SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 168 – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Akkwist ta’ servizzi amministrattivi pprovduti fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis”

Fil-Kawża C‑527/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Prahova (il-Qorti tal-Kontea ta’ Prahova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

Weatherford Atlas Gip SA

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Weatherford Atlas Gip SA, minn D.-D. Dascălu u A. M. Iordache, avocaţi,

–

għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60., iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Weatherford Atlas Gip SA u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Ġenerali għall-Ipproċessar tal-Ilmenti, ir-Rumanija), kif ukoll l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtorità tat-taxxa”), dwar ir-rifjut, minn din l-awtorità, tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa għall-akkwist ta’ servizzi amministrattivi pprovduti fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huma suġġetti għall-VAT.

4

Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, “persuna taxxabbli” għandha tfisser li hija kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

5

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa biex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

6

L-Artikolu 168 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

(b)

il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;

(ċ)

il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);

(d)

il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skond l-Artikoli 21 u 22;

(e)

taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

7

Weatherford Atlas Gip tagħmel parti mill-grupp ta’ kumpanniji Weatherford, speċjalizzat fil-qasam tas-servizzi taż-żejt.

8

Fis‑6 ta’ Ġunju 2016, Weatherford Atlas Gip ħadet f’idejha, b’fużjoni permezz ta’ akkwist, kumpannija Rumena Foserco SA, inklużi d-drittijiet u l-obbligi tagħha. L-attività ta’ Foserco kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi anċillari għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali.

9

Fl‑2015 u fl‑2016, Foserco kienet ipprovdiet servizzi ta’ tħaffir fir-Rumanija lil żewġ klijenti, jiġifieri OMV Petrom u Petrofarc. Sabiex tipprovdi dawn is-servizzi, Foserco kienet akkwistat, mingħand kumpanniji tal-grupp Weatherford, servizzi amministrattivi ġenerali, bħal, b’mod partikolari, servizzi relatati mal-informatika, riżorsi umani, marketing, kontabbiltà u konsulenza. Dawn is-servizzi amministrattivi ġenerali kienu pprovduti minn entitajiet stabbiliti barra mir-Rumanija u kien sar użu mill-mekkaniżmu tar-reverse charge sabiex tiġi kkalkolata l-VAT fuq l-imsemmija servizzi. Kumpanniji oħra ta’ dan il-grupp kienu jibbenefikaw ukoll minn l-istess servizzi.

10

Wara din il-fużjoni, l-awtorità tat-taxxa ordnat, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2019, verifika ġdida tal-obbligi ta’ Weatherford Atlas Gip rigward it-taxxa fuq il-kumpanniji u l-VAT għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2015. Għaldaqstant, din il-verifika kienet tirrigwarda wkoll l-obbligi ta’ Foserco, meħuda f’idejn Weatherford Atlas Gip.

11

Wara din il-verifika, l-awtorità tat-taxxa ħarġet avviż ta’ taxxa u rapport ta’ verifika fiskali li permezz tagħhom hija rrifjutat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input li Foserco kienet ħallset għas-servizzi amministrattivi akkwistati, fl-ammont ta’ 1774419 leu Rumen (RON) (madwar EUR 356540), minħabba, minn naħa, li ebda att jew dokument ma kien ġie prodott sabiex tintwera r-rabta bejn is-servizzi akkwistati u l-attività tal-persuna taxxabbli li saritilha l-verifika, u, min-naħa l-oħra, li d-dokumenti prodotti allegatament la kienu juru n-natura tas-servizzi pprovduti, la l-identità tal-persuni li pprovdew dawn is-servizzi, la l-perijodu li matulu ġew ipprovduti, u lanqas in-neċessità tal-imsemmija servizzi għal Foserco.

12

Weatherford Atlas Gip ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ taxxa u dan ir-rapport ta’ verifika fiskali. Peress li l-imsemmi lment ġie miċħud mill-awtorità tat-taxxa permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2020, Weatherford Atlas Gip ippreżentat rikors għal annullament quddiem it-Tribunalul Prahova (il-Qorti tal-Kontea ta’ Prahova, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest tal-istruttorja dwar dan ir-rikors, l-awtorità tat-taxxa ppreċiżat li l-eżistenza tas-servizzi akkwistati ma kinitx ikkontestata, iżda li Weatherford Atlas Gip ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn is-servizzi u t-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Skont din l-awtorità, jidher li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita tali rabta, peress li l-imsemmija servizzi ġew ipprovduti lil diversi kumpanniji tal-grupp Weatherford u għalhekk kienu ta’ benefiċċju għal membri oħra ta’ dan il-grupp jew għall-imsemmi grupp bħala tali. Għalkemm l-ispejjeż ta’ dawn l-istess servizzi tqassmu bejn l-imsemmija kumpanniji, l-imsemmija awtorità ssostni madankollu li dawn ma kellhomx jiġu ffatturati lil Weatherford Atlas Gip, għaliex ma kinux neċessarji għaliha.

13

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-istess awtorità ma tiċħadx li s-servizzi amministrattivi inkwistjoni ġew effettivament ipprovduti u ma tinvoka ebda frodi fiskali, iżda li hija tirrifjuta li tirrikonoxxi d-dritt għal tnaqqis, minħabba l-assenza ta’ prova li l-akkwist ta’ dawn is-servizzi għall-persuna taxxabbli kien neċessarju. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, dwar jekk, skont id-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jistax jiġi rrifjutat abbażi ta’ evalwazzjoni suġġettiva tal-awtorità tat-taxxa, dwar in-neċessità u l-opportunità tal-akkwist ta’ tali servizzi, meta jiġi stabbilit li l-ispejjeż relatati magħhom jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din il-persuna taxxabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Investrand (C‑435/05, EU:C:2007:87, punt 24).

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Prahova (il-Qorti tal-Kontea ta’ Prahova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 168 tad-[Direttiva dwar il-VAT], ikkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li l-awtorità fiskali tiċħad id-dritt lil persuna taxxabbli li tnaqqas [il-VAT] imħallsa fir-rigward ta’ servizzi amministrattivi akkwistati, f’sitwazzjoni fejn jiġi stabbilit li l-ispejjeż kollha rreġistrati għas-servizzi akkwistati kienu inklużi fl-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli, li twettaq biss tranżazzjonijiet taxxabbli, fejn il-provvista tas-servizzi tkun ikkonfermata espressament mill-awtorità fiskali, u fejn it-trattament fiskali applikat ikun dak tal-mekkaniżmu tar-reverse charge (li jeskludi ħsara lill-baġit tal-Istat)?

2)

Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 168 tad-[Direttiva dwar il-VAT], f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, is-servizzi ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni (jiġifieri s-servizzi ta’ assistenza u ta’ konsulenza f’diversi oqsma, ta’ konsulenza finanzjarja u legali) ipprovduti bejn kumpanniji fl-istess grupp għall-benefiċċju ta’ diversi membri tiegħu, jistgħu jitqiesu minn kull membru individwali bħala li qed jintużaw parzjalment għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, jiġifieri bħala li huma akkwistati rispettivament għall-bżonnijiet tagħhom stess?

3)

Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva dwar il-VAT], f’sitwazzjoni fejn ikun stabbilit li s-servizzi fl-istess grupp ma jiġux ipprovduti għall-benefiċċju ta’ wieħed mill-membri tal-grupp, tista’ titqies bħala persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali kumpanija li tkun parti mill-grupp iżda li tkun ikkunsidrata bħala li ma bbenefikatx minn dawn is-servizzi?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

15

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input, imħallsa minn persuna taxxabbli waqt l-akkwist ta’ servizzi minn persuni taxxabbli oħra li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, minħabba li dawn is-servizzi jidher li kienu ġew ipprovduti simultanjament lil kumpanniji oħra ta’ dan il-grupp u li l-akkwist tagħhom ma kienx neċessarju jew opportun.

Fuq l‑ammissibbiltà

16

Il-Gvern Rumen iqajjem l-inammissibbiltà tal-imsemmija domandi, minħabba li l-ewwel waħda hija bbażata fuq premessa fattwali mhux issostanzjata u għandha, f’dan ir-rigward, natura ipotetika, u li t-tieni waħda hija, min-naħa tagħha, ibbażata fuq espożizzjoni fattwali li ma tippermettix li tinftiehem ir-raġuni li wasslet lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-ewwel domanda, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tal-premessa fattwali li fuqha hija bbażata din id-domanda u, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija domanda ma tidhirx li hija manifestament ipotetika, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda ma tistax tiġi kkontestata.

19

Għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-kawża prinċipali tippermetti li tinftiehem ir-raġuni li wasslet lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li din l-espożizzjoni tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà tagħha lanqas ma tista’ tiġi kkontestata.

20

Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu, mill-VAT li huma għandhom iħallsu, il-VAT dovuta jew imħallsa għall-oġġetti akkwistati u għas-servizzi rċevuti minnhom bħala inputs jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT. Id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel għalhekk parti integrali mill-mekkaniżmu tal‑VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat immedjatament fir-rigward tal-VAT kollha imposta fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa. Is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża, fil-fatt, li teħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Feudi di San Gregorio Aziende Agricole, C‑341/22, EU:C:2024:210, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għaldaqstant, is-sistema komuni tal-VAT tiżgura n-newtralità perfetta tal-oneru fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għan jew mir-riżultat tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ikunu fihom innifishom, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT. Sa fejn il-persuna taxxabbli, li taġixxi bħala tali fil-mument meta takkwista oġġett jew tikseb servizz, tuża dan l-oġġett jew dan is-servizz għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha, din tkun awtorizzata tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għall-imsemmi oġġett jew għall-imsemmi servizz (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2024, Feudi di San Gregorio Aziende Agricole, C‑341/22, EU:C:2024:210, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jippreżupponi l-eżistenza ta’ tranżazzjoni tal-input, li hija stess tkun suġġetta għall-VAT. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, u għalhekk hija suġġetta għal din it-taxxa, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz indentifikabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C‑90/20, EU:C:2022:37, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fil-każ ineżami, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fl-ewwel lok, li l-akkwisti ta’ servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti. Għal dan l-għan, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk teżistix rabta diretta bejn dawn is-servizzi u l-korrispettiv imħallas minn Foserco.

25

Barra minn hekk, mill-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li, sabiex tibbenefika mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, hemm bżonn, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi għal dan id-dritt għal tnaqqis jintużaw mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli tagħha u li, bħala inputs, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi jiġu kkunsinnati minn persuna taxxabbli oħra. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 33, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2024, Feudi di San Gregorio Aziende Agricole, C‑341/22, EU:C:2024:210, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-każ ineżami, hija għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fit-tieni lok, li Foserco u l-kumpanniji li pprovdew is-servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma persuni taxxabbli, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, u li l-imsemmija servizzi ntużaw minn Foserco għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tal-output intaxxati tagħha stess.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-grupp ta’ kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li huwa kompost minn persuni taxxabbli distinti, u li ma jidhirx li jikkostitwixxi persuna taxxabbli waħda, jiġifieri grupp tal-VAT, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Weatherford Atlas Gip, jirriżulta li s-servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ipprovduti lil Foserco, li kienet kumpannija Rumena, minn kumpanniji stabbiliti barra mir-Rumanija. Madankollu, grupp tal-VAT huwa neċessarjament limitat għat-territorju tal-istess Stat Membru wieħed, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 11 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, Danske Bank, C‑812/19, EU:C:2021:196, punt 24).

28

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, huwa neċessarju li jkun hemm rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu d-dritt għal tnaqqis. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuq l-akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tal-input jippreżupponi li l-ispejjeż sostnuti għall-akkwist tagħhom huma parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output intaxxati li jagħtu dritt għal tnaqqis (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji), C‑696/22, EU:C:2024:499, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Madankollu dritt għal tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew diversi tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tal-oġġetti u tas-servizzi inkwistjoni jkunu jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Voestalpine Giesserei Linz, C‑475/23, EU:C:2024:866, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżistenza ta’ rabtiet bejn tranżazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kontenut oġġettiv tagħhom. B’mod iktar partikolari, huma l-awtoritajiet tat-taxxa u l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom seħħew it-tranżazzjonijiet ikkonċernati u li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni biss it-tranżazzjonijiet li huma oġġettivament marbuta mal-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu effettiv tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati, bħala inputs, mill-persuna taxxabbli u r-raġuni esklużiva ta’ dan l-akkwist, peress li dan tal-aħħar għandu jitqies li jikkostitwixxi kriterju għad-determinazzjoni tal-kontenut oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji), C‑696/22, EU:C:2024:499, punt 89, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Voestalpine Giesserei Linz, C‑475/23, EU:C:2024:866, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti tal-ispejjeż sostnuti mill-persuna taxxabbli li huma marbuta mhux mat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuna taxxabbli nnifisha, iżda ma’ tranżazzjonijiet imwettqa minn terz, ma tistax tagħti dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Vos Aannemingen, C‑405/19, EU:C:2020:785, punt 38, u tat‑8 ta’ Settembru 2022, Finanzamt R (Tnaqqis tal-VAT marbut ma’ kontribuzzjoni ta’ soċju), C‑98/21, EU:C:2022:645, punt 55).

32

Fil-każ preżenti, jekk jirriżulta li parti mis-servizzi li fir-rigward tagħhom ġew sostnuti l-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tal-persuna taxxabbli stess, iżda għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet imwettqa minn terzi, ir-rabta diretta u immedjata li teżisti bejn dawn is-servizzi u t-tranżazzjonijiet intaxxati ta’ din il-persuna taxxabbli tinkiser parzjalment, b’tali mod li din ma tkunx tista’ twettaq tnaqqis tal-VAT imposta fuq din il-parti tal-ispejjeż (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Vos Aannemingen, C‑405/19, EU:C:2020:785, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ tnaqqis tal-persuna taxxabbli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b’mod partikolari fid-dawl tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi u tar-realtà ekonomika u kummerċjali, sa fejn is-servizzi kkonċernati ġew effettivament ipprovduti sabiex il-persuna taxxabbli tkun tista’ twettaq it-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Fil-fatt, huwa biss sa dan il-punt li l-VAT tal-input imħallsa titqies li hija imposta fuq servizzi pprovduti lill-persuna taxxabbli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2020, Vos Aannemingen, C‑405/19, EU:C:2020:785, punti 40 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza iċċitata).

34

Il-fatt li s-servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti simultanjament lil diversi benefiċjarji jidher irrilevanti f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-parti tal-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi, sostnuta mill-persuna taxxabbli, tikkorrispondi effettivament għas-servizzi li din tal-aħħar ibbenefikat minnhom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess.

35

Il-punt dwar jekk l-akkwist tas-servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx neċessarju jew opportun jidher ukoll irrilevanti, peress li d-Direttiva tal-VAT ma tissuġġettax l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għal kriterju ta’ profittabbiltà ekonomika tat-tranżazzjoni tal-input. Fil- fatt, is-sistema komuni tal-VAT hija intiża li tiżgura n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għan jew mir-riżultat tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu fihom innifishom, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT. Għaldaqstant, id-dritt għal tnaqqis, ladarba tnissel, jibqa’ kweżit anki jekk, sussegwentement, l-attività ekonomika prevista ma tkunx twettqet u, konsegwentement, ma tkunx tat lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli jew jekk il-persuna taxxabbli ma setgħetx tuża l-oġġetti jew is-servizzi li taw lok għal tnaqqis fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli minħabba ċirkustanzi li ma għandhomx x’jaqsmu mar-rieda tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji), C‑696/22, EU:C:2024:499, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-oneru tal-provi, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa għall-persuna taxxabbli li tkun qiegħda titlob it-tnaqqis tal-VAT li tistabbilixxi li hija tkun qiegħda tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun tista’ tibbenefika minnu. L-awtoritajiet fiskali jistgħu għalhekk jitolbu lill-persuna taxxabbli li tipproduċi l-provi li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex jevalwaw jekk hemmx lok jew le li jingħata t-tnaqqis mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Kemwater ProChemie, C‑154/20, EU:C:2021:989, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punti 99 u 100).

37

Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi, din għandha ssir mill-qorti nazzjonali skont ir-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, billi ssir evalwazzjoni globali tal-elementi u taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT – Akkwist fittizju), C‑114/22, EU:C:2023:430, punt 36, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 34).

38

Konsegwentement, l-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input, imħallsa minn persuna taxxabbli waqt l-akkwist ta’ servizzi minn persuni taxxabbli oħra li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, minħabba li dawn is-servizzi jidher li kienu ġew ipprovduti simultanjament lil kumpanniji oħra ta’ dan il-grupp u li l-akkwist tagħhom ma kienx neċessarju jew opportun, meta jkun stabbilit li l-imsemmija servizzi jintużaw minn din il-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli tagħha.

Fuq it‑tielet domanda

39

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT, meta jiġi stabbilit li s-servizzi fi ħdan il-grupp ma humiex ipprovduti għall-benefiċċju ta’ wieħed mill-membri tal-grupp, kumpannija li tagħmel parti minn dan il-grupp, iżda li titqies li ma bbenefikatx minn dawn is-servizzi, tistax titqies li hija persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

40

Hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, din id-domanda tidher li hija irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, ma jidher imkien li huwa kkontestat, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li Foserco kienet persuna taxxabbli, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT. Hekk kif irrileva wkoll il-Gvern Rumen, din hija kwistjoni distinta minn dik tal-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq is-servizzi amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 17 tas-sentenza preżenti, it-tielet domanda hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input, imħallsa minn persuna taxxabbli waqt l-akkwist ta’ servizzi minn persuni taxxabbli oħra li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, minħabba li dawn is-servizzi jidher li kienu ġew ipprovduti simultanjament lil kumpanniji oħra ta’ dan il-grupp u li l-akkwist tagħhom ma kienx neċessarju jew opportun, meta jkun stabbilit li l-imsemmija servizzi jintużaw minn din il-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.