Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Qorti li tiddeċiedi kawża kriminali u li hija konvenuta f’kawża ċivili għad-danni – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Rieda li wieħed jevita arrest – Direttiva (UE) 2016/1919 – Għajnuna legali għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Rimbors – Artikolu 4 – Kriterju ta’ riżorsi – Kriterju ta’ mertu – Artikolu 7 – Sostituzzjoni tal-avukat li jipprovdi servizzi ta’ għajnuna legali”
Fil-Kawża C‑230/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Marzu 2025, fil-proċeduri kriminali kontra
Mihail Mihaylov Stefanov
fil-preżenza ta’:
Sofiyska apelativna prokuratura
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President ta’ Awla, N. Fenger, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, O. Spineanu-Matei u N. Piçarra, imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Frar 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Mihail Mihaylov Stefanov, minnu stess,
– għall-Gvern Ċek, minn J. Benešová, A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Schaeffer, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(a) u (b), tal-Artikolu 4(1) u (4), kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b) u (4) tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40).
2 Din it-talba tressqet fil-proċeduri kriminali kontra Mihail Mihaylov Stefanov għal fatti li jikkonsistu fid-disprezz tal-bandiera tar-Repubblika tal-Bulgarijae u f’fatti ta’ vandaliżmu fil-futbol.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id‑Direttiva 2013/48/KE
3 Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 2), jipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tiegħu:
“Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”
4 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.
Id-Direttiva 2016/343
5 Il-premessi 34 u 35 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:
“(34) Jekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni suspettati jew akkużati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu preżenti waqt il-proċess, huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu data ġdida għall-proċess fiż-żmien previst fil-liġi nazzjonali.
(35) Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.”
6 L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
(a) il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew
(b) il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.
[...]
4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”
7 L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”
Id-Direttiva 2016/1919
8 Il-premessi 1, 2 u 8 tad-Direttiva 2016/1919 huma fformulati kif ġej:
“(1) L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat [...] billi titqiegħed l-assistenza ta’ avukat imħallas mill-Istati Membri għad-dispożizzjoni ta’ persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u ta’ persuni rijkesti li huma soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew [...].
(2) Permezz tal-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin, u b’hekk ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta; deċiżjonjiet f’materji kriminali.
[...]
(8) L-għajnuna legali għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti. Meta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li persuni ssuspettati jew akkużati jew persuni rikjesti jħallsu parti minn dawk l-ispejjeż huma stess, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.”
9 Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
“Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva [2013/48]
(a) jiġu mċaħħda mil-libertà;
(b) jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew
(c) jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta’ ġbir ta’ provi [...]”
10 L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘għajnuna legali’ tfisser il-finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat.”
11 L-Artikolu 4(1) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.
2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.
3. Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f’dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f’konformita’ mal-kriterji applikabbli f’dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat.
4. Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta’ għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
a) fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; u
(b) matul id-detenzjoni.”
12 L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2016/1919
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri meħtieġa, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, biex jiżguraw li:
(a) ikun hemm sistema effikaċi ta’ għajnuna legali li tkun ta’ kwalità adegwata; u
(b) is-servizzi ta’ għajnuna legali jkunu ta’ kwalità adegwata biex jiggarantixxu l-ekwità tal-proċedimenti, filwaqt li tiġi rispettata kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali.
[...]
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom id-dritt, fuq talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom biex jipprovdi servizzi ta’ għajnuna legali jiġi sostitwit, fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan.”
Id‑dritt Bulgaru
13 L-Artikolu 94(1) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprovdi:
“(1) Fi proċeduri kriminali, il-parteċipazzjoni ta’ avukat hija obbligatorja meta:
[...]
6. il-persuna akkużata tiġi mċaħħda mil-libertà;
[...]
8. il-każ ikun qed jiġi eżaminat fl-assenza tal-persuna akkużata;
9. Il-persuna akkużata ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas l-onorarji ta’ avukat, tkun tixtieq tibbenefika mis-servizzi ta’ avukat u l-interessi tal-ġustizzja jkunu jeżiġu dan.
[...]
(3) Meta l-parteċipazzjoni ta’ avukat tkun obbligatorja, l-awtorità kompetenti għandha taħtar avukat difensur.
[...]”
14 Skont il-kliem tal-Artikolu 189(3) tan-NPK:
“Meta l-imputat jinstab ħati, il-qorti għandha tikkundannah għall-ispejjeż, inklużi l-onorarji tal-avukat u l-ispejjeż l-oħra tal-avukat maħtur ex officio, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-prosekuzzjoni privata u mill-parti ċivili, jekk dawn ikunu talbu f’dan is-sens. Meta jkun hemm diversi persuni misjuba ħatja, il-qorti għandha tiddetermina s-sehem li kull waħda minnhom għandha tħallas. eta jkun hemm diversi persuni misjuba ħatja, il-qorti għandha tiddetermina s-sehem li kull waħda minnhom għandha tħallas.”
15 L-Artikolu 247c(1) tan-NPK jipprovdi:
“Kopja tal-att tal-akkuża għandha tintbagħat lill-persuna akkużata fuq ordni tal-imħallef relatur. In-notifika tal-att tal-akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data ffissata għas-seduta preliminari [...] u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 269.”
16 L-Artikolu 269 tan-NPK huwa fformulat kif ġej:
“(1) Fil-kawżi fejn l-imputat ikun ġie indagat minħabba reat kriminali serju, il-preżenza tiegħu waqt is-seduta hija obbligatorja.
(2) Il-qorti tista’ tordna li l-imputat jidher ukoll fil-każijiet fejn il-preżenza tiegħu ma hijiex meħtieġa meta din id-dehra tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-verità oġġettiva.
(3) Sa fejn dan ma jostakolax l-istabbiliment tal-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi deċiża fl-assenza tal-imputat, jekk:
[...]
3. huwa jkun ġie regolarment imħarrek sabiex jidher, ma jkunx ikkomunika raġunijiet validi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ dehra tiegħu u l-proċedura msemmija fl-Artikolu 247b(1) tkun ġiet osservata;
[...]”
17 L-Artikolu 23 taż-Zakon za pravnata pomosht (il-Liġi dwar l-Għajnuna Legali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“(1) Is-sistema ta’ għajnuna legali għandha tinkludi każijiet fejn il-liġi tirrikjedi li d-difiża tkun żgurata permezz ta’ avukat, minn avukat sostitut jew minn rappreżentant legali.
(2) Is-sistema tal-għajnuna legali tkopri wkoll każijiet fejn l-imputat, il-persuna akkużata jew il-parti f’kawża kriminali, ċivili jew amministrattiva ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat, u jkunu jixtiequ li jkollhom din l-assistenza u l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan. F’dawn il-każijiet, il-persuna ma hijiex obbligata tirrimborsa l-ispejjeż għall-għajnuna legali mogħtija.”
18 L-Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:
“[...] Id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali għandha tittieħed [... ] Ir-rifjut li tingħata għajnuna legali għandu jkun motivat u jista’ jiġi kkontestat kif xieraq.”
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għal fatti li jikkonsistu fid-disprezz tal-bandiera tar-Repubblika tal-Bulgarija u għal fatti ta’ vandaliżmu fil-futbol, M. Mihaylov Stefanov tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja matul il-perijodu ta’ bejn l‑4 ta’ Ġunju 2018 u l‑14 ta’ Marzu 2019.
20 Wara proċedura tal-ewwel istanza li matulha huwa deher personalment, assistit minn avukat maħtur ex officio, huwa ġie kkundannat kriminalment permezz ta’ sentenza tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija).
21 Adita b’appell ippreżentat minn M. Mihaylov Stefanov, l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) annullat din is-sentenza, minħabba difett proċedurali, u bagħtet lura l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti ieħor tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).
22 Matul it-tieni proċedura tal-ewwel istanza quddiem din l-aħħar qorti, M. Mihaylov Stefanov irrinunzja għall-avukat tiegħu maħtur ex officio. Sussegwentement, huwa deher personalment, assistit minn avukat ġdid maħtur ex officio. Madankollu, huwa telaq mill-awla tas-seduta, waqt l-aħħar seduta, wara li ġie kkundannat għal multa għal ksur tal-ordni pubbliku. Fi tmiem din it-tieni proċedura tal-ewwel istanza, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), għal darba oħra, ikkundannat kriminalment lil M. Mihaylov Stefanov.
23 Dan tal-aħħar appella mis-sentenza mogħtija fi tmiem l-imsemmija tieni proċedura tal-ewwel istanza quddiem l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata). Matul il-proċedura ta’ appell quddiem din il-qorti, huwa talab ir-rikuża tal-awla adita, billi invoka l-preżentata ta’ rikors għad-danni ċivili kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Bulgarija, kontra l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u kontra l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) intiż sabiex jinkiseb kumpens għal diversi danni marbuta, fil-fehma tiegħu, mad-detenzjoni provviżorja tiegħu. M. Mihaylov Stefanov talab ukoll li l-ewwel avukat li ddefendih jerġa’ jinħatar ex officio. Wara r-rifjut tal-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) li tilqa’ t-talba tiegħu, huwa rrinunzja għall-għajnuna legali. Fi tmiem din it-tieni proċedura ta’ appell, din il-qorti kkonfermat il-kundanna ta’ M. Mihaylov Stefanov għal reati mwettqa fid‑29 ta’ Mejju 2018, iżda ddeċidiet li tilliberah għal reati relatati ma’ fatti li seħħew fit‑2 ta’ Ġunju 2018.
24 M. Mihaylov Stefanov ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra t-tieni sentenza ta’ appell quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa ddikjara bil-miktub li kien irrinunzja għall-assistenza tal-avukat maħtur ex officio, li kien ġie assenjat lilu. L-imsemmija proċedura madankollu kompliet fil-preżenza tal-imsemmi avukat. Fi tmiem l-istess proċedura, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), annullat kemm din it-tieni sentenza tal-appell kif ukoll is-sentenza mogħtija fi tmiem it-tieni proċedura tal-ewwel istanza u bagħtet lura l-kawża li għandha bħala suġġett il-proċeduri kriminali mibdija kontra M. Mihaylov Stefanov quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), b’istruzzjoni sabiex titwettaq perizja mediko-legali, psikjatrika u psikoloġika.
25 Wara t-twettiq ta’ din il-perizja, ġie ppreżentat att ta’ akkuża ġdid li jirrigwarda biss il-fatti mwettqa fid‑29 ta’ Mejju 2018 quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata). Fil-kuntest tal-eżami ta’ talba ta’ M. Mihaylov Stefanov intiża għar-rikuża tal-imħallfin kollha ta’ din il-qorti, din tal-aħħar issospendiet il-proċeduri quddiemha u marret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, irreġistrata bin-Numru C‑373/22.
26 Il-kawża li għandha bħala suġġett il-proċeduri kriminali mibdija kontra M. Mihaylov Stefanov ġiet assenjata mill-ġdid lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), wara t-tneħħija, fis‑27 ta’ Lulju 2022, tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).
27 Din il-qorti rtirat it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑373/22. Quddiem l-imsemmija qorti, M. Mihaylov Stefanov, qabel kollox, talab ir-rikuża tal-kulleġġi ġudikanti kollha tagħha. Sussegwentement, huwa rrevoka suċċessivament tliet avukati maħtura ex officio, qabel ma l-istess qorti rrifjutat ir-revoka tar-raba’ avukat maħtur ex officio. Fl-aħħar nett, huwa ddikjara li ma kienx ser jippreżenta ruħu għas-seduti, sabiex jevita li jiġi arrestat fil-kuntest ta’ kawża kriminali oħra, u talab, mingħajr suċċess, li s-seduti jiġu organizzati permezz ta’ vidjokonferenza. Huwa madankollu ppreżenta ruħu fl-aħħar seduta u talab li s-seduta preliminari u l-interrogatorji kollha jiġu rrepetuti fil-preżenza tiegħu, ħaġa li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) irrifjutat. Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2023, din il-qorti kkundannat lil M. Mihaylov Stefanov għal sena u għaxar xhur priġunerija għar-reati li huwa kien akkużat bihom, kif ukoll għall-ispejjeż li jinkludu l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali.
28 M. Mihaylov Stefanov appella minn din it-tielet sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Apelativen sad ‑ Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.
29 Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-mertu tat-talba, imressqa minn M. Mihaylov Stefanov, intiża għar-rikuża tal-membri kollha tiegħu, minħabba li dawn huwa konvenuti fl-azzjoni għad-danni ċivili li huwa ressaq, kif ukoll dwar il-mertu tat-talba simili mressqa fl-ewwel istanza.
30 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma teżistix rabta diretta bejn il-proċedura mibdija quddiemha u l-azzjoni għad-danni ċivili mressqa minn M. Mihaylov Stefanov, peress li hija ma hijiex mitluba teżamina l-legalità tad-detenzjoni provviżorja imposta fuq dan tal-aħħar. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li d-danni li jistgħu eventwalment jingħatawlha joriġinaw minn pożizzjoni baġitarja speċifika, b’tali mod li l-istatus tal-imħallfin ikkonċernati ma huwiex affettwat minn tali għoti. Barra minn hekk, il-membri ta’ din il-qorti u tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) involuti fit-trattament tal-kawża prinċipali ma kellhomx influwenza fuq id-detenzjoni provviżorja ta’ M. Mihaylov Stefanov.
31 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċedura quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) żvolġiet fil-kontumaċja fir-rigward ta’ M. Mihaylov Stefanov, wara li dan ġie informat bid-dati tas-seduti u bil-fatt li, jekk ma kienx ser ikun preżenti għal dawn is-seduti mingħajr raġuni valida, il-kawża ser tkun deċiża fl-assenza tiegħu. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk id-dikjarazzjoni ripetuta ta’ M. Mihaylov Stefanov li l-assenza tiegħu kienet intiża sabiex tevita li jiġi arrestat fil-kuntest ta’ kawża kriminali oħra għandhiex titqies li tesprimi rinunzja espliċita u inekwivoka għad-dritt tiegħu li jkun preżenti fil-proċess tiegħu jew, għall-kuntrarju, bħala li tikkostitwixxi l-espożizzjoni ta’ raġuni li ma taqax taħt il-kontroll tiegħu li tipprekludih milli jkun preżenti f’dan il-proċess, fis-sens tal-premessa 34 tad-Direttiva 2016/343. Jekk it-tieni ipoteżi kellha tiġi aċċettata, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-parteċipazzjoni fis-seduti dwar il-ġbir u l-eżami tal-provi fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura kriminali hijiex suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.
32 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li M. Mihaylov Stefanov jiġi obbligat iħallas l-ispejjeż relatati mal-għajnuna legali, fil-każ li jiġi kkundannat. Hija tenfasizza li d-dritt Bulgaru jipprevedi l-għoti ta’ għajnuna legali b’mod partikolari meta l-persuna akkużata tkun taħt detenzjoni, mingħajr ma tiġi eżaminata s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, jew meta din il-persuna ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tibbenefika mis-servizzi ta’ avukat għalkemm l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan. Barra minn hekk, dan id-dritt jimponi r-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali mill-persuni li bbenefikaw mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħhom, iżda mhux minn dawk li bbenefikaw minn din l-għajnuna minħabba li huma ma kellhomx riżorsi suffiċjenti sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom. Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (4) tad-Direttiva 2016/1919, din il-qorti tipprevedi li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni akkużati jistgħu jiġu assimilati kompletament, peress li l-kriterju ta’ riżorsi ma huwiex applikabbli għall-persuni detenuti.
33 Din il-qorti tqis li għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-obbligu li jiġu rrimborsati l-ispejjeż kollha marbuta mal-għajnuna legali, impost mil-leġiżlazzjoni Bulgara fuq il-persuni kkundannati li bbenefikaw minn din l-għajnuna minħabba d-detenzjoni tagħhom huwiex konformi mal-premessa 8 ta’ din id-direttiva, li ssemmi t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi li għandhom dawn il-persuni.
34 Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk persuna akkużata għandhiex tkun tista’ tikseb is-sostituzzjoni tal-avukat tagħha maħtur ex officio minħabba assenza ta’ kuntatti bejn din il-persuna u dan l-avukat, filwaqt li hija stess tostakola dawn il-kuntatti u tfittex li ddewwem iż-żamma tal-proċess tagħha.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) F’sitwazzjoni fejn il-qorti, li tkun tat jew tkun ser tagħti deċiżjoni f’kawża kriminali, tkun fl-istess ħin il-konvenuta f’kawża ċivili, miftuħa mill-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali minħabba li fl-istess kawża kriminali twettaq ksur mill-qorti, li s-suċċessur legali tagħha huwa u ser ikun finanzjarjament responsabbli fil-każ li tintlaqa’ l-kawża ċivili, tali sitwazzjoni tkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u jkun hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq mill-aspett li kawża għandha tinqata’ minn qorti imparzjali u indipendenti?
2) Mill-Artikolu 8(1) u (2) kif ukoll mill-premessi 34 u 35 tad-Direttiva [2016/343] jirriżulta li s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali, fis-sens li tixtieq tkun preżenti għall-proċess ġudizzjarju iżda li ma hijiex ser tidher u ser taħrab, sabiex ma tiġix arrestata minħabba kawża oħra, jikkostitwixxu rinunzja espliċita u inekwivoka min-naħa ta’ din il-persuna għad-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċess ġudizzjarju jew għandhom jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħha li minħabba fihom ma tkunx f’pożizzjoni li tkun preżenti għall-proċess ġudizzjarju?
3) Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li s-sitwazzjoni deskritta tirrappreżenta raġuni lil hinn mill-kontroll tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li minħabba fiha din il-persuna ma kinitx f’pożizzjoni li tkun preżenti għall-proċess ġudizzjarju, ikun hemm lok li tintlaqa’ t-talba tagħha għall-eżami mill-ġdid, fil-preżenza tagħha, tax-xhieda u tal-esperti kollha fi proċedura ġudizzjarja miftuħa fuq l-appell tagħha minn sentenza f’materji kriminali f’sitwazzjoni fejn, preċedentement għall-proċedura in absentia li fiha ngħatat is-sentenza f’materji kriminali appellata, l-istess akkuża kienet ġiet eżaminata darbtejn minn qorti, il-persuna mressqa quddiem qorti kriminali kienet preżenti għall-proċess ġudizzjarju, għamlet il-mistoqsijiet tagħha lix-xhieda u lill-esperti u ma hemm ebda differenza bejn ix-xhieda mogħtija u l-konklużjonijiet tal-esperti mogħtija fiż-żewġ eżamijiet preċedenti tal-akkuża u dawk mogħtija fil-proċedura in absentia?
4) L-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 4(1) u (4), ikkunsidrati flimkien mal-premessi 8 u 17 [ta’ din id-direttiva], għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuni akkużati u persuni mressqa quddiem qorti kriminali, li jkunu miżmuma taħt arrest, irrispettivament minn jekk ikollhomx riżorsi suffiċjenti sabiex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat, għandhom jiġu trattati daqslikieku huma persuni ssuspettati u akkużati li ma għandhomx tali riżorsi u li jingħataw għajnuna legali inkwantu dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja?
5) Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, f’dan il-każ tkun konformi mal-premessa 8 tad-Direttiva 2016/1919 dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, meta l-għajnuna legali tingħata skont il-liġi, li tipprevedi obbligatorjament l-assistenza ta’ avukat fil-każijiet fejn il-persuni akkużati jew il-persuni mressqa quddiem qorti kriminali jkunu miżmuma taħt arrest, dawn il-persuni jkunu obbligati jħallsu lura l-ispejjeż tal-għajnuna legali mogħtija, u dan mingħajr ma jiġi vverifikat jekk l-imsemmija persuni għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat?
6) L-Artikolu 7(1)(b) u (4), ikkunsidrat flimkien mal-premessa 25 tad-Direttiva 2016/1919, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti tirrifjuta li l-persuna akkużata jew il-persuna mressqa quddiem qorti kriminali tissostitwixxi l-avukat li jkun tqabbad sabiex jipprovdi s-servizz ta’ għajnuna legali meta tikkonstata li l-persuna mressqa quddiem qorti kriminali tkun qiegħda intenzjonalment tevita li tistabbilixxi kuntatt mal-avukat li jkun qiegħed jirrappreżentaha bil-għan li ssostni li ma hijiex tingħata għajnuna legali, u għalhekk ma huwiex ikun qiegħed jiġi ggarantit id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, u li t-talba għas-sostituzzjoni jkollha l-għan li toħloq dewmien il-proċess ġudizzjarju?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
36 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti tista’ tiddeċiedi dwar kawża kriminali, li fiha hija għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi 2016/343 u 2016/1919, filwaqt li hija għandha l-kwalità ta’ konvenuta f’kawża li għandha bħala suġġett rikors għad-danni ċivili, ippreżentat mill-persuna akkużata f’din il-kawża kriminali, relatat ma’ allegat ksur tad-dritt nazzjonali matul fażi preċedenti tal-proċedura fl-imsemmija kawża kriminali.
37 Minn naħa, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, oqsma li jagħmlu parti minnhom l-aspetti tal-proċeduri kriminali koperti mid-Direttivi 2016/343 u 2016/1919 li huma s-suġġett tat-tieni sas-sitt domanda.
38 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiddikjara b’mod partikolari d-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, japplika għall-Istati Membri konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti kriminali għandha tiddeċiedi dwar aspetti tal-proċeduri kriminali koperti minn dawn id-direttivi.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-Artikolu 47 tal-Karta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jista’ jinkiser minn kull ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, il-konstatazzjoni ta’ ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tippreżupponi l-eżistenza ta’ problemi sistemiċi li jistgħu jimminaw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali billi jqiegħdu f’periklu l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li joffri rimedji suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Sociedad Civil Catalana, C‑523/24, EU:C:2026:588, punt 115).
40 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponi rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati li jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jirrikjedi li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe organu ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk ikun protett kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 B’hekk, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jiddikjaraw l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, b’mod partikolari fir-rigward tan-newtralità tal-qorti inkwistjoni fir-rigward tal-interessi opposti (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Fejn jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ “imparzjalità”, l-evalwazzjoni oġġettiva tagħha, li hija l-unika waħda rilevanti f’dan il-każ fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk din il-qorti offrietx, b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni tagħha, garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha. B’hekk, wieħed għandu jistaqsi jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallfin, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jiġġustifikawx li tiġi ssuspettata l-imparzjalità ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ importanza. Sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti jikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk dan it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat il-każ partikolari li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak ta’ qorti mitluba tiddeċiedi dwar kawża kriminali, li fiha hija għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi 2016/343 u 2016/1919, filwaqt li hija għandha l-kwalità ta’ konvenuta f’kawża li għandha bħala suġġett rikors għad-danni ċivili, ippreżentat mill-persuna akkużata f’din il-kawża kriminali, relatat ma’ ksur allegat tad-dritt nazzjonali matul fażi preċedenti tal-proċedura fl-imsemmija kawża kriminali.
45 Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom jisiltu mid-Direttivi 2016/343 u 2016/1919. Bla ħsara għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali li jirriżultaw mis-sistema legali tal-Unjoni, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetenza li tista’ tqajjem, fuq livell ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet legali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 33 is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2024, Köbler, C‑224/23, EU:C:2003:1043, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
46 F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, Stat Membru ma huwiex ipprojbit milli jindika qorti bħala li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar kawża kriminali fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, sakemm il-miżuri neċessarji jittieħdu sabiex jiġu ggarantiti l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din il-qorti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza (ara, b’ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Fil-fatt, peress li r-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati ma jeskludix neċessarjament li qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi dwar kawża, li fiha din il-qorti għandha l-kwalità ta’ konvenuta, dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza mogħtija mill-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 51), is-sempliċi fatt li persuna ppreżentat rikors għad-danni u li qorti kriminali għandha l-kwalità ta’ konvenuta fil-kawża li għandha bħala suġġett dan ir-rikors, ma jistax, a fortiori, jimplika, b’mod sistematiku, li din il-qorti ma tistax tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ din il-persuna.
48 Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja tippermetti lill-persuna akkużata, bis-sempliċi eżerċizzju ta’ rikors għad-danni, li tostakola, jekk ikun il-każ b’mod ripetut, l-iżvolġiment tajjeb ta’ azzjoni kriminali.
49 Ir-rwol hekk fdat lil tali qorti kriminali jippreżupponi madankollu li jiġu offruti garanziji suffiċjenti sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati.
50 F’dan il-każ, ir-riskju ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità li fuqu hija bbażata l-ewwel domanda huwa li l-membri tal-qorti li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi f’kawża kriminali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jidhru oġġettivament jew bħala li għandhom interess li jagħtu sentenza sfavorevoli għall-persuna akkużata sabiex jiġi ostakolat is-suċċess tar-rikors għad-danni ċivili li hija ppreżentat, jew bħala li għandhom preġudizzju negattiv kontriha minħabba l-preżentata ta’ dan ir-rikors.
51 Issa, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin, għandu jitfakkar li r-regoli applikabbli għall-istatus tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ mħallef għandhom jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 F’dan ir-rigward, serje ta’ elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhru, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jeskludu kull riskju li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-persuna akkużata tkun ippreżentat rikors għad-danni jista’ jagħti lok għal dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-imparzjalità tal-qrati kriminali aditi bil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-interessi inkwistjoni f’din il-proċedura.
53 B’hekk, fl-ewwel lok, minn dan il-proċess ma jirriżultax li l-imħallfin tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u tal-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) ma jgawdux, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, salvagwardji li jistgħu jiżguraw, b’mod ġenerali, l-imparzjalità tagħhom; madankollu hija l-qorti tat-rinviju li għandha tivverifika dan.
54 Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku ta’ eventwali rabtiet bejn l-imħallfin mitluba jiddeċiedu fil-kawża prinċipali u r-rikors għad-danni ppreżentat minn M. Mihaylov Stefanov, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-membri tal-kulleġġi ġudikanti rilevanti tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u tal-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) ma kinux involuti fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li fuqhom M. Mihaylov Stefanov jibbaża ruħu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni.
55 Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u l-Apelativen sad ‑ Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) għandhom il-kwalità ta’ konvenuti fil-kawża li għandha bħala suġġett l-imsemmi rikors għad-danni mhux minħabba r-rwol allegat ta’ dawn il-qrati fil-fatti invokati insostenn tar-responsabbiltà allegata, iżda minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tattribwixxi lill-imsemmija qrati r-responsabbiltà li jissuċċedu lill-qrati li kienu involuti f’dawn il-fatti. Minn dan isegwi li l-istess rikors għad-danni ma jirrigwardax, b’mod definittiv, atti tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) jew tal-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija).
56 Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni li għandha tingħata fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun, jew tagħti l-apparenza li hija, influwenzata mill-eżami tar-rikors għad-danni ppreżentat minn M. Mihaylov Stefanov.
57 Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dawl tas-suġġett ta’ dan ir-rikors, id-deċiżjoni li għandha tingħata fil-proċeduri kriminali tkun nieqsa minn kull konsegwenza fuq l-eżami tal-imsemmi rikors.
58 Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika li din id-deċiżjoni ma tiddependix mill-evalwazzjoni li ser issir fuq il-fatti invokati insostenn tar-rikors għad-danni ppreżentat minn M. Mihaylov Stefanov, b’tali mod li l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni jista’ jiġi ddeterminat indipendentement mill-eżitu tal-eżami ta’ dan ir-rikors.
59 Fir-raba’ lok, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza u imparzjalità tal-imħallfin f’sitwazzjoni bħal dik fil-proċeduri prinċipali, huwa meħtieġ li l-imħallfin imsejħa biex jiddeċiedu fil-proċeduri kriminali fil-proċeduri prinċipali ma jkollhom ebda rwol fid-difiża tal-qrati kriminali kkonċernati matul il-proċeduri ċivili (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 38), kemm jekk billi tirrappreżenta waħda minn dawn il-qrati, billi tiddetermina l-persuna jew il-persuni msejħa sabiex jirrappreżentawhom jew ukoll billi tagħti istruzzjonijiet lil dawn il-persuni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-membri tal-kulleġġi ġudikanti rilevanti tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u tal-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija).
60 Fil-ħames lok, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-membri ta’ dawn il-kulleġġi ġudikanti t-taħriġ ma jistgħux jinbidlu fil-każ ta’ kundanna eventwali tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u tal-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) għall-ħlas tad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli baġitarji li jirregolaw il-ħlas ta’ danni potenzjali konsekuttivi għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali ma humiex tali li jqajmu dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza jew tal-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 46).
61 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑5 ta’ April 2018, Boyan Gospodinov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2018:0405JUD002841707), u tal‑10 ta’ April 2018, Mihalkov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2008:0410JUD006771901), li fihom ġie kkonstatat nuqqas ta’ imparzjalità tal-qrati Bulgari b’rabta mal-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ tali qrati, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw tali konstatazzjonijiet huma differenti minn dawk stabbiliti fil-punti 52 sa 60 ta’ din is-sentenza.
62 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riskju ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati li huwa inkwistjoni f’dan il-każ, anki jekk iseħħ, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li joħloq problemi ta’ portata tali li huma ta’ natura sistemika, li jistgħu jagħtu lok għal ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
63 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti tista’ tiddeċiedi dwar kawża kriminali, li fiha hija għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi 2016/343 u 2016/1919, filwaqt li hija għandha l-kwalità ta’ konvenuta f’kawża li għandha bħala suġġett rikors għad-danni ċivili, ippreżentata mill-persuna akkużata f’din il-kawża kriminali, li jirrigwarda allegat ksur tad-dritt nazzjonali matul fażi preċedenti tal-proċedura fl-imsemmija kawża kriminali, sakemm din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri meħuda għat-trattament tal-istess kawża kriminali jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata.
Fuq it-tieni domanda
64 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, M. Mihaylov Stefanov jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tieni domanda b’tali mod li, jekk din il-proposta kellha tiġi segwita, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tirrispondi għal domanda kompletament differenti minn dik magħmula mill-qorti tar-rinviju.
65 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 1965, Singer, 44/65, EU:C:1965:122, p. 1198, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Voore Mets u Lemeks Põlva, C‑784/23, EU:C:2025:609, punt 40).
66 Minn dan isegwi li l-proposta ta’ riformulazzjoni tat-tieni domanda fformulata minn M. Mihaylov Stefanov ma tistax tiġi segwita.
67 Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja din tista’ tieħu mill-kliem tad-domandi fformulati mill-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija minnha, l-elementi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex il-qorti tkun tista’ ssolvi l-problema legali li titressaq quddiemha (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1987, X, 14/86, EU:C:1987:275, punt 16, u tat‑8 ta’ Novembru 2012, Gülbahce, C‑268/11, EU:C:2012:695, punt 32).
68 F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-tieni domanda magħmula tirrigwarda, b’mod definittiv, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom proċess jista’ validament jinżamm fl-assenza tal-persuna akkużata, fid-dawl tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343.
69 Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-premessi 34 u 35 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li proċess jista’ jinżamm fl-assenza tal-persuna akkużata, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta din il-persuna, informata fi żmien xieraq biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, tkun iddikjarat li tixtieq tipparteċipa fil-proċess tagħha, iżda indikat li hija ma kinitx ser tidher, sabiex tevita arrest abbażi ta’ proċedura kriminali oħra.
70 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali”. Bħalma tikkonferma espressament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev, C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 31 u tat‑23 ta’ April 2026, Casotta, C‑24/26 PPU, EU:C:2026:333, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
71 L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, konsegwentement, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.
72 L-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jipprovdi, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata jista’ jinżamm fl-assenza tagħha, kemm-il darba jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Meta tali proċess iseħħ meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 8(2) ma jkunux issodisfatti, il-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li għandhom effett dirett, id-dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, [...] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev, C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
73 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 huma applikabbli alternattivament u jistabbilixxu, kull wieħed minnhom, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li l-ewwel waħda minnhom, li hija komuni għaż-żewġ punti, teżiġi li l-persuna akkużata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2026, Kachev, C‑135/26 PPU, EU:C:2025:366, punt 34 u tat‑23 ta’ April 2026, Casotta, C‑24/26 PPU, EU:C:2026:333, punt 103).
74 It-tieni kundizzjoni meħtieġa sabiex il-persuna kkundannata in absentia tkun tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid tista’ tiġi ssodisfatta jew, konformement mal-Artikolu 8(2)(a) u (4) tad-Direttiva 2016/343, jekk hija tkun ġiet informata wkoll, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fil-proċess tagħha jew, skont l-Artikolu 8(2)(b) u (4) ta’ din id-direttiva, jekk l-imsemmija persuna setgħet titqies li fil-proċess tagħha kienet irrappreżentata minn avukat imqabbad, li jkun ġie magħżul minnha jew mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev, C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, punt 38, u tat‑23 ta’ April 2026, Casotta, C‑24/26 PPU, EU:C:2026:333, punt 106).
75 F’dan il-każ, it-tieni domanda tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-persuna akkużata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, b’tali mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343 għandhom jitqiesu li huma ssodisfatti.
76 Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva huma intiżi li jidentifikaw is-sitwazzjonijiet li fihom hemm lok li jiġi preżunt li l-persuna akkużata rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti fil-proċess tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 34) u tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
77 Billi ddefinixxa dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ikkonkretizza l-prinċipju stabbilit fil-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, li jgħid li, peress li d-dritt tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha ma huwiex ta’ natura assoluta, meta din tal-ewwel jew tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jirrinunzjaw għalih, taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod espress jew taċitu, iżda inekwivokabbli.
78 Madankollu, fid-dawl tan-natura relattivament ġenerali tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 u tal-funzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari ħafna, jista’ jitqies li l-persuna akkużata ma rrinunzjatx volontarjament għall-proċess tagħha, minkejja li hija ma ppreżentatx ruħha hemmhekk u li l-informazzjoni tagħha kienet fil-fatt ġiet żgurata konformement mal-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva.
79 B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li dan l-Artikolu 8(2) jipprekludi ż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata, meta din tkun prekluża minn kull possibbiltà reali li tkun preżenti fil-proċess tagħha, għaliex tkun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma jkunu ġew previsti miżuri li jippermettu li jiġi awtorizzat id-dħul tagħha f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 59 u 61).
80 Skont il-premessa 34 tad-Direttiva 2016/343, jekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, huma għandhom ikollhom il-possibbiltà li dan iseħħ f’data oħra, fit-termini previsti fid-dritt nazzjonali.
81 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika msemmija mill-qorti tar-rinviju, li persuna akkużata li tfittex li tevita li tiġi legalment arrestata mill-awtoritajiet kompetenti tieħu deliberatament id-deċiżjoni li tostakola l-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja kriminali.
82 Tali għażla ma tistax għalhekk, fi kwalunkwe każ, titqies li tikkostitwixxi raġuni li ma taqax taħt il-kontroll ta’ din il-persuna ta’ natura li tistabbilixxi li kien impossibbli għaliha li tkun preżenti fil-proċess tagħha u li l-assenza tagħha f’dan il-proċess kienet għalhekk indipendenti mir-rieda tagħha.
83 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-premessi 34 u 35 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċess jista’ jsir fl-assenza tal-persuna akkużata, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta din il-persuna, infurmata fi żmien xieraq biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, tkun iddikjarat li tixtieq tipparteċipa fil-proċess tagħha, iżda indikat li hija ma kinitx ser tidher, sabiex tevita arrest abbażi ta’ proċedura kriminali oħra.
Fuq it-tielet domanda
84 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda
Fuq l-ammissibbiltà
85 M. Mihaylov Stefanov isostni li r-raba’ u l-ħames domanda huma inammissibbli. Minn naħa, huwa jsostni li r-raba’ domanda hija irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali, peress li wera li huwa nieqsa minn riżorsi. Min-naħa l-oħra, il-ħames domanda ma għandhiex rabta ma’ din il-proċedura, sa fejn ma tqegħidx taħt detenzjoni matul il-fażi tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali mmexxija quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u l-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija).
86 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 8 u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61).
87 Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62).
88 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-raba’ domanda ma hijiex ibbażata fuq il-premessa li M. Mihaylov Stefanov għandu riżorsi suffiċjenti sabiex jikseb l-assistenza ta’ avukat. Il-qorti tar-rinviju, li hi waħedha kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30, u tad‑19 ta’ Marzu 2026, Oblastní nemocnice Kolín, C‑513/24, EU:C:2026:214, punt 26), barra minn hekk irrilevat espliċitament li M. Mihaylov Stefanov ma kellux tali riżorsi. F’dan il-kuntest, mill-ispjegazzjonijiet tagħha jirriżulta li hija għamlet ir-raba’ domanda għaliex tibża’ li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li persuna li tkun ibbenefikat mill-għajnuna legali minħabba l-priġunerija tagħha tkun tista’ tiġi obbligata tirrimborsa din l-għajnuna. Issa, tali soluzzjoni hija rilevanti għal persuna akkużata li, bħal M. Mihaylov Stefanov, ma għandhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tikseb l-assistenza ta’ avukat.
89 Fit-tieni lok, għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta effettivament li M. Mihaylov Stefanov ma nżammx taħt detenzjoni matul il-fażi tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali mmexxija quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u l-Apelativen sadSofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija), mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tqis li hija għandha, skont ir-regoli nazzjonali tal-proċedura applikabbli, tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura kriminali kollha fil-kawża prinċipali, inkluż fir-rigward tal-perijodu li matulu M. Mihaylov Stefanov kien detenut.
90 Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontesta din l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, ex officio, peress li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2024, ERB New Europe Funding II, C‑178/23, EU:C:2024:943, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
91 Konsegwentement, l-argumenti invokati minn M. Mihaylov Stefanov ma humiex biżżejjed sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-raba’ u l-ħames domanda huma ammissibbli.
Fuq il-mertu
92 Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħha tista’ tkun obbligata tirrimborsa din l-għajnuna, mingħajr ma jiġi vverifikat li hija għandha riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan, filwaqt li persuna akkużata li kisbet din l-għajnuna minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha ma hijiex suġġetta għal tali obbligu.
93 L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi li din tapplika, b’mod partikolari, għall-persuni akkużati li jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48 u li huma jew imċaħħda mil-libertà jew meħtieġa li jkunu assistiti minn avukat.
94 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48 jippreċiża li din id-direttiva tapplika, b’mod partikolari, għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, mill-mument li fih jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma akkużati li wettqu reat. Tali persuni jibbenefikaw, konformement mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, mid-dritt ta’ aċċess għal avukat.
95 Mill-kombinazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2(1) u ta’ dan l-Artikolu 3 jirriżulta li persuna akkużata kriminalment bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibbenefika minn dan id-dritt, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/1919 meta tkun imċaħħda mil-libertà jew meta tkun obbligata li tiġi assistita minn avukat.
96 L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi sabiex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.
97 L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi l-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.
98 Il-portata li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-kriterji ta’ riżorsi u ta’ mertu hija, barra minn hekk, ippreċiżata fl-Artikolu 4(3) u (4) tal-istess direttiva.
99 Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu l-għajnuna legali, skont id-Direttiva 2016/1919, biss meta ż-żewġ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tagħha jkunu ssodisfatti, iżda l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun indika b’mod ċar li huma jistgħu jagħtu din l-għajnuna abbażi tal-verifika ta’ wieħed biss minn dawn il-kriterji.
100 F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919 prevista mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-persuni li bbenefikaw mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħhom għandhom, indipendentement mir-riżorsi tagħhom, jiġu kompletament assimilati mal-persuni li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat, ma tistax tintlaqa’.
101 Ċertament, l-Artikolu 4(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fi kwalunkwe każ, il-kriterju tal-mertu għandu jitqies li ġie ssodisfatt matul id-detenzjoni.
102 Madankollu, mill-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu kumulattivament jew alternattivament kriterji ta’ riżorsi jew ta’ mertu sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata. Minn dan isegwi li dawn iż-żewġ kriterji għandhom jitqiesu li huma awtonomi.
103 Għaldaqstant, għalkemm mill-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta effettivament li persuna akkużata tissodisfa neċessarjament il-kriterju ta’ mertu matul id-detenzjoni tagħha, minn dan ma jirriżultax li din il-persuna tissodisfa wkoll il-kriterju ta’ riżorsi jew li l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li ma japplikax dan l-aħħar kriterju fil-konfront tagħha.
104 Minn dan isegwi li l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ma għandux l-effett li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu lill-persuni akkużati li huma detenuti, indipendentement mir-riżorsi tagħhom, drittijiet fil-qasam tal-għajnuna legali li jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-persuni li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat.
105 Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimponu, b’mod sistematiku, fuq il-persuni akkużati li lilhom ingħatat l-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħhom, ir-rimbors ta’ din l-għajnuna, fil-każ fejn huma ġew ikkundannati fi tmiem il-proċeduri kriminali li għalihom ingħatat l-imsemmija għajnuna.
106 Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/1919 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għajnuna legali” bħala li jirreferi għall-“finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”.
107 Din id-definizzjoni donnha tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-għoti tal-għajnuna legali mhux bħala li sempliċement jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat iħallas bil-quddiem l-ispejjeż neċessarji għal din l-assistenza, iżda bħala li jimplika, bħala prinċipju, it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż minn dan l-Istat Membru.
108 Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva hija kkorroborata mill-preambolu tagħha.
109 Minn naħa, il-premessa 1 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li din id-direttiva għandha tippermetti lill-persuni li hija ssemmi “l-assistenza ta’ avukat imħallas mill-Istati Membri”. Bl-użu tal-kelma “remunerat”, il-premessa 1 tirreferi għall-idea li l-assistenza tal-persuna akkużata minn avukat għandha tiġi sostnuta mill-Istat Membru kkonċernat.
110 Min-naħa l-oħra, li jiġi ggarantit li l-ispejjeż tal-għajnuna legali jiġu, fl-aħħar mill-aħħar, sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat, meta l-persuna akkużata ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tikseb l-assistenza ta’ avukat u meta l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu l-għoti ta’ tali għajnuna, hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-effettività tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u b’hekk issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra, konformement mal-għanijiet stabbiliti fil-premessi 1 u 2 tal-istess direttiva.
111 Tali garanzija tippermetti għalhekk b’mod partikolari li jiġi evitat, fl-Unjoni kollha, li persuna akkużata tirrinunzja għall-assistenza ta’ avukat, meta l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan, jew tirrinunzja li teżerċita rimedju li jippreżupponi tali assistenza, bl-għan li jiġi evitat li tiġi imposta fuqha, fil-każ ta’ kundanna, piż finanzjarju li jkun diffiċli għaliha li tħallas.
112 Konsegwentement, id-“dritt għal għajnuna legali” ggarantit lil ċerti partijiet fil-kawża, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/1919, għandu jinftiehem bħala dritt, għal dawn il-partijiet fil-kawża, li jiksbu l-finanzjament, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-assistenza ta’ avukat, meta ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.
113 Madankollu, meta persuna akkużata tibbenefika minn dan id-dritt minħabba d-detenzjoni tagħha u n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha, il-benefiċċju tal-imsemmi dritt ma jestendix lil hinn mill-perijodu ta’ detenzjoni, sakemm il-kriterju tal-mertu ma jkunx issodisfatt fuq bażi oħra.
114 Barra minn hekk, il-portata preċiża tal-obbligu ta’ finanzjament tal-assistenza ta’ avukat li tirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/1919 għandha tiġi ddeterminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 8 ta’ din id-direttiva, li tindika b’mod partikolari li, meta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jeżiġu li l-persuni ssuspettati, il-persuni akkużati jew il-persuni li l-konsenja tagħhom hija mitluba jbatu huma stess parti mill-ispejjeż tad-difiża tagħhom, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.
115 Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax dispożizzjoni li tindika b’mod preċiż kif għandu jiġi artikolat l-obbligu ta’ finanzjament tal-assistenza ta’ avukat b’eventwali parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fl-ispejjeż tad-difiża tagħha, imsemmija f’din il-premessa 8, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu tali parteċipazzjoni, fil-forma ta’ rimbors parzjali tal-għajnuna legali mħallsa, sa fejn ir-riżorsi tal-persuna kkonċernata jippermettulha twettaq din il-parteċipazzjoni.
116 Peress li l-prinċipju u l-ammont ta’ tali rimbors għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi tal-persuna kkonċernata, Stat Membru ma jistax jordna lil benefiċjarju tal-għajnuna legali, li jkun ingħata din l-għajnuna konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/1919, iwettaq tali rimbors mingħajr ma jiġi vverifikat li għandu riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan.
117 F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li timplika li persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħha tista’ tkun obbligata tirrimborsa din l-għajnuna, mingħajr ma jiġi vverifikat li hija għandha riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan, għandha titqies li ċċaħħad lill-persuni detenuti li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat mid-dritt għall-finanzjament ta’ din l-assistenza mogħtija lilhom mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/1919.
118 Barra minn hekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tali obbligu ta’ rimbors, iżda li ma timponix obbligu paragunabbli fuq il-persuni akkużati li lilhom ingħatat l-għajnuna legali minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħhom, timplika differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn gruppi differenti ta’ persuni akkużati li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, skont il-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna legali.
119 Fil-fatt, tali skema ta’ rimbors tal-għajnuna legali timplika li individwi li jinsabu oġġettivament f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn huma nieqsa minn riżorsi suffiċjenti sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat filwaqt li l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu tali assistenza, jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-għajnuna legali, skont jekk din l-għajnuna ngħatatx lilhom abbażi biss tad-detenzjoni tagħhom jew wara eżami tar-riżorsi tagħhom.
120 Issa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 301 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
121 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 4 (1) u (4) tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħha tista’ tkun obbligata tirrimborsa din l-għajnuna, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk hija għandhiex riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan.
Fuq is-sitt domanda
122 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, M. Mihaylov Stefanov jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja formulazzjoni mill-ġdid sostanzjali tas-sitt domanda, din il-proposta ma tistax tiġi segwita, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.
123 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2016/1919 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti tirrifjuta li tilqa’ talba tal-persuna akkużata intiża għas-sostituzzjoni ta’ avukat li jipprovdi servizzi abbażi tal-għajnuna legali, minħabba li dan l-avukat ma jkollux kuntatti ma’ din il-persuna, meta din l-assenza ta’ kuntatti tirriżulta minn manuvri tal-imsemmija persuna intiżi li jdewmu ż-żamma tal-proċess tagħha.
124 L-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, inkluż fil-qasam tal-finanzjament, sabiex jiżguraw li s-servizzi taħt l-għajnuna legali jkunu ta’ kwalità adegwata sabiex jippreżervaw l-ekwità tal-proċeduri, b’osservanza stretta tal-indipendenza tal-professjoni legali.
125 L-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni akkużati jkollhom id-dritt, fuq talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom sabiex jipprovdi servizzi ta’ għajnuna legali jiġi sostitwit, fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan.
126 Mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-imsemmija direttiva, mhux li jilqgħu, b’mod sistematiku, kull talba tal-persuna akkużata intiża għas-sostituzzjoni tal-avukat li jipprovdilha servizzi bħala għajnuna legali, iżda biss li jaċċettaw tali talba “fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan”.
127 Għaldaqstant, l-istess direttiva bl-ebda mod ma tipprekludi li l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar tali talba tistħarreġ il-mertu tal-motivi invokati insostenn tagħha sabiex tiddetermina jekk dawn il-motivi jirreferux għal ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni tal-avukat inkwistjoni.
128 Issa, assenza ta’ kuntatt bejn l-avukat inkwistjoni u l-persuna akkużata li tirriżulta minn manuvri ta’ din il-persuna intiżi li jdewmu ż-żamma tal-proċess tagħha ma tistax titqies li tikkostitwixxi tali ċirkustanza partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/1919.
129 Fil-fatt, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-avukat inkwistjoni tkun, f’tali sitwazzjoni, nieqsa minn kull rabta mal-garanzija tal-effettività tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ din id-direttiva, kif tindika l-premessa 1 tagħha, u ma tistax, b’mod iktar preċiż, titqies li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata kwalità adegwata tas-servizzi abbażi tal-għajnuna legali, kif jeżiġi l-Artikolu 7(1)(b) tal-istess direttiva.
130 Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-awtorità kompetenti tiġi obbligata tilqa’ talba bbażata fuq iċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 128 ta’ din is-sentenza jkun ta’ natura li jippreġudika l-effikaċja tal-proċeduri kriminali, billi jippermetti, fil-prattika, lill-persuni akkużati li jxekklu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess tagħhom u li jdewmu l-eżitu tiegħu billi deliberatament jostakolaw l-organizzazzjoni tajba tad-difiża tagħhom.
131 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà li tiġi rrifjutata s-sostituzzjoni tal-avukat li jipprovdi servizzi abbażi tal-għajnuna legali hija bla ħsara għall-possibbiltà eventwali, għall-persuna akkużata, li tirrinunzja għall-patroċinju ta’ dan l-avukat jew sabiex tiddefendi ruħha hija stess, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, jew billi tikseb l-assistenza ta’ rappreżentant li l-intervent tiegħu ma huwiex iffinanzjat mill-għajnuna legali.
132 F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm M. Mihaylov Stefanov semma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, elementi li juru, fil-fehma tiegħu, li l-assenza ta’ kuntatti ma’ ċerti avukati inkarigati mid-difiża tiegħu ma hijiex tort tiegħu, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri bbażata, kif tfakkar fil-punti 88 u 90 ta’ din is-sentenza, fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-kuntest tagħha kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tibbaża r-risposta tagħha fuq l-elementi ppreżentati minn M. Mihaylov Stefanov, li jekk ikun il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-materjalità tagħhom.
133 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2016/1919 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti tirrifjuta li tilqa’ talba tal-persuna akkużata intiża għas-sostituzzjoni ta’ avukat li jipprovdi servizzi abbażi tal-għajnuna legali, minħabba li dan l-avukat ma jkollux kuntatti ma’ din il-persuna, meta din l-assenza ta’ kuntatti tirriżulta minn manuvri tal-imsemmija persuna intiżi li jdewmu ż-żamma tal-proċess tagħha.
Fuq l-ispejjeż
134 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti tista’ tiddeċiedi f’kawża kriminali li fih ikollha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, u tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li hija għandha l-kwalità ta’ konvenuta f’kawża li għandha bħala suġġett rikors għad-danni ċivili, ippreżentata mill-persuna akkużata f’din il-kawża kriminali, li jirrigwarda allegat ksur tad-dritt nazzjonali matul fażi preċedenti tal-proċedura fl-imsemmija kawża kriminali, sakemm din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri meħuda għat-trattament tal-istess kawża kriminali jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata.
2) L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-premessi 34 u 35 tagħha,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
proċess jista’ jsir fl-assenza tal-persuna akkużata, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta din il-persuna, infurmata fi żmien xieraq biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, tkun iddikjarat li tixtieq tipparteċipa fil-proċess tagħha, iżda indikat li hija ma kinitx ser tidher, sabiex tevita arrest abbażi ta’ proċedura kriminali oħra.
3) L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tagħha tista’ tkun obbligata tirrimborsa din l-għajnuna, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk hija għandhiex riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan.
4) L-Artikolu 7(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2016/1919
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix li qorti tirrifjuta li tilqa’ talba tal-persuna akkużata intiża għas-sostituzzjoni ta’ avukat li jipprovdi servizzi abbażi tal-għajnuna legali, minħabba li dan l-avukat ma jkollux kuntatti ma’ din il-persuna, meta din l-assenza ta’ kuntatti tirriżulta minn manuvri tal-imsemmija persuna intiżi li jdewmu ż-żamma tal-proċess tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.