European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2512

9.12.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2512

tal-5 ta’ Diċembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 fir-rigward tal-użu ta’ rimborż bikri ta’ self back-to-back taħt programmi ta’ assistenza finanzjarja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 224(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 (2) tistabbilixxi [arranġamenti ta’ governanza] qafas ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ta’ ġestjoni tad-dejn, ta’ ġestjoni tal-likwidità u ta’ għoti b’self imwettqa fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-konformità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 huma applikabbli wkoll għall-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa skont il-metodu back-to-back.

(2)

Il-benefiċjarji ta’ self ipprovdut skont il-metodu back-to-back esprimew l-interess tagħhom f’rimborż bikri ta’ self li rċevew. Tali rimborżi bikrija jistgħu jipprovdu wkoll sors ta’ finanzjament addizzjonali li l-Kummissjoni tista’ tintegra fil-finanzjament taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jitħalla juża ammonti rimborżati kmieni ta’ self back-to-back, minflok operazzjonijiet ta’ teħid b’self jew ta’ ġestjoni tad-dejn, biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament mistennija skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

(3)

Għaldaqstant, wara li jkun ġie konkluż rimborż bikri ta’ self, id-dejn pendenti korrispondenti minn operazzjoni ta’ teħid b’self imwettqa skont il-metodu back-to-back jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jirriżulta minn operazzjoni ta’ teħid b’self skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tiġi emendata skont dan.

(5)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti talbiet għal rimborż bikri tas-self back-to-back u biex tkun tista’ taċċessa ammonti rimborżati kmieni bħala sors ta’ finanzjament mingħajr dewmien żejjed, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825 jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Ammonti ta’ self rimborżati kmieni konklużi skont il-metodu back-to-back jistgħu jintużaw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament mistennija minflok operazzjonijiet ta’ teħid b’self jew ta’ ġestjoni tad-dejn. Id-dejn pendenti korrispondenti minn operazzjoni ta’ teħid b’self imwettqa skont il-metodu back-to-back wara rimborż bikri jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jirriżulta minn operazzjoni ta’ teħid b’self kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1).”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L, 2023/2825, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2825/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2512/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)