SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
3 ta’ April 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – It-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni – Emenda, sfavorevoli għall-persuna kkundannata, tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat”
Fil-Kawża C‑743/24 [Alchaster II] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest maħruġa kontra
MA,
fil-preżenza ta’:
Minister for Justice and Equality,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, C. Lycourgos (Relatur), M. L. Arastey Sahún, D. Gratsias u M. Gavalec, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, I. Ziemele, J. Passer, Z. Csehi, O. Spineanu-Matei, B. Smulders, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MA, minn M. Lynam, SC, S. Brittain, BL, u C. Mulholland, solicitor, |
|
– |
għall-Minister for Justice and Equality u għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, D. Curley, S. Finnegan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn J. Fitzgerald, SC, u A. Hanrahan, SC, |
|
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Fuller, bħala aġent, assistit minn V. Ailes, J. Pobjoy, barristers, u J. Eadie, KC, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold, F. Ronkes Agerbeek u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ erba’ mandati ta’ arrest maħruġa kontra MA mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-KEDB
|
3 |
L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jistabbilixxi li: “Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.” |
Id-dritt tal-Unjoni
|
4 |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10, iktar ’il quddiem il-“FKK”), jinkludi, b’mod partikolari, it-Tielet Parti, intitolata “Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”, li fiha jinsabu l-Artikoli 522 sa 702 tal-FKK. |
|
5 |
L-Artikolu 524 tal-FKK jipprevedi li: “1. Il-kooperazzjoni prevista f’din il-Parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-Partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-[I]stat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem[, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948,] u fil-[KEDB], u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f’dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestikament. 2. Xejn f’din il-Parti ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-[KEDB] u, fil-każ tal-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri tagħha, fil-[Karta].” |
|
6 |
L-Artikolu 604 tal-FKK jistabbilixxi li: “L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun soġġetta għall-garanziji li ġejjin: […]
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 613(2) tal-FKK: “Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti ma tkunx biżżejjed biex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward […] [ta]l-Artikolu 604 […] u tista’ tiffissa limitu ta’ żmien biex tirċeviha […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
8 |
Fis‑26 ta’ Novembru 2021, id-District Judge (l-Imħallef Distrettwali) tal-Magistrates’ Courts of Northern Ireland (il-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) ħareġ erba’ mandati ta’ arrest kontra MA għal reati li jaqgħu taħt it-terroriżmu li allegatament twettqu bejn it‑18 u l‑20 ta’ Lulju 2020 fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit). L-ewwel wieħed minn dawn ir-reati huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ għaxar snin, filwaqt li t-tlieta l-oħra jistgħu jiġġustifikaw l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, ta’ piena estiża li ċċaħħad il-libertà, ta’ piena li ċċaħħad il-libertà għal żmien indeterminat jew ta’ piena ta’ għomor priġunerija. |
|
9 |
Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2022 kif ukoll permezz ta’ digrieti tal-istess jum u tas‑7 ta’ Novembru 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ordnat il-konsenja ta’ MA lir-Renju Unit u ma tatux l-awtorizzazzjoni sabiex jappella quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda). |
|
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2023, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, tat lil MA l-awtorizzazzjoni li jippreżenta appell minn din is-sentenza u minn dawn id-digrieti tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). |
|
11 |
MA sostna, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-konsenja tiegħu lir-Renju Unit hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, peress li, fil-każ ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija, l-eventwali ħelsien ikkundizzjonat tiegħu huwa rregolata minn leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li ġiet adottata wara t-twettiq tar-reati li għalihom huwa akkużat u li hija iktar severa mil-leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tat-twettiq ta’ dawn ir-reati. |
|
12 |
Wara li ċaħdet l-argument ta’ MA bbażat fuq riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB, il-qorti tar-rinviju qieset li kienu jeżistu inċertezzi dwar in-neċessità li tiġi eżaminata, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u, jekk ikun il-każ, dwar il-modalitajiet ta’ dan l-eżami. Konsegwentement, fis‑7 ta’ Marzu 2024, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-FKK. |
|
13 |
Fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’risposta għal din id-domanda, li l-Artikolu 524(2) u l-Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK tinvoka riskju ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu 49(1), fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba emenda, sfavorevoli għal din il-persuna, tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien ikkundizzjonat, li tkun seħħet wara t-twettiq preżunt tar-reat li fir-rigward tiegħu l-imsemmija persuna tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali, twettaq eżami awtonomu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tagħti deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità ġudizzjarja tkun diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB billi tkun ibbażat ruħha fuq il-garanziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-KEDB u fuq il-possibbiltà għall-istess persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi tmiem dan l-eżami, din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest biss jekk, wara li tkun talbet, mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, informazzjoni u garanziji supplimentari, hija jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jistabbilixxu li jkun jeżisti riskju reali ta’ emenda tal-portata nnifisha tal-piena mġarrba fil-jum tat-twettiq tar-reat inkwistjoni, li jimplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar minn dik li kienet inizjalment imġarrba. |
|
14 |
Fid-dawl ta’ din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 613(2) tal-FKK, talbet mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit it-trażmissjoni ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li tkun applikabbli għal MA fil-każ ta’ kundanna tiegħu għal wieħed jew iktar mir-reati li għalihom huwa akkużat. Id-District Judge (l-Imħallef Distrettwali) tal-Magistrates’ Courts of Northern Ireland (il-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq) wieġbet għal din it-talba fis‑17 ta’ Settembru 2024. |
|
15 |
Abbażi, b’mod partikolari, ta’ din it-tweġiba, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli fl-Irlanda ta’ Fuq fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti li timponi kundanna għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat kellha tiffissa “perijodu ta’ detenzjoni”, li ma jaqbiżx nofs il-piena imposta u li fi tmiem tali perijodu l-persuna kkundannata kellha neċessarjament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat. |
|
16 |
Skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida applikabbli fl-Irlanda ta’ Fuq mit‑30 ta’ April 2021, inkluż għar-reati mwettqa qabel din id-data, piena ta’ priġunerija għal żmien determinat għal “reat terroristiku speċifikat” (specified terrorism offence) għandha tkun komposta minn “perijodu xieraq ta’ detenzjoni”, iddeterminat mill-qorti, u minn perijodu supplimentari ta’ sena, li matulu l-persuna kkundannata tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, fejn it-tul akkumulat ta’ dawn il-perijodi ma jistax jaqbeż it-tul massimu tal-piena ta’ priġunerija mġarrba. Din il-persuna tista’, barra minn hekk, tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat żewġ terzi tal-“perijodu xieraq ta’ detenzjoni” u bil-kundizzjoni li l-Parole Commissioners (il-Kummissarji għall-Ħelsien Ikkundizzjonat, ir-Renju Unit) ikunu jqisu li ż-żamma tagħha f’detenzjoni ma hijiex neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ilmenti ta’ MA huma relatati esklużivament mal-emendi tal-leġiżlazzjoni dwar il-pieni ta’ priġunerija għal żmien determinat, b’tali mod li r-regoli dwar il-ħelsien ikkundizzjonat ta’ persuna kkundannata għal piena estiża li ċċaħħad il-libertà, għal piena li ċċaħħad il-libertà għal żmien indeterminat jew għal piena ta’ għomor priġunerija ma humiex rilevanti fil-kawża prinċipali. |
|
18 |
Din il-qorti tqis li teżisti possibbiltà reali li MA jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit. Filwaqt li tindika li t-tul massimu tal-piena mġarrba għall-ewwel reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqa’ stabbilit għal għaxar snin, hija tirrileva li l-emendi tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw b’mod partikolari li l-persuni kkundannati għal tali piena għal “reat terroristiku speċifikat” jibqgħu għal żmien itwal f’detenzjoni. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, MA u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) ma jaqblux dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn l-emendi mal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, sa fejn dawn ikkontestaw sistema li fiha l-ħelsien ikkundizzjonat seħħ b’mod awtomatiku. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija emendi jistgħux xorta waħda jitqiesu li huma relatati biss mal-eżekuzzjoni tal-pieni jew jekk għandhomx, għall-kuntrarju, jitqiesu li jbiddlu b’mod retroattiv il-portata stess tal-piena mġarrba minn MA fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit. |
|
20 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta persuna misjuba ħatja ta’ reat wieħed jew iktar u kkundannata għal piena għal żmien determinat tkun suġġetta għal regoli emendati fis-sens li hija għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ dik il-piena, u mbagħad tibbenefika biss minn dritt kundizzjonali għal ħelsien ikkundizzjonat, suġġett għal evalwazzjoni tal-perikolużità, filwaqt li, skont ir-regoli fis-seħħ fil-jum tat-twettiq tar-reati allegati, hija kienet tkun awtomatikament intitolata għal ħelsien ikkundizzjonat ladarba tkun skontat nofs l-imsemmija piena, għandu jiġi kkunsidrat li din il-persuna għandha tingħata ‘piena ikbar’ minn dik applikabbli fil-jum tat-twettiq tar-reati allegati, b’tali mod li jkun hemm ksur tal-Artikolu 49(1) tal-[Karta]?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21 |
Permezz tad-digriet tiegħu tas‑26 ta’ Novembru 2024, MA (C‑743/24, EU:C:2024:983), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domanda preliminari
|
22 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni, fuq persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, ta’ sistema li tipprevedi li din il-persuna għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ perijodu stabbilit ta’ detenzjoni qabel ma tkun tista’ tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, li tali ħelsien huwa suġġett għall-fatt li awtorità speċjalizzata tqis li ż-żamma f’detenzjoni tal-imsemmija persuna ma għadhiex neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà u li l-istess persuna tibbenefika neċessarjament minn ħelsien ikkundizzjonat sena qabel it-tmiem tal-piena imposta tikkostitwixxi l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, filwaqt li, skont ir-regoli applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, hija kellha awtomatikament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat nofs din il-piena. |
|
23 |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tipprevedi li ma għandha tingħata ebda piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fil-mument meta twettaq ir-reat. |
|
24 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala livell minimu ta’ protezzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ emendi għal sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat għal persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat għal reat imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha ssir distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi essenzjalment “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” jew mal-“applikazzjoni” tal-piena. Għaldaqstant, meta n-natura u l-għan ta’ miżura jikkonċernaw it-tnaqqis ta’ piena jew bidla fis-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat, din il-miżura ma tifformax parti integrali mill-“piena” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7 (Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 83, u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 94). |
|
26 |
Peress li d-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” ta’ piena ma hijiex dejjem ċara fil-prattika, jeħtieġ, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk miżura tirrigwardax biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew għall-kuntrarju taffettwax il-portata tagħha, li jiġi eżaminat każ b’każ dak li l-“piena” imposta realment timplika fid-dritt intern fiż-żmien meħud inkunsiderazzjoni jew, fi kliem ieħor, liema kienet in-natura intrinsika tagħha (Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punti 85 u 90, kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 95). |
|
27 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat li l-fatt li l-estensjoni tal-limitu ta’ ammissibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat li seħħet wara kundanna setgħet twassal għal twebbis tas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni kien jikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-piena u mhux il-piena stess u li, għaldaqstant, minn tali ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li l-piena imposta ser tkun ikbar minn dik imposta mill-qorti li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu (Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2021:0831DEC003556719, punt 29, u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 96). |
|
28 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-applikazzjoni retroattiva ta’ miżura li tikkonsisti fit-trasformazzjoni ta’ piena ta’ għomor priġunerija li tista’ titnaqqas f’piena ta’ għomor priġunerija li ma tistax titnaqqas tmur kontra l-Artikolu 7 tal-KEDB (Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punti 56 u 64) |
|
29 |
Konsegwentement, miżura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ piena tkun inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta biss jekk tkun tinvolvi emenda retroattiva tal-portata stess tal-piena mġarrba fid-data tat-twettiq preżunt tar-reat inkwistjoni, u b’hekk timplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar minn dik li kienet inizjalment imġarrba. Għalkemm, fi kwalunkwe każ, dan ma jkunx il-każ meta din il-miżura sempliċement ittawwal il-limitu ta’ ammissibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat, dan jista’ jkun differenti, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija miżura tħassar essenzjalment il-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat jew jekk hija tidħol f’ġabra ta’ miżuri li jwasslu sabiex tiġi aggravata n-natura intrinsika tal-piena inizjalment imġarrba (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 97). |
|
30 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, fir-rigward ta’ reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, l-estensjoni tal-parti ta’ piena ta’ priġunerija li għandha neċessarjament tkun ġiet skontata f’detenzjoni qabel ma jkun jista’ jiġi ordnat ħelsien ikkundizzjonat ma jistax, meħud waħdu, iwassal għal ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
|
31 |
Madankollu, id-domanda magħmula tirrigwarda emendi għal sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat li jmorru lil hinn mis-sempliċi estensjoni tal-limitu ta’ ammissibbiltà għal tali ħelsien. Fil-fatt, dawn l-emendi għandhom l-ispeċifiċità li jmorru kontra regola li permezz tagħha ħelsien ikkundizzjonat kellu jseħħ b’mod awtomatiku ladarba nofs il-piena tkun ġiet skontata. B’hekk huma jissostitwixxu din ir-regola b’sistema li fiha l-ħelsien ikkundizzjonat huwa, fl-ewwel lok, suġġett għal evalwazzjoni tan-natura perikoluża tal-persuna kkundannata minn awtorità speċjalizzata, wara li parti ddeterminata minn qabel tal-piena imposta tkun ġiet skontata, imbagħad, sussegwentement, jintervjeni ipso iure sena qabel it-tmiem ta’ din il-piena. |
|
32 |
Huwa minnu li tali emenda twassal, fiha nnifisha, għal twebbis tas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni. Għalhekk, din l-emenda toħloq inċertezza fir-rigward tal-mument meta l-ħelsien ikkundizzjonat ta’ persuna li ser tiġi kkundannata jseħħ u tista’ timplika, f’ċerti każijiet, li tali ħelsien iseħħ biss fl-aħħar sena tal-piena imposta, filwaqt li, fil-kuntest tas-sistema applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, din il-persuna kellha ċ-ċertezza li tibbenefika ipso jure minn din is-sistema f’data preċedenti għal din l-aħħar sena. |
|
33 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 27 u 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li l-emendi għas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat iwasslu għal twebbis tas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni ma għandux neċessarjament jitqies li jimplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
|
34 |
Din il-kunsiderazzjoni tirriżulta mis-separazzjoni bejn il-kunċett ta’ “piena”, mifhum bħala l-kundanna imposta jew li tista’ tiġi imposta, minn naħa, u dak ta’ miżuri relatati mal-“eżekuzzjoni” jew mal-“applikazzjoni” tal-piena, min-naħa l-oħra. Din il-kunsiderazzjoni tapplika mhux biss għal dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-limitu ta’ ammissibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat iżda wkoll fir-rigward ta’ emendi ta’ kundizzjonijiet oħra li għalihom hija suġġetta d-deċiżjoni ta’ ħelsien ikkundizzjonat jew tar-regoli proċedurali li jirregolaw din id-deċiżjoni. |
|
35 |
Għalhekk, sakemm dawn l-emendi ma jħassrux essenzjalment il-possibbiltà ta’ tali ħelsien u sakemm ma jwasslux għal aggravazzjoni tan-natura tal-piena mġarrba fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, l-applikazzjoni tagħhom għal reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ma tiksirx it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
|
36 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat li emenda bħal dik imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza ma twassalx, la skont il-liġi u lanqas fil-prattika, għal tħassir essenzjalment tal-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat. |
|
37 |
Fil-fatt, minn naħa, tali emenda żżomm il-possibbiltà li jiġi ordnat il-ħelsien ikkundizzjonat tal-persuna kkundannata, skont l-evalwazzjoni magħmula dwar in-natura perikoluża tal-persuna kkundannata, ladarba jintlaħaq il-limitu ta’ ammissibbiltà stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Kummissarji għall-Ħelsien Ikkundizzjonat jista’ jwassal, fil-prattika, għal tħassir tal-possibbiltà ta’ tali ħelsien sa fejn dan ma huwiex irregolat minn garanziji proċedurali adegwati, inkluż fir-rigward tat-terminu għall-ipproċessar tat-talbiet għal ħelsien ikkundizzjonat. |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, wara emenda bħal dik imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-ħelsien ikkundizzjonat għandu, fi kwalunkwe każ, iseħħ, ipso jure, sena qabel it-tmiem tal-piena imposta, b’tali mod li ma jistax jitqies li din il-piena għandha minn issa ’l quddiem tiġi sistematikament skontata, kollha kemm hi, taħt is-sistema ta’ detenzjoni. |
|
40 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li modifika bħal dik imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza tagħmel parti minn ġabra ta’ miżuri li jwasslu sabiex tiġi aggravata n-natura intrinsika tal-piena inizjalment imġarrba. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali emenda ma testendix it-tul massimu tal-piena ta’ priġunerija għal żmien determinat imġarrba għal reat li l-eżekuzzjoni tagħha taqa’ taħt is-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat li tirriżulta minn din l-emenda. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tul massimu tal-piena mġarrba għall-ewwel reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqa’ stabbilit għal għaxar snin. |
|
42 |
Issa, it-tul tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-qorti kriminali jikkostitwixxi, kemm skont din l-aħħar sistema kif ukoll skont ir-regoli dwar il-ħelsien ikkundizzjonat li kienu applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, it-tul massimu li matulu l-persuna kkundannata tista’, b’mod definittiv, titqiegħed f’detenzjoni. |
|
43 |
Fil-fatt, is-sistemi ta’ ħelsien ikkundizzjonat msemmija fid-domanda magħmula jimplikaw, it-tnejn li huma, il-possibbiltà li l-persuna li tkun ibbenefikat minn tali ħelsien titqiegħed mill-ġdid f’detenzjoni, fil-limiti tat-tul ta’ priġunerija stabbilit fil-mument tal-kundanna tagħha, jekk l-aġir ta’ din il-persuna jiġġustifika revoka ta’ dan il-ħelsien. Ebda waħda minn dawn is-sistemi ma tiggarantixxi għalhekk lill-imsemmija persuna li tibqa’ ħielsa għal parti ddeterminata minn qabel tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-qorti kriminali. |
|
44 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien ikkundizzjonat li jirriżultaw minn emenda bħal dik imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-kriterju bbażat fuq in-natura perikoluża tal-persuna kkundannata kif evalwata fil-mument tal-ħelsien ikkundizzjonat possibbli jikkostitwixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, kriterju komuni fil-politiki penitenzjarji. Tali kriterju, sa fejn jippreżupponi li ssir evalwazzjoni prospettiva dwar l-aġir prevedibbli tal-persuna kkundannata fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħha kif tirriżulta wara li din il-persuna tkun skontat parti sostanzjali mill-piena tagħha f’detenzjoni, jimplika evalwazzjoni ta’ natura differenti minn dik li tkun twettqet inizjalment meta ngħatat id-deċiżjoni tal-kundanna u huwa marbut, bl-istess mod, mal-eżekuzzjoni tal-piena. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kummissarji għall-Ħelsien Ikkundizzjonat jgawdu minn setgħa purament diskrezzjonali, li tmur lil hinn mis-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tan-natura perikoluża tal-persuna kkundannata wara li din tkun skontat parti sostanzjali mill-piena tagħha f’detenzjoni. B’mod partikolari, minn dan il-proċess ma jirriżultax li dawn il-kummissarji jistgħu jibbażaw ruħhom fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika kriminali indipendenti minn din l-evalwazzjoni. |
|
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-fatt li emendi għas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw biss ċerti kategoriji ta’ persuni kkundannati u lanqas ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn l-emendi ma jistgħu jimplikaw li dawn huma inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Fil-fatt, dan il-fatt u dawn il-motivi ma għandhomx implikazzjonijiet fir-rigward tal-effetti tal-imsemmija emendi fuq is-sitwazzjoni oġġettiva ta’ dawn il-persuni, b’tali mod li ma jistgħux iwasslu, bħala tali, sabiex jitqies li l-istess emendi jwasslu għall-applikazzjoni ta’ piena ikbar għall-imsemmija persuni. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni, fuq persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, ta’ sistema li tipprevedi li din il-persuna għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ perijodu stabbilit ta’ detenzjoni qabel ma tkun tista’ tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, li tali ħelsien huwa suġġett għall-fatt li awtorità speċjalizzata tqis li ż-żamma f’detenzjoni tal-imsemmija persuna ma għadhiex neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà u li l-istess persuna tibbenefika neċessarjament minn ħelsien ikkundizzjonat sena qabel it-tmiem tal-piena imposta ma tikkostitwixxix l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, minkejja li, skont ir-regoli applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, hija kellha awtomatikament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat nofs din il-piena. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni, fuq persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, ta’ sistema li tipprevedi li din il-persuna għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ perijodu stabbilit ta’ detenzjoni qabel ma tkun tista’ tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, li tali ħelsien huwa suġġett għall-fatt li awtorità speċjalizzata tqis li ż-żamma f’detenzjoni tal-imsemmija persuna ma għadhiex neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà u li l-istess persuna tibbenefika neċessarjament minn ħelsien ikkundizzjonat sena qabel it-tmiem tal-piena imposta ma tikkostitwixxix l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, minkejja li, skont ir-regoli applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt ( 1 ) tar-reati inkwistjoni, hija kellha awtomatikament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat nofs din il-piena. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 1 ) bla ħsara għal emendi li jistgħu jsiru.