SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Tranżazzjonijiet bejn impriżi – Kuntratt ta’ kiri kummerċjali – Punt 8 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ammont dovut’ – Fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż tal-kiri u tal-ispejjeż marbuta mal-kera”
Fil-Kawża C‑725/23 [Tusnia] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
M. sp. z o.o. I. S.K.A.
vs
R. W.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M. sp. z o.o. I. S.K.A., minn A. Kuleszyńska, radca prawny, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Ioan, D. Milanowska u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. sp. z o.o. I. S.K.A. (iktar ’il quddiem “M.”) u R.W. dwar l-irkupru, minn M., ta’ fatturi relatati mal-ispejjeż marbuta mal-okkupazzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu kummerċjali li ġew sostnuti minn M., iżda li kuntrattwalment kellhom jitħallsu minn R.W. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-premessi 3, 8, 9 u 19 tad-Direttiva 2011/7 jipprevedu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju]. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
|
|
7 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu [somma b’rata fissa] ta’ EUR 40.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
8 |
Fit‑3 ta’ Lulju 2019, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ kiri għal żmien indeterminat ta’ proprjetà kummerċjali fil-Polonja. Skont dan il-kuntratt, R.W. kien obbligat iħallas lil M.:
|
|
9 |
Fit‑13 ta’ Settembru 2019, il-kuntratt kien is-suġġett ta’ addendum li jestendi l-għan tiegħu għal proprjetà kummerċjali ieħor. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2020, M. ikkomunika lil R.W. bix-xoljiment tal-kuntratt ta’ kiri b’effett immedjat. |
|
11 |
Quddiem is-Sąd Rejonowy Katowice-Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, M. jitlob lil R.W. il-ħlas ta’ sitta u għoxrin fattura mhux imħallsa li minnhom tmienja jikkonċernaw il-kera, ħdax għas-servizzi ta’ utilità pubblika u sebgħa jikkonċernaw s-somma f’daqqa dovuta għall-parteċipazzjoni tal-kerrej fil-miżati, l-infiq u l-ispejjeż kollha marbuta mal-proprjetà immobbli, kif ukoll somma f’daqqa ta’ EUR 40 għal kull fattura mhux imħallsa fl-iskadenza prevista. |
|
12 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tagħha, jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa limitat għall-ħlasijiet imwettqa “bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, iżda li l-kunċett stess ta’ “remunerazzjoni” ma huwiex iddefinit fl-imsemmija direttiva. |
|
13 |
Madankollu, skont din il-qorti, li kieku kellu jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 jestendi biss għall-ħlasijiet magħmula “bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, għandu jiġi dedott li l-kunċett ta’ “ammont dovut”, fis-sens tal-Artikolu 2(8) tagħha, jirreferi biss għall-ammont intiż sabiex jiġi rremunerat is-servizz tal-kreditur stess, jiġifieri l-provvista ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizz, u ma jinkludix il-ħlasijiet magħmula għal finijiet oħra, bħar-rimborsi ta’ infiq jew ta’ spejjeż oħra sostnuti mill-kreditur fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, meta dawn l-elementi huma separati skont l-imsemmi kuntratt. |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li minn tali interpretazzjoni jirriżulta li, meta l-kuntratt iqiegħed fuq id-debitur ir-rimbors, favur il-kreditur, ta’ tali infiq jew ta’ tali spejjeż, id-dewmien fil-ħlas, li jwassal lill-kreditur sabiex ikollu jsostni, tal-inqas temporanjament, dawn l-ispejjeż minflok id-debitur, jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-kreditur. Dan imur kontra l-għan tad-Direttiva 2011/7, jiġifieri l-ġlieda kontra dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, li jkollu effetti negattivi fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-impriżi fis-suq intern. |
|
15 |
F’dan il-kuntest, is-Sąd Rejonowy Katowice - Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll, minbarra l-ammont prinċipali mħallas inkambju tal-prestazzjoni karatteristika tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni li twassal għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi, ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li d-debitur kien impenja ruħu kuntrattwalment li jħallas?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, din tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal “tranżazzjonijiet kummerċjali” u li dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/7 bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessi 8 u 9 ta’ din id-direttiva, li minnhom jirriżulta li hija tkopri l-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, inklużi dawk bejn impriżi privati, u bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula mal-konsumaturi u ta’ tipi oħra ta’ ħlasijiet (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, New Media Development & Hotel Services, C‑327/20, EU:C:2022:23, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt li l-provvista prinċipali tiegħu tikkonsisti fl-għoti, inkambju, ta’ proprjetà immobbli għal użu temporanju, bħal kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà kummerċjali, jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali li twassal għal provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm din it-tranżazzjoni titwettaq bejn impriżi jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv),C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 41). |
|
18 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li M. u R.W. huma impriżi u li huma aġixxew fil-kuntest tan-negozju tagħhom. Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kuntratt ta’ kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2011/7 u, għaldaqstant, il-ħlasijiet imwettqa inkambju għal din it-tranżazzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ammont dovut” imsemmi fih ikopri, minbarra l-ammont li d-debitur huwa obbligat iħallas inkambju għall-prestazzjoni prinċipali li jkun ipprovdielu l-kreditur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejniethom, is-somom li d-debitur intrabat, skont dan il-kuntratt, li jirrimborsa lill-kreditur għall-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar u marbuta mal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
20 |
Għad-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istess ħin il-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-iskopijiet tagħha (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław,C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ammont dovut” bħala “is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti”. |
|
22 |
Issa, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jagħtu portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “ammont dovut”. |
|
23 |
Fil-fatt, minn naħa, l-użu, minn dan il-leġiżlatur, tal-espressjoni “inkluż” jindika li huwa kellu l-intenzjoni li jagħmel lista mhux eżawrjenti ta’ diversi elementi li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ammont dovut”. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-lista tinkludi b’mod partikolari “t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati” juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri wkoll ammonti distinti mill-ammont prinċipali mħallas inkambju għas-servizz li jikkaratterizza r-relazzjoni kuntrattwali, iżda li huma madankollu marbuta magħha u li d-debitur impenja ruħu li jirrimborsa. |
|
24 |
B’hekk, mill-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “ammont dovut” li jinsab fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li dan ma jistax ikun limitat għall-ammont imħallas inkambju għall-prestazzjoni prinċipali fir-relazzjoni kuntrattwali. |
|
25 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għan tad-Direttiva 2011/7. |
|
26 |
Fir-rigward, minn naħa, ta’ dan il-kuntest, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li hija tapplika għall-ħlasijiet kollha mwettqa inkambju għal tranżazzjonijiet kummerċjali, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn dawk intiżi rispettivament sabiex jirremuneraw il-prestazzjoni prinċipali tal-kuntratt u dawk intiżi għal finijiet oħra, bħall-ħlasijiet intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-kreditur fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-iskop tad-Direttiva 2011/7, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva hija intiża għall-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi b’hekk tittejjeb il-kompetittività tal-impriżi u b’mod partikolari tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. |
|
28 |
Mill-premessa 3 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li tali dewmien ta’ ħlas għandu effetti negattivi fuq il-likwidità ta’ dawn l-impriżi, jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tagħhom u huwa wkoll ta’ ħsara għall-kompetittività tal-imsemmija impriżi u għall-profittabbiltà tagħhom, peress li huma għandhom bżonn jiksbu finanzjamenti esterni minħabba dan id-dewmien fil-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia,C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 35). |
|
29 |
B’hekk, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jirriżulta li din hija intiża mhux biss li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi, billi tevita li dawn ikunu finanzjarjament attraenti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll li tipproteġi b’mod effikaċi lill-kreditur kontra tali ħlasijiet tardivi, billi tiżguralu l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun sostna. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni mġarrba minħabba ħlasijiet tardivi u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens permezz ta’ ammont b’rata fissa għandu jkun intiż li jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia,C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DOMUS-Software,C‑370/21, EU:C:2022:947, punt 27, u tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Kunsinni ta’ materjal mediku), C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 36). |
|
30 |
F’din il-perspettiva, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ammont dovut” imsemmi fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 fis-sens li dan jikkonċerna biss l-ammont intiż sabiex tiġi rremunerata l-prestazzjoni prinċipali tal-kuntratt twassal sabiex jiġi llimitat indebitament il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u sabiex il-kreditur jiġi espost għall-konsegwenzi dannużi tad-dewmien fil-pagamenti li jirrigwardaw l-ammonti l-oħra imposti fuq id-debitur skont l-istess kuntratt. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan li d-debituri jiġu skoraġġuti milli jwettqu ħlasijiet tardivi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tagħha. |
|
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ammont dovut” imsemmi fih ikopri, minbarra l-ammont li d-debitur huwa obbligat iħallas inkambju għall-prestazzjoni prinċipali li jkun ipprovdielu l-kreditur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejniethom, is-somom li d-debitur intrabat, skont dan il-kuntratt, li jirrimborsa lill-kreditur għall-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar u marbuta mal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
Fuq l‑ispejjeż
|
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “ammont dovut” imsemmi fih ikopri, minbarra l-ammont li d-debitur huwa obbligat iħallas inkambju għall-prestazzjoni prinċipali li jkun ipprovdielu l-kreditur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejniethom, is-somom li d-debitur intrabat, skont dan il-kuntratt, li jirrimborsa lill-kreditur għall-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar u marbuta mal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.