|
31.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 34/37 |
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina
(2018/C 34/11)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil, li joriġinaw mill-Arġentina, qegħdin ikunu sussidjati u b’hekk qegħdin joħolqu dannu materjali (2) lill-industrija tal-Unjoni.
1. Ilment
L-ilment tressaq fit-18 ta’ Diċembru 2017 mill-European Biodiesel Board (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil tal-Unjoni.
2. Il-prodott li qed jiġi investigat
Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi u/jew żjut tal-gass paraffiniċi miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf bħala ‘bijodiżil’, f’forma pura jew kif inklużi f’taħlita (“il-prodott li qed jiġi investigat”).
3. Allegazzjoni ta’ sussidju
Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fl-Arġentina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 1516 20 98 (kodiċijiet TARIC 1516209821, 1516209829 u 1516209830), ex 1518 00 91 (kodiċijiet TARIC 1518009121, 1518009129 u 1518009130), ex 1518 00 95 (kodiċijiet TARIC 1518009510), ex 1518 00 99 (kodiċijiet TARIC 1518009921, 1518009929 u 1518009930), ex 2710 19 43 (kodiċijiet TARIC 2710194321, 2710194329 u 2710194330), ex 2710 19 46 (kodiċijiet TARIC 2710194621, 2710194629 u 2710194630), ex 2710 19 47 (kodiċijiet TARIC 2710194721, 2710194729 u 2710194730), 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 99 92 (kodiċijiet TARIC 3824999210, 3824999212 u 3824999220), 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (kodiċijiet TARIC 3826009011, 3826009019 u 3826009030). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw biss għall-informazzjoni.
L-ilment jinkludi evidenza suffiċjenti li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Arġentina bbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Arġentina.
Il-prattiki ta’ sussidju jikkonsistu, inter alia, f’dawn li ġejjin:
|
(i) |
il-forniment ta’ prodotti u servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, pereżempju l-forniment ta’ fażola tas-sojja; |
|
(ii) |
ix-xiri mill-gvern ta’ prodotti għal remunerazzjoni li tkun aktar milli adegwata u/jew dħul jew appoġġ fil-prezz, bħalma huma x-xiri kkumissjonat mill-gvern ta’ bijodiżil (il-Ftehim għall-Forniment ta’ Bijodiżil); |
|
(iii) |
it-trasferiment dirett ta’ fondi, bħal għoti ta’ self u finanzjament għall-esportazzjoni b’termini preferenzjali, inkluż is-self preferenzjali mill-Bank Nazzjonali tal-Arġentina (Banco de la Nación Argentina, “BNA”); kif ukoll |
|
(iv) |
dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, bħal deprezzament aċċellerat għall-produtturi tal-bijodiżil skont il-Liġi tal-2006 dwar il-Bijofjuwils, eżenzjoni u differiment tat-taxxa fuq id-dħul minima preżunta għall-produtturi tal-bijodiżil skont il-Liġi tal-2006 dwar il-Bijofjuwils, u diversi eżenzjonijiet fiskali provinċjali. |
L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq jammontaw għal sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Arġentina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u, għaldaqstant, huma speċifiċi u kompensabbli. Fuq din il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.
Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza ta’ evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
4. Allegazzjoni ta’ theddida ta’ dannu u kawżalità
L-ilmentatur jipprovdi evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq b’rata sinifikanti li tindika l-possibbiltà ta’ importazzjonijiet sostanzjalment miżjuda. Barra minn hekk, huwa allegat li l-importazzjonijiet qed jidħlu fl-Unjoni bi prezzijiet li diġà kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ, il-kwantitajiet mibjugħa, is-sehem mis-suq u l-profitti tal-industrija tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-ilmentatur jipprovdi evidenza li hemm kapaċità suffiċjenti liberament disponibbli fl-Arġentina li tindika l-possibbiltà ta’ importazzjonijiet sostanzjalment miżjuda.
Barra minn hekk, in-natura tal-allegati sussidji inkwistjoni hija tali li x’aktarx tikkawża effetti kummerċjali negattivi.
Huwa allegat ukoll li l-fluss tal-importazzjonijiet sussidjati x’aktarx li jiżdied minħabba t-tnaqqis riċenti tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kontra importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat lejn l-UE (3) u l-impożizzjoni riċenti ta’ miżuri kompensatorji fl-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) kontra l-prodott li qed jiġi investigat. Dan jindika possibbiltà ta’ ridirezzjoni ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li twassal għal żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet sussidjati. L-Ilmentatur jallega li dawn il-bidliet fiċ-ċirkustanzi – huma mistennija b’mod ċar u imminenti. Dannu materjali jseħħ minħabba l-imminenza ta’ aktar importazzjonijiet sussidjati.
L-ilmentatur jallega wkoll li l-perspettiva ta’ influss qawwi ta’ importazzjonijiet inġusti hija l-kawża ewlenija ta’ theddida imminenti ta’ dannu u m’hemmx fatturi oħra li jidhru li jiksru r-rabta kawżali.
5. Proċedura
Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiż kkonċernat hux qed jiġi sussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet sussidjati ikkawżawx dannu jew qed jheddu li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-Gvern tal-Arġentina ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.
5.1. Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ sussidjar u dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2017 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar
Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Partijiet oħra li mingħandhom il-Kummissjoni se tfittex informazzjoni rilevanti biex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli konferiti fuq il-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna wkoll biex jikkooperaw mal-Kummissjoni kemm jista’ jkun.
5.2.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Il-kampjunar
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jagħtu l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom lill-Kummissjoni, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan in-Notifika.
Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.
Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.
Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Bla preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”). Bla preġudizzju għat-taqsima (b) ta’ hawn taħt, id-dazju kompensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw ma għandux jaqbeż l-ammonti medji pponderati ta’ sussidjar stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (5).
(b) Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun
Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont individwali ta’ sussidjar jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif dovut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu ammont ta’ sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż żejjed u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.
5.2.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (6) (7)
Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex investigati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li ntgħażlu għall-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.3. Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Id-determinazzjoni tad-dannu tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Investigazzjoni dwar il-produtturi tal-Unjoni
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.7 aktar ’l isfel). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li finalment intgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.4. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidjar u ta’ dannu kkawżati minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidju tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom sal-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.
5.5. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.6. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għala tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ jentieġ li titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.7. Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristrett” (8). Partijiet li jissottomettu l-informazzjoni matul l-investigazzjoni huma mistiedna jipprovdu r-raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jeħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali.
Jekk parti li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni tajba għat-talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jistax jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet kbar li jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jinħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate H |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
|
Posta elettronika: |
|
Sussidju: TRADE-AS644-BIODIESEL-SUBSIDY@ec.europa.eu |
|
Dannu: TRADE-AS644-BIODIESEL-INJURY@ec.europa.eu |
6. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata jinħtieġ li tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.
7. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn terzi persuni għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jinħtieġ li ssir bil-miktub u jinħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ trid tkun ippreżentata fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/
8. L-iskeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri proviżorji mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. Ipproċessar ta’ dejta personali
Id-dejta personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.
(3) ĠU L 239, 19.9.2017, p. 9.
(4) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata miegħu involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.
(5) Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kompensabbli u l-ammonti ta’ sussidji kompensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku għandhom jitwarrbu.
(6) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produttur esportatur. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(7) Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti d-determinazzjoni tas-sussidjar.
(8) Dokument “Ristrett” huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).