[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.6.2008 KUMM(2008) 347 finali 2008/0121 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1 Il-kuntest tal-proposta | 110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-hekk imsejħa kawżi “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ terzi pajjiżi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet eżistenti bi ftehim Komunitarju[1] (il-“mandat orizzontali”). L-għanijiet ta’ ftehimiet ta’ dan it-tip huma li jagħtu aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi kollha ta' l-ajru ta’ l-UE għar-rotot bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u sabiex il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jinġiebu f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. | 120 | Il-kuntest ġenerali Ir-relazzjonijiet fil-qasam ta’ l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tradizzjonalment kienu rregolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, permezz ta' l-Annessi għat-tali ftehimiet u permezz ta' arranġamenti oħrajn bilaterali jew multilaterali b’rabta ma' dan. Il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru ta’ l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur ta' l-ajru li kien iddeżinjat minn Stat Membru iżda li mhux proprjetà sostanzjali ta’ dak l-Istat Membru u kkontrollat effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, ikunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà ta' l-istabbiliment tagħhom l-istess trattament fl-Istat Membru li jkun qed jospitahom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm kwistjonijiet oħra, bħalma huma ftehimiet kummerċjali obbligatorji bejn il-linji ta' l-ajru fejn il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha tkun żgurata billi jkunu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. | 130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u l-Indja. | 140 | Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Il-Ftehim se jaqdi għan fundamentali tal-politika Komunitarja dwar l-avjazzjoni esterna billi jġib il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. | 2 Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt | Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati | 211 | Metodi ta' konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li wieġbu Sew l-Istati Membri kif ukoll l-industrija ġew ikkonsultati mat-tul kollu tan-negozjati. | 212 | Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif dawn ġew ikkunsidrati Il-kummenti li saru mill-Istati Membri u mill-industrija ġew ikkunsidrati. | 3 L-elementi ġuridiċi tal-proposta | 305 | Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Skond il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għall-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u l-Indja. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli tradizzjonali ta' deżinjazzjoni bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lit-trasportaturi kollha ta' l-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' l-istabbiliment. L-Artikolu 4 jġib id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali li huma ċarament antikompetittivi (ftehimiet kummerċjali obbligatorji bejn il-linji ta' l-ajru) f'konformità mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kompetizzjoni. Fin-negozjati tal-Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja, insaħaq li l-Ftehim ma kellux jaffettwa l-volum jew il-bilanċ tad-drittijiet tat-traffiku. Għal dan il-għan, ġew iddefiniti t-termini ta' l-ittra li għandhom jibagħtu lill-Indja l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha wara l-iffirmar tal-"ftehim orizzontali". Din l-ittra, li l-Istati Membri approvawha fi ħdan il-Kumitat Speċjali, qed tintbagħat lill-Kunsill flimkien ma' din il-proposta. | 310 | Il-bażi ġuridika L-Artikoli 80(2) u 300(2) tat-Trattat tal-KE. | 329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tissejjes kollha kemm hi fuq il-“mandat orizzontali" mogħti mill-Kunsill b'kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru. | Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-Ftehim se jemenda jew jikkomplimenta d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru biss safejn dan ikun ta' ħtieġa ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. | L-għażla ta’ l-istrumenti | 342 | Il-Ftehim bejn il-Komunità u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja huwa l-aktar strument effiċjenti biex il-ftehimiet bilaterali eżistenti kollha dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u l-Indja jinġiebu f’konformità mal-liġi Komunitarja. | 4 Implikazzjonijiet għall-baġit | 409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. | 5 Tagħrif ieħor | 510 | Simplifikazzjoni | 511 | Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. | 512 | Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Indja se jiġu ssostitwiti jew ikkomplementati minn dispożizzjonijiet fi ftehim Komunitarju waħdieni. | 570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Skond il-proċedura standard għall-iffirmar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill qed jintalab japprova d-deċiżjonijiet proposti fl-Hemża dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru. | Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (2) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, ftehim mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (3) Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa b' dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna/i mogħtija l-poter li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità suġġett għall-konklużjoni tiegħu. Artikolu 3 Fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew[2]. Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika pprovduta fl-Artikolu 7(2) tal-Ftehim. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President 2008/0121 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4], Billi: (1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (2) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (3) Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fi […], suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill …/…/KE ta’ […][5]. (4) Il-Ftehim għandu jkun approvat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità. 2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li tagħmel/jagħmlu n-notifika pprovduta fl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru IL-KOMUNITÀ EWROPEA minn naħa, u R-REPUBBLIKA TA' L-INDJA min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet') FILWAQT LI JINNUTAW li ftehimiet ta' servizzi bilaterali ta' l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja, FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi, FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi, FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti terzi pajjiżi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu dritt ta' sjieda fi trasportaturi ta' l-ajru mogħtija liċenzja f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja iridu jinġiebu f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja u biex tinżamm il-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru, FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta' l-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jkollohom bħala l-għan jew l-effett tagħhom li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni, FILWAQT LI JAGĦRFU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja li i) jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn il-kumpaniji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ kumpaniji jew prattiki kkonċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew (ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattika kkonċertata ta' dan it-tip; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi ta' l-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot rilevanti, jistgħu jrendu mhux effettivi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-kumpaniji, FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li fejn Stat Membru jkun iddeżinja trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mas-sorveljanza tas-sikurezza huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika ta’ l-Indja skond id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja t-trasportatur ta' l-ajru u r-Repubblika ta’ l-Indja għandhom japplikaw bl-istess mod fir-rigward ta' dak l-Istat Membru l-ieħor, FILWAQT LI JINNUTAW li l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru elenkati fl-Anness 1 huma msejsa fuq il-prinċipju ġenerali li t-trasportaturi ta' l-ajru ddeżinjati tal-partijiet għandu jkollhom opportunitajiet ġusti u ndaqs fl-operat tas-servizzi maqbula fuq ir-rotot speċifikati, FILWAQT LI JIINNUTAW li dan il-Ftehim la għandu l-għan li jżid il-volum totali tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja, la li jaffettwa l-bilanċ bejn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità u trasportaturi ta' l-ajru tar-Repubblika ta' l-Indja, u lanqas li jinnegozja emendi għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru fir-rigward ta' drittijiet tat-traffiku. FTEHMU KIF ĠEJ: ARTIKOLU 1 Dispożizzjonijiet Ġenerali 1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ‘Stati Membri’ tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. 2. Ir-referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. 3. Ir-referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għat-trasportaturi ta' l-ajru jew għal-linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftehmu bħala referenzi għat-trasportaturi ta' l-ajru jew għal-linji ta' l-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru. 4. L-għoti ta' drittijiet ta' traffiku se jkompli jsir permezz ta' arranġamenti bilaterali. ARTIKOLU 2 Id-deżinjazzjoni minn Stat Membru 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tagħhom mogħtija mir-Repubblika ta' l-Indja, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportaturi ta' l-ajru, rispettivament. 2. Mal-wasla ta' deżinjazzjoni minn Stat Membru, ir-Repubblika ta' l-Indja għandha toħroġ l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi adegwati bl-anqas dewmien proċedurali, bil-kundizzjoni li: i. it-trasportatur ta' l-ajru jkun stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u għandu Liċenzja Operattiva valida f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea; ii. ikun eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll iii. it-trasportatur ta' l-ajru jkun proprjetà u ser ikompli jkun proprjetà diretta jew permezz ta' sjieda maġġoritarja ta' l-Istati Membri u/jew taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew ta’ stati oħrajn elenkati fl-Anness 3 u/jew taċ-ċittadini ta' stati oħra simili, u għandu jkun il-ħin kollu taħt il-kontroll effettiv tat-tali stati u/jew tat-tali ċittadini. 3. Ir-Repubblika ta' l-Indja tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat minn Stat Membru fejn: i. it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew ma għandux Liċenzja Operattiva valida f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea; ii. ma jiġix eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika relevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; iii. it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx proprjetà, direttament jew permezz ta' sjieda maġġoritarja, u ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra; iv. it-trasportatur ta’ l-ajru jkun diġà awtorizzat li jopera fl-ambitu ta’ ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika ta' l-Indja u xi Stat Membru ieħor u, billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, dan ikun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew v. it-trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat għandu Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru maħruġ minn Stat Membru li miegħu r-Repubblika ta' l-Indja ma għandhiex ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lir-Repubblika ta' l-Indja. Waqt li teżerċita d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika ta' l-Indja ma għandhiex tiddiskrimina bejn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità Ewropea abbażi tan-nazzjonalità. ARTIKOLU 3 Is-sikurezza 1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2(c). 2. Fejn Stat Membru jkun iddeżinja trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju fuqu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika ta' l-Indja skond id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja t-trasportatur ta' l-ajru u r-Repubblika ta' l-Indja għandhom japplikaw b'mod ugwali fir-rigward ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta' l-istandards tas-sikurezza mill-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni għall-operat ta' dak it-trasportatur ta' l-ajru. ARTIKOLU 4 Il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni 1. Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 ma għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki kkonċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattika kkonċertata ta' dan it-tip; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni. 2. Id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati. ARTIKOLU 5 L-Annessi għal dan il-Ftehim L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu. ARTIKOLU 6 Eżami, reviżjoni jew emendar Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jeżaminaw, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil reċiproku. ARTIKOLU 7 Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni provviżorja 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ikunu tlestew. 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew. 3. Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta' l-Indja li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ u li jkun għadhom mhux qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim għandu japplika għat-tali Ftehimiet u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew ma' l-applikazzjoni provviżorja tagħhom. ARTIKOLU 8 It-terminazzjoni 1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim ikkonċernat elenkat fl-Anness 1 għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin. 2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat fl-istess ħin. B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif jixraq, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul fi [...] f'żewġ kopji, illum il-[...] jum ta' [..., ...] bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u bil-Ħindi. GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA: | GĦAR-REPUBBLIKA TA' L-INDJA: | ANNESS 1 Lista ta' ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim (a) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn il-Gvern ta' l-Indja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament - Il-Ftehim bejn il-Gvern Federali ta' l-Awstrija u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-servizzi ta' l-ajru ffirmat fi New Delhi fis-26 ta' Ottubru 1989; Immodifikat bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi Vjenna fis-17 ta' Ġunju 1997, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Awstrija" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Memorandum Supplimentari ta’ Qbil magħmul fi Vjenna fis-27 ta’ Jannar 2000; Immodifikat l-aħħar bil-Minuti Maqbula magħmula fi New Delhi fit-23 ta’ Marzu 2001. - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fis-6 ta’ April 1967, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Belġju" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi Brussell fit-18 ta' Mejju 2005, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Belġju" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-servizzi ta' l-ajru magħmul fi New Delhi fis-16 ta' Ġunju 1992, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Bulgarija" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru u l-Gvern ta' l-Indja dwar is-servizzi ta' l-ajru magħmul f'Nikosija fit-18 ta' Diċembru 2000, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim India – Ċipru" fl-Anness 2; - Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja ffirmat f’Delhi fis-16 ta’ Ottubru 1997, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja - Repubblika Ċeka" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fid-19 ta’ Diċembru 1995, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Danimarka" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi New Delhi fit-30 ta' Novembru 2006, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Danimarka" fl-Anness 2; - Il-Ftehim dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fit-18 ta' Lulju 1995, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Indja – Finlandja" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil iffirmat fi New Delhi fit-18 ta' Mejju 2006, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Finlandja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fis-16 ta’ Lulju 1947, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Franza" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fl-20 ta’ Mejju 1960; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fis-26 ta’ Novembru 1997; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta’ Konsultazzjonijiet magħmul f'Pariġi fit-23 ta' Frar 2005; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fil-31 ta' Mejju 1963, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Ġermanja" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Minuti Maqbula magħmula f'Bonn fl-20 ta’ Ottubru 1989; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fl-10 ta' Mejju 1994; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul f’Berlin fis-6 ta’ Frar 2001; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi New Delhi fil-25 ta' Mejju 2005, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Ġermanja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu ta' l-Ungerija u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fit-23 ta' Frar 1966, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Ungerija" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Italja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat f'Ruma fis-16 ta’ Lulju 1959, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Italja" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Minuti Maqbula magħmula fi New Delhi fis-27 ta’ Ġunju 1986; Immodifikat bil-Minuti Maqbula magħmula fi New Delhi fit-22 ta’ April 2002; Immodifikat bil-Memorandum ta' Qbil magħmul f'Ruma fl-4 ta' Frar 2003; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi New Delhi fil-15 ta' Frar 2006, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Italja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-20 ta' Ottubru 1997, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Latvja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-20 ta' Frar 2001, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Litwanja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-servizzi ta' l-ajru ffirmat fi New Delhi fit-8 ta' Jannar 2001, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Lussemburgu" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Malta u l-Gvern ta' l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat f'Malta fil-5 ta' Ottubru 1998, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Malta" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Olanda u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-24 ta' Mejju 1951, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Olanda" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fl-10 ta' Jannar 1992; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul f'The Hague fis-17 ta' Mejju 2005, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Olanda" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fil-25 ta' Jannar 1977, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Indja – Polonja" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fit-30 ta' Settembru 2003; Immodifikat l-aħħar permezz ta’ l-iskambju ta’ noti diplomatiċi ta' l-20 ta’ April 2006 u tat-22 ta’ Awwissu 2006; - Il-Ftehim dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fis-6 ta' Frar 1997, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Indja – Portugall" fl-Anness 2; - Il-Ftehim dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bejn il-Gvern tar-Rumanija u l-Gvern ta’ l-Indja magħmul fi New Delhi fl-4 ta' Diċembru 1993, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Indja – Rumanija" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Slovakka u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bi Skeda ffirmat fi Bratislava nhar id-9 ta’ Ottubru 1996, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja - Slovakkja" fl-Anness 2. - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bi Skeda ffirmat fi New Delhi fis-16 ta’ Frar 2004, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Slovenja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern ta' Spanja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fl-10 ta' April 1987, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Indja – Spanja" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi New Delhi fit-8 ta' Novembru 2006, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Spanja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fid-19 ta’ Diċembru 1995, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Indja – Żvezja" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul fi New Delhi fit-30 ta' Novembru 2006, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Żvezja" fl-Anness 2; - Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-1 ta’ Diċembru 1951, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Indja - Renju Unit" fl-Anness 2; Immodifikat bil-Minuti Maqbula magħmula fi New Delhi fit-22 ta’ April 2002; Immodifikat bil-Memorjal Maqbul magħmul f'Londra fil-21 ta’ Ġunju 2002; Immodifikat bil-Memorandum ta' Qbil magħmul f'Londra fis-17 ta' Settembru 2004; Immodifikat bil-Memorandum ta’ Qbil magħmul fi New Delhi fit-13 ta' April 2005; Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta' Qbil magħmul f'Londra fis-26 ta' Awwissu 2005, minn hawn 'il quddiem "il-MtQ Indja – Renju Unit"; (b) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Gvern ta' l-Indja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament - Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja inizjalat f’Ateni fit-23 ta’ Ottubru 1997, minn hawn ’il quddiem "il-Ftehim Indja – Greċja" fl-Anness 2; Immodifikat l-aħħar bil-Minuti Maqbula magħmula f’Ateni fit-30 ta’ Marzu 2007. - Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern ta' l-Irlanda u l-Gvern ta’ l-Indja magħmul ġewwa [ post ] fi [ data ], minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Indja – Irlanda" fl-Anness 2; ANNESS 2 Lista ta' Artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim (a) Id-deżinjazzjoni minn Stat Membru: - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Awstrija; - l-Artikolu 3, il-Paragrafi 1 sa 5 tal-Ftehim Indja - Belġju; - l-Artikolu III tal-Ftehim Indja – Bulgarija; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Ċipru; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Repubblika Ċeka; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Danimarka; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Finlandja; - l-Artikolu 2 tal-Ftehim Indja - Franza; - l-Artikolu 3(i) tal-MtQ Indja - Ġermanja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Greċja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Ungerija; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Irlanda; - l-Artikolu 4.1 tal-MtQ Indja - Italja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Latvja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Litwanja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Lussemburgu; - l-Artikolu 2 tal-Ftehim Indja - Olanda; - l-Artikolu IV tal-Ftehim Indja - Polonja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Portugall; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Rumanija; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Slovakkja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Slovenja; - l-Artikolu 2.5(i) tal-MtQ Indja - Spanja; - l-Artikolu 3 tal-Ftehim Indja - Żvezja; - l-Anness B, l-Artikolu 4 tal-MtQ Indja – Renju Unit; (b) Ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi: - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Awstrija; - l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim Indja - Belġju; - l-Artikolu IV tal-Ftehim Indja – Bulgarija; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Ċipru; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Repubblika Ċeka; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Danimarka; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Finlandja; - l-Artikolu 9 tal-Ftehim Indja - Franza; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Ġermanja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Greċja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Ungerija; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Irlanda; - l-Artikolu 4(4) sa (6) tal-Ftehim Indja - Italja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Latvja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Litwanja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Lussemburgu; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Malta; - l-Artikolu 8 tal-Ftehim Indja - Olanda; - l-Artikolu V tal-Ftehim Indja - Polonja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Portugall; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Rumanija; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Slovakkja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Slovenja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Spanja; - l-Artikolu 4 tal-Ftehim Indja - Żvezja; - l-Anness B, l-Artikolu 5 tal-MtQ Indja – Renju Unit; (c) Is-sikurezza: - l-Appendiċi B tal-MtQ Indja - Danimarka; - l-Appendiċi H tal-MtQ Indja - Finlandja; - l-Appendiċi "C" tal-Ftehim Indja - Greċja; - l-Artikolu 2.5(iv) tal-MtQ Indja - Spanja; - l-Appendiċi B tal-MtQ Indja - Żvezja; - l-Anness B, l-Artikolu 7 tal-MtQ Indja – Renju Unit. ANNESS 3 Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim (a) Ir-Repubblika ta’ l-Iżlanda (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); (b) Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); (c) Ir-Renju tan-Norveġja (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); (d) Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru). HEMŻA Ittra mill-KE u l-Istati Membri tagħha lill-Indja Għażiż… B'segwitu għall-iffirmar fi ... tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru (il-"Ftehim Orizzontali"), għandna l-unur nikkonfermaw dan li ġej: 1. Il-Ftehim Orizzontali ma għandux iżid il-volum totali tad-drittijiet tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja, jew bejn Stati Membri individwali u l-Indja, jewinkella jaffettwa l-bilanċ rigward id-drittijiet tat-traffiku bejn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità u trasportaturi ta' l-ajru ta' l-Indja skond ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru. 2. F'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.3.iv tal-Ftehim Orizzontali huma maħsuba biex jiżguraw li t-trapsortaturi ta' l-ajru tal-Komunità ma jkunux jistgħu jużaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Orizzontali biex iduru ma' limitazzjonijiet eżistenti fuq id-drittijiet tat-traffiku. 3. Jekk, minkejja dawn is-salvagwardji, kwalunkwe waħda mill-partijiet tqis li l-Ftehim Orizzontali jkun ipproduċa jew sejjer jipproduċi effetti negattivi mhux previsti, tista' tinvoka l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 tal-Ftehim Orizzontali. 4. F'dawn il-każijiet, sew l-Indja kif ukoll il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, sejrin jikkonsidraw pożittivament kwalunkwe talba bil-għan li jsewwu effetti negattivi mhux previsti abbażi tal-prinċipji ta' l-opportunitajiet ugwali u tal-benefiċċji reċiproki. [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument ristrett). [2] Id-data tad-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim se tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. [3] ĠU C , , p. . [4] ĠU C , , p. . [5] ĠU C , , p. .