju (jew 29 %) u 154 aġent kuntrattwali (jew 7 %) (meta mqabbla ma’ 2 180 kariga fl-2017);

17.   

Jindika li d-distribuzzjoni ta’ persunal skont is-settur ta’ attività għadha simili għal dik tas-snin preċedenti, b’mill-inqas 85 % tal-postijiet tax-xogħol okkupati minn membri tal-persunal li jwettqu attivitajiet legali u lingwistiċi; jinnota li r-rata ta’ okkupazzjoni tal-postijiet tax-xogħol baqgħet għolja ħafna fl-2018 (97 %) minħabba l-attività ġudizzjarja sostnuta, li tinvolvi l-mili rapidu u ottimali tal-postijiet tax-xogħol battala kollha;

18.   

Itenni li, fil-kuntest taż-żieda kontinwa fl-għadd ta’ kawżi, allokazzjoni flessibbli tar-riżorsi, b’mod partikolari ta’ assistenti legali eżistenti, tista’ żżid l-effikaċja tal-QĠUE; jistieden lill-QĠUE tirrapporta dwar il-miżuri konkreti meħuda;

19.   

Jesprimi t-tħassib tiegħu li filwaqt li ħadmu 274 trainee mal-QĠUE fl-2018, 87 biss minnhom kienu intitolati għal stipendju ta’ EUR 1 120 kull xahar; jilqa’ l-fatt li l-QĠUE adottat regoli ġodda dwar it-trainees u talbet approprjazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ tiffinanzja internship għal trainees fil-kabinetti tal-membri mill-2019 ’il quddiem; jinnota, madankollu, li sa issa, mhux it-traineeships kollha offruti se jiġu akkumpanjati b’remunerazzjoni ġusta; jagħti istruzzjonijiet (b’kunsiderazzjoni dovuta għall-prattiki ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ remunerazzjoni ġusta) lill-QĠUE biex taċċetta malajr id-deċiżjoni li tibda tħallas it-trainees kollha; jistieden lill-QĠUE tiżgura remunerazzjoni ġusta lill-persunal kollu tagħha;

20.   

Jilqa’ r-riforma tal-Qorti Ġenerali, li ċekknet l-għadd ta’ kawżi pendenti u d-dewmien medju tal-proċedimenti; jinnota li fl-2018, il-Qorti Ġenerali għalqet 13 % aktar kawżi mill-2017, u naqqset l-għadd ta’ kawżi pendenti bi 12 %;

21.   

Jilqa’ l-fatt li, b’mod ġenerali, iż-żewġ qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja għalqu 1 769 kawża fl-2018, (dan huwa rekord f’termini ta’ produttività) u li dan jikkonferma tendenza ġenerali lejn żieda qawwija fl-attività ġudizzjarja matul il-perjodu 2012-2018;

22.   

Jindika li fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod eċċezzjonali rreġistrat l-akbar għadd ta’ kawżi ġodda introdotti (total ta’ 849, jiġifieri żieda ta’ 15 % meta mqabbla mal-2017); jilqa’ l-għadd rekord ta’ kawżi magħluqa (total ta’ 760, jiġifieri żieda ta’ 10 % meta mqabbla mal-2017);

23.   

Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Qorti Ġenerali għalqet aktar minn 1 000 kawża fl-2018 (1 009); jenfasizza, barra minn hekk, it-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ kawżi pendenti, 12 % meta mqabbel mal-2017 (1 333 kawża pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2018 meta mqabbel ma’ 1 505 is-sena ta’ qabel).

24.   

Jinnota żieda kostanti fl-għadd ta’ nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali: 37,7 % fl-2018, 35 % fl-2016 u 30 % fl-2013; jinnota li hemm 27 mara fil-maniġment (21 fil-maniġment intermedju u 6 fil-maniġment ogħla) meta mqabbla ma’ 45 raġel fil-maniġment fl-2018; jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-QĠUE biex issaħħaħ il-politika tagħha dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità billi tistabbilixxi entità speċjali li tintroduċi u ssegwi programmi, miżuri u laqgħat ta’ sensibilizzazzjoni konkreti; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha;

25.   

Jinnota, madankollu, li għad hemm żbilanċ fl-għadd ta’ nisa fost l-imħallfin, kemm fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Qorti Ġenerali; iħeġġeġ għal darb’oħra lill-Membri tal-Kunsill jirrimedjaw din is-sitwazzjoni billi jippromwovu b’mod attiv il-parità bejn is-sessi fil-ħatra tal-imħallfin, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tat-TFUE u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-impenji meħuda skont ir-Regolamenti (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u (UE, Euratom) 2019/629;

26.   

Itenni li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal, b’mod partikolari fil-pożizzjonijiet maniġerjali, għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib; jinnota li 15 biss mis-57 Kap ta’ Unità tal-QĠUE, u 2 biss mit-13-il Direttur tagħha huma minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni f’Mejju 2004; jinkoraġġixxi lill-QĠUE għal darba oħra biex tiżviluppa politika biex ittejjeb il-bilanċ ġeografiku u biex tirrapporta lura għand l-awtorità ta’ kwittanza f’dan ir-rigward;

27.   

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-QĠUE li tippromwovi miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tippermetti t-telexogħol okkażjonali flimkien mal-arranġamenti strutturali tat-telexogħol; jinnota wkoll il-kisbiet fi ħdan l-IT biex jitjieb l-aċċess remot għall-applikazzjonijiet għax-xogħol; jinnota, barra minn hekk, b’sodisfazzjon l-isforzi biex tiġi protetta s-saħħa psikoloġika tal-persunal billi jiġi pprovdut l-appoġġ ta’ psikologu, li jaħdem fuq bażi part-time;

28.   

Jesprimi tħassib dwar l-għadd ta’ każijiet ta’ eżawriment fil-QĠUE (12 fl-2017 u 12 fl-2018); jitlob lill-QĠUE, għalhekk, tivvaluta jekk l-ammont tax-xogħol hux imqassam b’mod proporzjonali fost it-timijiet differenti u l-membri tal-persunal;

29.   

Jistieden lill-QĠUE tippubblika fuq bażi annwali tabella b’data dettaljata dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali tagħha rigward it-tariffi, is-servizzi u kwistjonijiet relatati; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali permezz ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz għal oqsma differenti, bħar-riżorsi umani, is-sigurtà u l-IT; jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz tal-awditjar intern biex jiżdied l-iskambju ta’ prattiki tajba ma’ istituzzjonijiet oħra u biex jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni msaħħa għat-tħejjija tal-kuntratti u l-ġestjoni tal-kuntratti, bħal fi kwistjonijiet tal-IT; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija b’rispons għall-mistoqsija tal-Parlament dwar il-kooperazzjoni tal-QĠUE mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi; iħeġġeġ lill-QĠUE tfittex modi biex iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

30.   

Josserva li l-QĠUE aġġornat l-operazzjonijiet tagħha tal-ipproċessar tad-data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); jinnota b’apprezzament li nħolqot proċedura speċifika biex tirrapporta każijiet ta’ ksur ta’ data;

31.   

Jilqa’ l-isforzi tal-QĠUE biex ittejjeb iċ-ċibersigurtà tal-istituzzjoni; jinnota li l-attivitajiet ġew ikkoordinati mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-EU) u mas-sottogrupp dwar is-sigurtà tal-Kumitat Interistituzzjonali għall-Informatika;

32.   

Jilqa’ l-awditjar intern dwar il-funzjonament xieraq tal-għażla tal-persunal u l-proċeduri ta’ reklutaġġ sabiex jiġu identifikati s-sinerġiji u s-simplifikazzjoni tal-opportunitajiet biex dawn isiru aktar effettivi; jinnota li pjan ta’ azzjoni nbeda fl-2016 u tlesta fl-2018 bl-introduzzjoni ta’ miżuri bħal manwal ġdid ta’ reklutaġġ, moduli ġodda u aġġornati għas-sistema ta’ informazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, is-simplifikazzjoni taċ-ċirkwiti amministrattivi u s-simplifikazzjoni tal-abbozzar tal-avviżi ta’ postijiet vakanti; jinnota l-miżuri meħuda biex titjieb l-attraenza tal-QĠUE u tas-sit tal-Lussemburgu f’kuntest interistituzzjonali;

33.   

Jenfasizza s-segwitu tal-awditur intern biex jevalwa jekk l-azzjoni meħuda mid-dipartimenti awditjati hijiex xierqa, effettiva u f’waqtha u biex jidentifika u jirreġistra titjib li jkun sar; jinnota b’sodisfazzjon li l-awditi kollha mwettqa ngħalqu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe eżami addizzjonali;

34.   

Jinnota l-istrateġija kontra l-frodi tal-QĠUE fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali li tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni; jinnota li din l-istrateġija hija msejsa fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament tal-Persunal, issupplimentati minn sensiela ta’ deċiżjonijiet u regoli interni; jirrikonoxxi li l-istrateġija hija parti integrali tal-politika ta’ ġestjoni tar-riskju tal-QĠUE fil-qafas tas-sistema ta’ kontroll intern;

35.   

Jirrikonoxxi s-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tal-QĠUE bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); jinnota li l-QĠUE tejbet il-prestazzjoni ambjentali tagħha fl-2018 meta mqabbla mas-sena bażi 2015 kif ġej: tnaqqis fil-konsum tal-karta ta’ 15,5 %, tnaqqis fil-konsum tal-elettriku ta’ 8,3 % u żieda ta’ 52,9 % fl-għadd ta’ vidjokonferenzi; jilqa’ diversi proġetti addizzjonali, bħat-tnaqqis fl-użu tal-plastik li jintuża darba biss, it-tnaqqis fl-għadd ta’ printers individwali u dawk parteċipanti, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni bbażati fil-Lussemburgu, fis-sistema “vel’OH” ta’ roti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

36.   

Jilqa’ l-impenn tal-QĠUE li tirrispetta bis-sħiħ l-iskeda ta’ żmien u l-baġit għall-ħidma tal-ħames estensjoni tal-bini tal-QĠUE (il-kostruzzjoni tat-tielet torri li joffri 50 000 m2 addizzjonali) li ser jagħmilha possibbli li l-persunal kollu tal-QĠUE jinġabar f’sit wieħed; jinnota x-xogħlijiet ta’ titjib tal-miżuri ta’ sigurtà u jilqa’ l-fatt li l-bini tal-QĠUE huwa mfassal biex jiżgura aċċess faċli għall-persuni b’diżabbiltà;

37.   

Jilqa’ l-fatt li se jinkiseb iffrankar ta’ madwar EUR 100 miljun matul il-perjodu ta’ deprezzament ta’ 25 sena għal dik il-ħames estensjoni, meta mqabbel mal-kontinwazzjoni ta’ politika ta’ kiri, li juri b’mod ċar il-valur tal-politika magħżula ta’ xiri tal-bini; jissottolinja l-eżitu tar-Rapport speċjali Nru 34/2018 tal-Qorti tal-Awdituri dwar uffiċini tal-istituzzjonijiet tal-UE, li fih għamlet sejbiet pożittivi ħafna rigward l-effiċjenza tal-politika tal-bini tal-QĠUE;

38.   

Jinnota b’interess li fl-2017, il-kumitat tal-persunal tal-QĠUE organizza stħarriġ dwar “spazji miftuħa” u ppreżenta s-sejbiet tiegħu lid-diretturi ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2018; jilqa’ l-inizjattiva tal-QĠUE għall-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma li jinkludi d-direttur tal-bini u s-sigurtà, il-president tal-kumitat tal-persunal u membri tal-persunal li jaħdmu fi spazji miftuħa; jinnota li, b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-grupp ta’ ħidma, id-direttorat tat-teknoloġija tal-informazzjoni kkonverta parti mill-ispazju tal-uffiċċji tiegħu f’uffiċċji individwali; jistieden lill-QĠUE tikkondividi l-għarfien tagħha minn din l-esperjenza ma’ istituzzjonijiet oħra u mal-Kummissjoni b’mod partikolari;

39.   

Jifraħ lill-QĠUE talli ġiet inkluża mill-Ombudsman Ewropew bħala waħda mit-tliet finalisti għall-Premju għall-Amministrazzjoni Tajba (fil-kategorija tal-“eċċellenza permezz tal-kollaborazzjoni”) fir-rigward tal-ħolqien tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea; jaqbel li f’termini ta’ trasparenza u kooperazzjoni, it-tnedija tal-pjattaforma sigura f’Jannar 2018 (fejn dokumenti mhux żvelati preċedentement huma disponibbli għall-qrati parteċipanti) huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba;

40.   

Jinnota t-tnedija tas-sit web tal-QĠUE mfassal mill-ġdid f’Ġunju 2018 u l-passi u x-xogħlijiet importanti li saru sabiex tissaħħaħ, tiċċara u tiġi ssimplifikata l-informazzjoni mogħtija lill-pubbliku; jilqa’ b’sodisfazzjon prodott ġdid fuq is-sit web imsejjaħ “skedi informattivi” li għandu l-għan li jippreżenta ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza ta’ referenza f’qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni fil-lingwi uffiċjali kollha; jinnota li stħarriġ reċenti wera livell għoli ħafna ta’ sodisfazzjon tal-utenti: 80 % tal-utenti jagħtu klassifikazzjoni ta’ bejn 4 u 5 minn 5;

41.   

Jilqa’ l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-QĠUE li tfittex li tressaq lill-QĠUE eqreb lejn iċ-ċittadini; jirrikonoxxi l-baġit li qed jevolvi tal-komunikazzjoni tal-QĠUE, li kien jammonta għal EUR 429 000 fl-2018 (meta mqabbel ma’ EUR 330 500 fl-2013); jinnota l-films animati qosra li huma disponibbli fi 23 lingwa uffiċjali fuq il-kanal YouTube tal-QĠUE (segwit minn 82 800 spettatur fl-2018), il-preżenza tagħha fuq Twitter b’aktar minn 74 000 persuna jsegwuha (meta mqabbel ma’ 42 000 fl-2017), l-avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni tagħha, inklużi seminars għall-ġurnalisti u l-jiem għall-pubbliku tagħha;

42.   

Iħeġġeġ lill-QĠUE xxandar is-seduti ta’ smigħ pubbliċi tagħha u tagħmel ir-recordings tagħhom aċċessibbli online; iqis li dan it-titjib fit-trasparenza jkun konformi mal-Artikolu 15 tat-TFUE u jkun ta’ benefiċċju għal dawk kollha li jaħdmu jew jistudjaw fil-qasam ġuridiku fl-Unjoni;

43.   

Jiġbed l-attenzjoni li n-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, li jinkludi l-Qrati Kostituzzjonali u Supremi tal-Istati Membri, ġie stabbilit mill-QĠUE u huwa kkoordinat minnha;

44.   

Jilqa’ l-fatt li lista tal-missjonijiet (rappreżentazzjoni tal-QĠUE f’ċerimonja jew avveniment uffiċjali) imwettqa minn membri, f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta rivedut tal-QĠUE, hija ppubblikata fuq is-sit web tal-QĠUE u fiha informazzjoni bħall-isem tal-membru parteċipanti u l-fini, il-post u l-organizzatur tal-avveniment; jistieden lill-QĠUE tippubblika wkoll l-ispejjeż relatati, bħalma jsir mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex tippubblika informazzjoni aktar dettaljata dwar l-attivitajiet esterni tal-membri, inklużi l-fini, id-data, il-post u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza tal-avvenimenti elenkati, u jekk tħallsux mill-QĠUE jew minn parti terza;

45.   

Jilqa’ l-fatt li l-membri tal-QĠUE huma suġġetti għal kodiċi ta’ kondotta li jirregola l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, l-impenn, il-kolleġjalità, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tagħhom; jinnota li l-QĠUE tqis id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri tagħha bħala mezz intern biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza; jistieden lill-QĠUE tikkunsidra li tippubblikahom, fl-interess tal-iskrutinju pubbliku;

46.   

Jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji huma neċessarjament ta’ natura awtodikjaratorja u minħabba l-qafas legali attwali, il-QĠUE m’għandha l-ebda setgħa investigattiva biex tiżgura l-veraċità u l-eżawrjenza tad-data ddikjarata; jistieden lill-QĠUE ttejjeb is-sistema f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

47.   

Itenni t-talba tiegħu lill-QĠUE biex tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri kollha tagħha fuq is-sit web tagħha; jinnota li fuq is-sit web hemm ippubblikati bijografiji qosra ta’ kull membru (madankollu dawn ma fihomx informazzjoni dwar sħubija ma’ xi organizzazzjoni oħra); jinnota li l-membri huma meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom lill-president tal-qorti tal-QĠUE li huma membri tagħha meta jieħdu l-kariga, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta l-ġdida għall-membri; jistieden lill-QĠUE tippubblika dawk id-dikjarazzjonijiet fuq is-sit web tagħha;

48.   

Jirrikonoxxi l-proċeduri interni biex jiġi verifikat, qabel ma kawża tingħata lil membru, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess, jekk dak il-membru għandux interess finanzjarju fil-kawża; jinnota li l-membri jikkuntattjaw lill-President tal-qorti tal-QĠUE li huma membri tagħha kull meta tqum kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta u li l-kumitat konsultattiv jitlaqqa’ biss f’każijiet eċċezzjonali, pereżempju meta jkun tressaq ilment kontra membru; jitlob lill-QĠUE tagħti parir lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar kemm hu sod dan il-mekkaniżmu;

49.   

Jiddispjaċih il-fatt li ma rċeviex informazzjoni dwar il-progress miksub rigward proċeduri interni dwar “bibien iduru” għall-membri anzjani tal-persunal; ifakkar lill-QĠUE dwar l-inizjattiva strateġika mwettqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2018 dwar kif għandhom jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal dwar “ċaqliq b’bibien iduru” tal-membri anzjani tal-persunal; jistieden lill-QĠUE tistabbilixxi u tippubblika regoli stretti f’dan ir-rigward mingħajr dewmien;

50.   

Jieħu nota tal-proċedura relatata mad-dikjarazzjoni ta’ qabel ir-reklutaġġ dwar in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interessi għall-membri ġodda tal-persunal; jinnota wkoll li l-proċess ta’ reklutaġġ ġie modifikat biex jiġi żgurat li dikjarazzjonijiet bħal dawn jiġu vvalutati u li, jekk ikun meħtieġ miżuri partikolari jiġu proposti lill-awtorità tal-ħatra; jinnota wkoll li l-QĠUE qed taħdem fuq regoli li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet esterni mill-persunal; jistieden lill-QĠUE tirrapporta dwar dan lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

51.   

Jirrikonoxxi l-proċeduri u r-regoli interni tal-QĠUE għall-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol, li huma ppubblikati fuq is-sit web tagħha; jilqa’ l-informazzjoni pprovduta dwar kif tinbeda proċedura formali jew informali f’każ ta’ mġiba mhux xierqa;

52.   

Jifraħ lin-network interistituzzjonali tal-counsellors (li jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li jinsabu fil-Lussemburgu u li twaqqaf sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-prevenzjoni tal-fastidju u tal-konsulenza); jilqa’ t-taħriġ intensiv mogħti lill-counsellors tal-QĠUE;

53.   

Jiddeplora l-fatt li ma ġiex infurmat mill-QĠUE dwar pjanijiet biex tissaħħaħ is-sistema ta’ kontroll relatata mal-użu ta’ karozzi uffiċjali; jenfasizza r-rekwiżit li x-xufiera għandhom biss jakkumpanjaw il-membri f’pajjiżhom f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati; iħeġġeġ lill-QĠUE biex tadotta miżuri rapidament biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom ix-xufiera jmorru fil-pajjiżi tal-membri mingħajr ma jkollhom il-membru abbord; jissottolinja r-riskji kbar - etiċi u għar-reputazzjoni tal-QĠUE - li jistgħu joħolqu dawn il-prattiki; jistieden lill-QĠUE tirrapporta lura għand l-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress miksub f’dan ir-rigward sa Ġunju 2020;

54.   

Jinnota li aktar minn 40 % tal-ammont ta’ xogħol ta’ traduzzjoni ġie esternalizzat, u li l-ispiża ta’ paġna tradotta esternalizzata fl-2018 tammonta għal EUR 103,10 (meta mqabbla ma’ EUR 111,30 fl-2017); jinnota li l-ispiża ta’ paġna tradotta internament fl-2018 ammontat għal EUR 128,07 (meta mqabbla ma’ EUR 136,70 fl-2017); jinnota li l-ispiża interna tinkludi s-sottospejjeż kollha meħtieġa, bħalma huma l-IT, l-ispazju għall-uffiċċji u elementi oħra simili; jinnota li bil-kundizzjonijiet attwali, il-QĠUE ma tqisx li żieda ulterjuri fir-rata ta’ esternalizzazzjoni hija rakkomandabbli u li, minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni trattata minn din l-istituzzjoni, parti mill-ammont tax-xogħol ta’ traduzzjoni għandha tibqa’ ssir internament; jitlob lill-QĠUE tispjega lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ir-raġunament għal dan il-ħsieb;

55.   

Jirrikonoxxi li l-membri tal-persunal mir-Renju Unit ġew infurmati li l-awtorità tal-ħatra m’għandhiex l-intenzjoni li tirrikjedi r-riżenja obbligatorja tal-uffiċjali li ma għadhomx ċittadini ta’ Stat Membru wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jinnota li, bl-istess mod, aġenti temporanji u kuntrattwali mir-Renju Unit ġew infurmati li se ssir valutazzjoni abbażi tal-interessi tas-servizz fuq bażi ta’ każ b’każ;

56.   

Jenfasizza l-ħidma kollha li nkisbet fi snin reċenti f’oqsma bħal ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bil-bosta regoli u proċeduri relatati tiegħu, attivitajiet ta’ komunikazzjoni msaħħa u n-numru dejjem jiżdied ta’ miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa’ n-numru importanti ta’ ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza ta’ kollaborazzjoni u ta’ kondiviżjoni tal-esperjenza fost istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni; jissuġġerixxi li ssir analiżi dwar il-possibbiltà ta’ attivitajiet formalizzati ta’ networking f’oqsma differenti sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).