|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6985 |
18.11.2024 |
Il-miżuri adottati minn Franza f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u msemmija fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni C(2024)4423 final tal-24 ta’ Ġunju 2024
(C/2024/6985)
Digriet Nru 2004–1392 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li japplika l-Artikolu 20–2 tal-Liġi Nru 86–1067 tat-30 ta’ Settembru 1986 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni.
L-aħħar aġġornament tad-data ta’ dan it-test: is-7 ta’ Lulju 2024
NOR: MCCT0400912D
Verżjoni fis-seħħ fit-18 ta’ Settembru 2024
Il-Prim Ministru,
Wara li kkonsulta r-rapport tal-Ministru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/522/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, minn regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997, u b’mod partikulari l-Artikolu 3a tagħha;
Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali, miftuħa għall-iffirmar fil-5 ta’ Mejju 1989, kif emendata bil-Protokoll adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fid-9 ta’ Settembru 1998, miftuħ biex jiġi aċċettat mill-Partijiet tal-Konvenzjoni fl-1 ta’ Ottubru 1998, u b’mod partikolari Artikolu 9(a) tiegħu, flimkien mal-Liġi Nru 94–542 tat-28 ta’ Ġunju 1994 u l-Liġi Nru 2001–1210 tal-20 ta’ Diċembru 2001, li jawtorizzaw l-approvazzjoni tagħha, u d-Digrieti Nru 95–438 tal-14 ta’ April 1995 u Nru 2002–739 tat-30 April 2002, li ppubblikawha;
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea iffirmat f’Porto fit-2 ta’ Mejju 1992 u l-Protokoll li jaġġusta dan il-ftehim iffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Marzu 1993, b’mod partikolari l-Anness X tiegħu, flimkien mal-Liġi Nru 93–1274 tat-2 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza r-ratifika tiegħu, u d-Digriet Nru 94–43 tal-1 ta’ Frar 1994, li ppubblikah;
Wara li kkunsidra l-Liġi Nru 86–1067 tat-30 ta’ Settembru 1986, kif emendata, dwar il-libertà tal-komunikazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 20–2 tagħha;
Wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta’ April 2004 mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-abbozz tal-miżuri mgħoddija minn Franza għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE;
Wara li kkonsulta lill-Kunsill tal-Istat (Sezzjoni tal-Intern),
Artikolu 1
Dan id-Digriet jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni għandhom jiggarantixxu x-xandir esklużiv tal-avvenimenti ta’ importanza kbira, sabiex parti sostanzjali mill-pubbliku ma tiċċaħħadx mill-possibbiltà li ssegwihom fuq servizz tat-televiżjoni bla ħlas.
TITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAX-XANDIR TAL-AVVENIMENTI TA’ IMPORTANZA KBIRA FIT-TERRITORJU FRANĊIŻ (Artikoli 2 sa 5)
Artikolu 2
Għall-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
a) |
“Editur tas-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas”: kull editur ta’ servizz tat-televiżjoni li ma jiġix iffinanzjat permezz ta’ ħlas mill-utenti tiegħu u li jistgħu tabilħaqq jinqabdu minn tal-anqas 85 % tad-djar fi Franza metropolitana; |
|
b) |
“Editur tas-servizzi tat-televiżjoni ristretti”: kull editur ta’ servizz tat-televiżjoni li ma jissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafu ta’ qabel. |
Artikolu 3
Emendat bid-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 — Art. 1
Il-lista tal-avvenimenti prevista fl-Artikolu 20–2 tal-Liġi tat-30 ta’ Settembru 1986 msemmija hawn fuq hija stabbilita kif ġej:
|
1. |
Il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa; |
|
2. |
Il-Logħob tat-tim tal-futbol Franċiż stabbilit fil-kalendarju tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA, Fédération Internationale de Football Association); |
|
3. |
Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol; |
|
4. |
Is-semifinali u l-finali tal-Kampjonat tal-Ewropa tal-futbol; |
|
5. |
Il-finali tal-Europa League tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA, Union of European Football Associations) meta jkun qed jilgħab klabb involut f’wieħed mill-Kampjonati Franċiżi; |
|
6. |
Il-finali taċ-Champions League tal-futbol; |
|
7. |
Il-finali tat-Tazza Franċiża tal-futbol; |
|
8. |
It-Turnew tar-Rugby tas-Sitt Nazzjonijiet; |
|
9. |
Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby–15; |
|
10. |
Il-finali tal-Kampjonat Franċiż tar-Rugby–15; |
|
11. |
Il-finali tat-Tazza Ewropea tar-Rugby–15, meta jkun qed jilgħab klabb involut f’wieħed mill-Kampjonati Franċiżi; |
|
12. |
Il-finali tat-turnew tat-tennis ta’ Roland Garros tal-irġiel u tan-nisa singoli; |
|
13° |
Il-finali tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tan-nazzjonijiet organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż tat-tennis; |
|
14. |
Il-Grand Prix tal-Formula 1 ta’ Franza; |
|
15. |
It-Tour de France (ċikliżmu tal-irġiel); |
|
16. |
Il-kompetizzjoni taċ-ċirkliżmu “Paris-Roubaix”; |
|
17. |
Il-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-Basketball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
18. |
Il-finali tal-Kampjonati Dinjin tal-Basketball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
19. |
Il-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-Handball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
20. |
Il-finali tal-Kampjonati Dinjin tal-Handball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
21. |
Il-kampjonati dinjin tal-atletika. |
Artikolu 3–1
Maħluq bid-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 — Art. 2
Il-lista stabbilita fl-Artikolu ta’ qabel tlestiet kif ġej:
|
1. |
Il-Logħob Paraolimpiku tas-sajf u tax-xitwa; |
|
2. |
Il-Logħob tat-tim Nazzjonali Franċiż tal-futbol tan-nisa stabbilit fil-kalendarju tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA, Fédération Internationale de Football Association); |
|
3. |
Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol tan-nisa; |
|
4. |
Is-semifinali u l-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-futbol tan-nisa; |
|
5. |
Il-finali taċ-Champions League tal-futbol tan-nisa; |
|
6. |
Il-finali tal-Lega tal-Konferenza Ewropea tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA, Union of European Football Associations) meta jkun qed jilgħab klabb involut f’wieħed mill-Kampjonati Franċiżi; |
|
7. |
Il-finali tat-Tazza Franċiża tal-futbol tan-nisa; |
|
8. |
Il-logħbiet tat-timijiet Franċiżi tar-Rugby-15 tan-nisa u tal-irġiel, fil-kalendarju Dinji tar-Rugby; |
|
9° |
Il-logħbiet tat-tim Franċiż tat-turnew tar-Rugby tan-Nisa tas-Sitt Nazzjonijiet; |
|
10. |
Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby-15 tan-nisa; |
|
11. |
Il-finali tal-Kampjonat Franċiż tar-Rugby–15 tan-nisa; |
|
12° |
Is-semifinali tat-turnew tat-tennis ta’ Roland-Garros tal-irġiel u tan-nisa singoli fil-każ ta’ parteċipazzjoni minn plejer Franċiż; |
|
13 |
° Il-finali tat-turnew tat-tennis tal-Gran Slam tal-irġiel u tan-nisa singoli għajr ir-Roland-Garros fil-każ ta’ parteċipazzjoni minn plejer Franċiż; |
|
14. |
It-Tour de France (ċikliżmu tan-nisa); |
|
15. |
Il-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu “Paris-Roubaix” tan-nisa; |
|
16. |
Is-semifinali tal-Kampjonat Ewropew tal-Basketball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
17. |
Is-semifinali tal-Kampjonati Dinjin tal-Basketball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
18. |
Is-semifinali tal-Kampjonati Ewropej tal-Handball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
19. |
Is-semifinali tal-Kampjonati Dinjin tal-Handball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
20. |
Il-finali u s-semifinali tal-Kampjonat Ewropew tal-Volleyball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
21. |
Il-finali u s-semifinali tal-Kampjonati Dinjin tal-Volleyball tal-irġiel u tan-nisa, meta jkun qed jilgħab it-tim Franċiż; |
|
22. |
Il-Kampjonati Dinjin tal-iski Alpin meta l-kompetizzjoni ssir fi Franza. |
Artikolu 4
Emendat bid-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 — Art. 3
Meta editur tas-servizzi tat-televiżjoni, fit-territorju Franċiż, jeżerċita d-drittijiet esklużivi miksuba wara t-23 ta’ Awwissu 1997 sabiex ixandar avvenimenti ta’ importanza kbira msemmija fl-Artikolu 3, jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 fuq wieħed minn dawn imsemmija fl-Artikolu 3–1, l-editur ma jistax iwaqqaf lill-editur tas-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas milli jxandar dan l-avveniment. L-avveniment għandu jintwera b’mod dirett u bis-sħiħ, għajr f’dawn il-każijiet:
|
1. |
Ix-xandir tal-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 3(15) u fl-Artikolu 3–1(14) jista’ jiġi limitat għall-mumenti sinifikanti, f’konformità mal-użanza tax-xandir ta’ dan l-avveniment; |
|
2. |
Ix-xandir tal-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) u (21) u fl-Artikolu 3–1(1) jistgħu jiġi limitati għall-mumenti li jirriflettu d-diversità tad-dixxiplini sportivi u tal-pajjiżi li jieħdu sehem u jistgħu jinkludu materjal irrekordjat meta l-avvenimenti jseħħu fl-istess waqt; |
|
3. |
Ix-xandir tal-avvenimenti ta’ importanza kbira jistgħu jixxandru wkoll b’mod irrekordjat meta l-avveniment iseħħ bejn nofsillejl u s-sitta ta’ filgħodu, ħin Franċiż, dment li x-xandir fi Franza jibda qabel l-10 ta’ filgħodu; |
Servizz tat-televiżjoni bla ħlas ma jqisx li l-fatt li l-editur tas-servizzi tat-televiżjoni b’aċċess ristrett, li jeħtieġ jitħallas mill-utenti tiegħu u li l-programmi tiegħu jistgħu jitwasslu/jixxandru skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) ta’ dan id-Digriet, ixandar dan l-avveniment ta’ importanza kbira b’mod dirett u sħiħ, suġġett għad-dispożizzjonijiet preċedenti u mingħajr ma jitqegħdulu kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess, jikkostitwixxi ostaklu għax-xandir ta’ dak l-avveniment ta’ importanza kbira.
Artikolu 5
Sabiex l-editur tas-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas jitħalla jxandar avveniment ta’ importanza kbira bil-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 4, editur tas-servizzi tat-televiżjoni bi drittijiet esklużivi ta’ xandir għal parti jew għall-avveniment ta’ importanza kbira kollu u li ma jistax iħares il-kundizzjonijiet, irid ifassal, fi żmien raġonevoli qabel l-avveniment u skont l-arranġamenti tar-riklamar li permezz tagħhom l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas jirċievu l-informazzjoni, il-proposta fejn iċedi d-drittijiet li jxandar dan l-avveniment bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4. Din l-offerta għandha ssir bit-termini u l-kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji tas-suq.
Jekk, bħala tweġiba għal din l-offerta, ma jkun hemm l-ebda proposta minn editur tas-servizzi tat-televiżjoni jew jekk il-proposta ma tkunx imfassla skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji tas-suq, l-editur tas-servizzi tat-televiżjoni li jkollu d-drittijiet esklużivi jista’ jeżerċita dawk id-drittijiet mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.
TITOLU II DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAX-XANDIR TA’ AVVENIMENTI TA’ IMPORTANZA KBIRA F’PAJJIŻI EWROPEJ OĦRAJN. (Artikoli 6 sa 8)
Artikolu 6
Emendat bid-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 — Art. 4
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu japplikaw għall-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni Franċiża u li jxandru, lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, parti mill-ftehim taż-żona Ekonomika Ewropea jew parti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali, avveniment indikat minn dak l-Istat bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan il-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) u li jkunu kisbu d-drittijiet tax-xandir ta’ dan l-avveniment wara t-23 ta’ Awwissu 1997.
Artikolu 7
Emendat bid-Digriet Nru 2024–699 tal-5 ta’ Lulju 2024 — Art. 5
L-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni Franċiża għandhom jeżerċitaw, fi Stat imsemmi fl-Artikolu 6, id-drittijiet tagħhom li jxandru l-avvenimenti ta’ importanza kbira, kif definiti minn dak l-Istat, b’tali mod li ma jċaħħdux lil parti sostanzjali tal-pubbliku mill-opportunità li jaraw dawn l-avvenimenti kemm b’mod dirett kif ukoll irrekordjat, permezz ta’ servizz tat-televiżjoni bla ħlas skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-10 ta’ Marzu 2010 imsemmija hawn fuq.
Artikolu 8
Meta editur tas-servizzi tat-televiżjoni li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni Franċiża ixandar avveniment ta’ importanza kbira f’wieħed mill-Istati msemmija fl-Artikolu 6, irid jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija minn dak l-Istat dwar ix-xandir tal-avveniment mill-editur tas-servizzi tat-televiżjoni.
TITOLU III DISPOŻIZZJONIJIET FINALI. (Artikoli 9 sa 10)
Artikolu 9
Emendat bid-Digriet Nru 2022–779 tat-2 ta’ Mejju 2022 — Art. 28
Meta mitlub minn editur tas-servizzi tat-televiżjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali tista’ tagħti opinjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet.
Artikolu 10
Id-Digriet sussegwenti tal-Kunsill tal-Istat għandu jistabbilixxi l-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira u l-kundizzjonijiet tax-xandir televiżiv tagħhom għad-dipartimenti ekstra-Ewropej ta’ Saint Pierre u Miquelon, Mayotte, New Caledonia, il-Polineżja Franċiża u l-gżejjer Wallis u Futuna, filwaqt li jqis l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet u l-karatteristiċi individwali tax-xandir televiżiv ekstra-Ewropew.
Artikolu 11
Il-Ministru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni u l-Ministru għat-Territorji ekstra-Ewropej huma responsabbli, kull wieħed skont il-mandat tiegħu, għat-twettiq ta’ dan id-Digriet, li għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża.
Mill-Prim Ministru:
Jean-Pierre Raffarin
Il-Ministru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni
Renaud Donnedieu de Vabres
Il-Ministru għat-Territorji Barranin
Brigitte Girardin
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6985/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)