European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/641

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Portugall

(C/2025/641)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-PORTUGALL

(5)

Fil-11 ta' Ottubru 2024, il-Portugall ippreżenta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Portugall.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024 il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lill-Portugall, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-11 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Portugall tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 3,6 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Portugall fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

Medja 2025–2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

4,1

3,6

3,4

3,3

3,6

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Portugall u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Portugall u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu (b'mod partikolari dwar l-istimi tat-tkabbir potenzjali), l-eċċezzjoni għas-salvagwardja ta' ebda posponiment ikkonċentrat fl-aħħar tal-perjodu, kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u ż-żieda tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Portugall fil-pjan tiegħu, ma sarx proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inklużi s-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(9)

Il-Kunsill Fiskali nazzjonali (“Conselho das Finanças Públicas”) ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kunsill Fiskali kkonkluda li l-projezzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku u d-deflatur tal-PDG jidhru plawżibbli iżda esprima riżervi dwar l-istimi tat-tkabbir potenzjali u tad-distakk fl-output, relatati mal-plawżibbiltà tagħhom fid-dawl tax-xenarju makroekonomiku ġenerali tal-pjan.

(10)

Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali fil-11 ta' Ottubru 2024.

Proċessi oħra relatati

(11)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, il-Portugall ippreżenta l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tiegħu għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (7).

(12)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Portugall sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (8).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(13)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)

L-attività ekonomika fil-Portugall kibret bi 2,5 % fl-2023, xprunata mid-domanda domestika u l-esportazzjonijiet tas-servizzi. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b'1,7 % fl-2024, prinċipalment bis-saħħa tal-konsum privat u pubbliku. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'1,9 %, hekk kif l-investimenti huma mistennija li jaċċelleraw. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,1 %, appoġġat aktar mill-investimenti kif ukoll mill-konsum privat u pubbliku. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri 2024–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fil-Portugall huwa mistenni li jonqos minn 2,5 % fl-2023 għal 1,9 % fl-2026, xprunat minn kontribuzzjoni tax-xogħol aktar baxxa li tirrifletti t-tnaqqis previst fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 6,5 % fl-2023 u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 6,4 % fl-2024, 6,3 % fl-2025, u 6,2 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 6,9 % fl-2023 għal 3,8 % fl-2024, u li tilħaq 2,5 % fl-2025, u 2,2 % fl-2026.

(15)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 is-surplus tal-gvern estiż tal-Portugall ammonta għal 1,2 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 0,6 % tal-PDG fl-2024 u jkompli jonqos għal 0,4 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 0,3 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Portugall għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 97,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 95,7 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jkompli jonqos għal 92,9 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 90,5 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(16)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Portugall ikopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(17)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)

Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 3,6 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025-2028) huwa ġeneralment konformi (9) mat-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos gradwalment minn 2,4 % fl-2024 għal 1,6 % sal-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 3,1 % fl-2024 għal 2,6 % fl-2025 u għal 2,0 % minn hemm 'il quddiem sal-2028.

Tabella 2: Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Portugall

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

11,8

5,0

5,1

1,2

3,3

3,6

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

11,8

17,4

23,4

24,8

28,9

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,4

2,1

2,0

1,7

1,6

1,8

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,1

2,6

2,0

2,0

2,0

2,2

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Portugall u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)

Jekk jimmaterjalizzaw il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 95,9 % fl-2024 għal 83,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju, il-proporzjon tad-dejn huwa pprojettat li jonqos b'mod kostanti skont il-pjan, għal 64,8 % sal-2038.

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi fil-bilanċ fil-pjan tal-Portugall

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

97,9

95,9

93,3

90,4

87,2

83,2

64,8

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

1,2

0,4

0,3

0,1

1,1

1,3

-1,2

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Portugall.

Għalhekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jibqa' fuq perkors 'l isfel sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn huwa projettat li jonqos matul l-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament taħt it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw li d-dejn jonqos bi probabbiltà għolja biżżejjed. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(20)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, is-surplus tal-gvern estiż jiżdied minn 0,3 % tal-PDG fl-2025 għal 1,3 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(21)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, jiġi pospost b'konċentrazzjoni fl-aħħar tal-perjodu, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont il-pjan, dan il-profil ta' aġġustament fiskali huwa xprunat mill-impatt fuq in-nefqa tal-proġetti ffinanzjati mis-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. It-tabella 4 turi l-iżviluppi fil-bilanċ primarju strutturali skont il-pjan. It-tnaqqis fl-2025 u l-2026 fis-surplus primarju strutturali, u ż-żieda fl-2027, huma prinċipalment spjegati minn dan it-tip ta' nefqa (stmata li tiżdied b'0,2 u 0,6 punti perċentwali tal-PDG fl-2025 u l-2026, rispettivament). Mingħajr ma titqies in-nefqa relatata ma' proġetti ffinanzjati mis-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-aġġustament fiskali jibqa' ġeneralment lineari matul il-perjodu ta' aġġustament (mill-2025 sal-2028). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Portugall

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

3,2

2,3

2,1

1,7

2,8

2,9

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

-0,9

-0,1

-0,5

1,1

0,1

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Portugall.

Il-konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(22)

Jekk is-suppożizzjonijiet u l-impenji tal-pjan jimmaterjalizzaw, id-defiċit strutturali jibqa' taħt il-1,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-marġni ta' reżiljenza komuni msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 ser ikompli jiġi rispettat, u għalhekk mhuwiex meħtieġ it-titjib addizzjonali fil-bilanċ primarju strutturali msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Il-konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(23)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż ser ikun ogħla minn 90 % tal-PDG fl-2025 u fl-2026 skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'mill-inqas punt perċentwali 1 bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt id-90 %, u wara dan għandu jonqos b'medja ta' 0,5 punti perċentwali. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkulat matul il-perjodu 2024-2028 u jammonta għal 3,0 punti perċentwali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(24)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Portugall fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal sitt varjabbli, jiġifieri l-pożizzjoni tal-bidu (jiġifieri l-bilanċ primarju strutturali fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali, ir-rata tal-imgħax nominali impliċita, u l-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali huwa pospost b'konċentrazzjoni fl-aħħar tal-perjodu. Valutazzjoni tad-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali huwa kemxejn ogħla, b'medja ta' 0,1 punt perċentwali matul il-perjodu ta' aġġustament (sal-2028). Wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jiġifieri mill-2028, is-serje ta' tkabbir potenzjali tikkonverġi lejn il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, din id-differenza sal-2028 tirriżulta mis-serje aġġornata tal-PDG potenzjali, imwettqa mill-Portugall u bbażata fuq il-metodoloġija maqbula b'mod komuni tal-UE. Hija meqjusa plawżibbli peress li hija spjegata mill-projezzjonijiet makroekonomiċi fuq terminu qasir tal-Portugall fil-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju, li huma kemxejn aktar favorevoli milli fil-gwida preċedenti iżda f'konformità mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, b'reviżjoni kemxejn 'l fuq tat-tkabbir tal-PDG reali għall-2022-2023 u bl-aġġornament tal-projezzjonijiet tal-popolazzjoni tal-Eurostat. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ strutturali primarju, li jiġi pospost b'konċentrazzjoni fl-aħħar tal-perjodu tal-2027 u l-2028, meta mqabbel mas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni ta' aġġustament lineari. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din id-differenza hija xprunata mill-impatt ipprojettat fuq in-nefqa tal-proġetti ffinanzjati mis-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li mistennija tiżdied għal 1,0 % tal-PDG fl-2026, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2024. Il-posponiment tal-aġġustament fiskali kkonċentrat fl-aħħar tal-perjodu huwa konformi mal-Artikolu 6(c) u mad-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

Id-differenzi li jifdal ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan li huwa ġeneralment konformi mat-trajettorja referenzjarja. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(25)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu kemm permezz ta' trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Filwaqt li l-pjan jippreżenta miżuri ta' politika fiskali li jnaqqsu d-dħul, bħall-aġġornament ippjanat tar-reġim tat-taxxa fuq l-introjtu personali taż-żgħażagħ, dawn huma mistennija li jiġu kkumpensati bit-tneħħija tal-miżuri tal-enerġija ta' emerġenza fl-2025, bħat-tneħħija tal-iffriżar tar-rata tal-karbonju taħt it-taxxa fuq il-fjuwil u l-eliminazzjoni gradwali tal-proġetti ffinanzjati mis-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2027. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn riskji marbuta ma' żidiet ta' pressjonijiet ta' nfiq fuq il-pagi pubbliċi u t-trasferimenti soċjali. Barra minn hekk, l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (10).

Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(26)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSR, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan huma bbażati fuq dokument ta' strateġija tal-gvern eżistenti (“Grandes Opções 2024-2028”). Il-pjan jippreżenta aktar minn 60 riforma u investiment, li minnhom 27 huma kklassifikati bħala appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(27)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' Pjan Strateġiku dwar l-Ilma u l-iżvilupp ta' programmi speċifiċi biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tal-ilma (CSR tal-2024 dwar l-effiċjenza fl-użu tal-ilma); miżuri dwar it-titjib tal-ġestjoni tal-iskart u l-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari (CSR 2022 u 2023 dwar l-ekonomija ċirkolari); l-investiment f'networks tal-internet mobbli b'veloċità għolja għal territorji b'densità baxxa u Strateġija Diġitali Nazzjonali (CSR 2019 dwar it-titjib tal-litteriżmu diġitali); il-kostruzzjoni ta' infrastruttura ferrovjarja (ferrovija u TGV) (CSR 2020 u 2019 dwar l-infrastruttura ferrovjarja); u t-tisħiħ tal-programmi biex jiġu appoġġati l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini, b'mod partikolari fil-bini residenzjali kif inkluż fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP; CSR 2023 u 2022 dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini). Fir-rigward ta' din il-prijorità komuni, il-Portugall jinkludi wkoll iż-żieda fl-interkonnessjonijiet tad-data bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, ir-reġistri u n-nutara, li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR 2024, 2023 u 2022 dwar l-effiċjenza tas-sistemi tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali.

(28)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi żieda fil-paga minima nazzjonali (CSR 2020 u 2019 dwar is-suq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali) u miżura li tiggarantixxi l-aċċess universali u mingħajr ħlas għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni preprimarja (CSR 2020 u 2019 dwar l-effettività u l-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali); azzjonijiet relatati mal-politiki tas-suq tax-xogħol, inklużi programmi ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kif inklużi fl-RRP (CSR 2020 u 2019 dwar il-ħiliet u l-edukazzjoni); il-ħolqien ta' linja ta' investiment għal negozji ġodda u kapital ta' riskju permezz tal-ħolqien ta' fond għal investimenti ta' ekwità ibridi (CSR 2020 dwar l-innovazzjoni); riforma dwar ir-reġimi ta' insolvenza biex jitħaffu l-ipproċessar u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji inklużi wkoll fl-RRP (CSR 2019 dwar iż-żieda fl-effiċjenza tal-proċedimenti ta' insolvenza u ta' rkupru); riforma dwar ir-rappurtar tal-kumpaniji relatat mal-obbligi ta' servizz pubbliku u kumpens mill-Istat (CSR 2019 dwar intrapriżi tal-Istat); pjan ta' investiment pluriennali għas-servizz tas-saħħa nazzjonali u pjan għall-attività fiżika u l-isport (CSR 2020 dwar il-kura tas-saħħa); u s-simplifikazzjoni tar-reġim tat-taxxa assoċjat mal-operazzjonijiet ta' ristrutturar u fużjonijiet korporattivi (CSR 2024 dwar it-titjib tal-effettività tas-sistema tat-taxxa).

(29)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riforma biex jiġi ssimplifikat il-liċenzjar ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli (Struttura tal-Missjoni għal-Liċenzjar ta' Proġetti tal-Enerġija Rinnovabbli - EMER 2030) li hija wkoll parti mill-kapitolu REPowerEU fl-RRP (CSR 2023 u 2022 dwar is-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-permessi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli); miżuri li jiżguraw ippjanar aktar integrat, koordinat u effiċjenti tan-networks tal-enerġija; u strateġija nazzjonali għall-għarfien, l-identifikazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-materja prima kritika u strateġika.

(30)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-industrija tad-difiża billi jissaħħaħ l-investiment fit-tagħmir mill-ġdid, il-materjali u l-modernizzazzjoni tal-installazzjonijiet militari; u r-reviżjoni tal-proċeduri għal akkwist pubbliku speċifiku fl-oqsma tad-difiża.

(31)

Il-pjan jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tal-Portugall. Il-Portugall jinkludi rabtiet bejn ir-riformi u l-investimenti fi ħdan l-isfidi strateġiċi nazzjonali, l-RRP u l-ftehim ta' sħubija, inkluż, fejn xieraq, ir-rabta bejn il-programmi rilevanti tal-politika ta' koeżjoni, il-miżuri tal-RRP u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(32)

Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Portugall relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Għall-prijorità komuni dwar tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-Portugall jidentifika l-ħtieġa għal pjan ta' network tal-infrastruttura interkonness biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, miżuri għar-restawr u l-konservazzjoni tan-natura, il-ħtieġa għal patt nazzjonali għall-foresti u aktar miżuri ta' reżiljenza fiż-żoni kostali biex jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima, u l-ħtieġa li jsir investiment fid-diġitalizzazzjoni u fl-innovazzjoni teknoloġika. Għall-prijorità komuni dwar ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-Portugall jidentifika l-ħtieġa għal aktar miżuri ta' appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza domestika u t-traffikar tal-bnedmin. Għas-sigurtà tal-enerġija, il-Portugall jidentifika l-ħtieġa għal sforzi kontinwi għad-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija u għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u għall-ġestjoni aħjar tar-riżorsi ġeoloġiċi u tal-materja prima kritika. Fl-aħħar nett, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-Portugall jidentifika diskrepanzi fil-finanzjament u fl-investiment fil-militar u l-ħtieġa li tittejjeb l-attraenza tal-karrieri militari.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(33)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Portugall jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(34)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Portugall u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(35)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(36)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jieħu nota li, skont il-pjan, bl-esklużjoni tan-nefqa relatata ma' proġetti ffinanzjati minn self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-isforz ta' aġġustament strutturali sottostanti matul il-perjodu tal-Pjan huwa lineari. Il-Kunsill jilqa' li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(37)

Il-Kunsill jistenna li l-Portugall ikun lest jaġġusta l-istrateġija fiskali tiegħu kif meħtieġ biex jiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tiegħu. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(38)

Il-Kunsill iqis li għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali huma meħtieġa aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għas-sorveljanza annwali.

(39)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(40)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Portugall li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(41)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Portugall.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall:

1.

Jiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#portugal.

(7)  Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Portugall, 26.11.2024, C(2024) 9063 final.

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Portugall.

(9)  Id-differenza mhix viżibbli minħabba l-ittondjar.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Portugall, 26.11.2024, C(2024) 9063 final.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Il-Portugall

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

5,0

5,1

1,2

3,3

Kumulattiv (*1)

17,4

23,4

24,8

28,9


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/641/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)