Brussell, 17.12.2025

COM(2025) 788 final

2025/0426(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Irlanda

{SWD(2025) 428 final}


2025/0426 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”) mill-Irlanda fit-28 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (“id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021”) 2 . Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 3 , tat-8 ta’ Diċembru 2023 4 , tal-21 ta’ Ġunju 2024 5 , tal-11 ta’ Marzu 2025 6 u tat-8 ta’ Lulju 2025 7 .

(2)Fit-3 ta’ Novembru 2025, l-Irlanda għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Fuq dik il-bażi, l-Irlanda ppreżentat RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati mill-Irlanda minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 20 miżura.

(4)L-Irlanda spjegat li miżura waħda ma għadhiex tista’ tinkiseb, minħabba l-irtirar ta’ aġenzija ta’ implimentazzjoni kritika mill-iskema. Din tikkonċerna l-miżura 1.2 (Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni tas-Settur tal-Intrapriżi). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li din il-miżura titneħħa. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(5)Barra minn hekk, l-Irlanda spjegat li żewġ miżuri ma għadhomx jistgħu jinkisbu, minħabba l-inflazzjoni għolja fil-kostruzzjoni u fil-materjali tal-bini. Dan jikkonċerna l-miżura 1.4 (L-iffaċilitar tal-elettrifikazzjoni futura permezz ta’ investiment immirat f’Cork commuter rail) u l-miżura 2.1 (Żvilupp ta’ ċentru tad-data tal-Gvern kondiviż). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(6)Barra minn hekk, l-Irlanda spjegat li miżura waħda ma għadhiex tista’ tinkiseb, minħabba l-adozzjoni aktar bil-mod milli mistenni tal-finanzjament b’għotjiet. Dan jikkonċerna l-miżura 2.2 (Programm li jixpruna t-trasformazzjoni diġitali tal-intrapriża fl-Irlanda). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li din il-miżura tiġi emendata. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(7)L-Irlanda spjegat ukoll li miżura waħda ma għadhiex tista’ tinkiseb, minħabba dewmien mhux previst fil-proċess tal-kunsens. Dan jikkonċerna l-miżura 1.6 (Riabilitazzjoni Msaħħa tat-Torbieri). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li din il-miżura tiġi emendata. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(8)L-Irlanda spjegat li ġew emendati erba’ miżuri biex jiġu implimentati alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tagħhom. Dan jikkonċerna l-miżura 1.7 (Pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara – Programm ta’ ambizzjoni msaħħa, il-miżura 2.6 (Sett ta’ proġetti tas-saħħa elettronika), il-miżura 5.1 (It-tkabbir tal-Industrija tal-Bijometan fl-Irlanda) u l-miżura 5.3 (Pathfinder Pilota tas-SEAI/HSE dwar id-Dekarbonizzazzjoni tal-Enerġija ). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li temenda l-miżuri msemmija hawn fuq. Peress li dawn l-alternattivi aħjar jiġġustifikaw emenda tal-miżuri, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(9)L-Irlanda spjegat li ġew emendati tmien miżuri biex tiġi implimentata alternattiva aħjar li tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi ssimplifikata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna l-miżura 1.5 (National Grand Challenge Programme), il-miżura 1.8 (Abbozz ta’ Liġi dwar l-Azzjoni Klimatika u l-Iżvilupp b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju (emenda)), il-miżura 2.4 (Għażla ta’ rispons online għaċ-ċensiment tal-popolazzjoni), il-miżura 2.5 (L-użu ta’ teknoloġiji 5G biex jixprunaw Irlanda aktar ekoloġika u aktar innovattiva), il-miżura 3.3 (Fond għat-Trasformazzjoni tal-Universitajiet Teknoloġiċi), il-miżura 3.5 (Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus), il-miżura 5.2 (Infrastruttura tal-Iċċarġjar ta’ Drogheda), il-miżura 5.5 (Modifika retroattiva ta’ Nru.6 Ely Place) u l-miżura 5.6 (Skema ta’ Appoġġ għall-Elettriku Rinnovabbli lil hinn mill-kosta). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

(10)Wara t-tnaqqis fil-livell ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-Irlanda talbet li tuża r-riżorsi liberati bit-tneħħija tal-miżuri u bit-tnaqqis fil-livell tal-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ tliet miżuri. Dan jikkonċerna l-miżura 1.3 (Proġett ta’ Pathfinder Retrofit fis-Settur Pubbliku), il-miżura 3.2 (Programm Solas ta’ Rispons għall-Ħiliet għall-Irkupru) u l-miżura 5.4 (Programm Estiż tad-Dekarbonizzazzjoni u r-Retrofit tal-Pathfinder fis-Settur tal-Iskejjel). Abbażi ta’ dan, l-Irlanda talbet li jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ tliet miżuri. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq.

Distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri

(11)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi emendata biex tqis l-emendi tal-RRP u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Irlanda.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(12)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità

(13)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u mal-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 53,5 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 90,9 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021–2030.

(14)L-emendi li saru biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi oġġettivi ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva preċedenti tal-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Investimenti sinifikanti inklużi fl-RRP jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija billi jtejbu l-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku, jippromwovu l-mobbiltà ferrovjarja sostenibbli, jirrestawraw il-bijodiversità permezz tar-riabilitazzjoni tat-torbieri, itejbu t-trattament tal-ilma, u jiffaċilitaw ir-riċerka u l-innovazzjoni ekoloġiċi. L-Irlanda inkludiet miżuri li jipprevedu d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-liġi dwar il-klima u ż-żieda assoċjata tagħha fil-miri klimatiċi, u żieda sinifikanti fit-taxxa fuq il-karbonju matul il-perjodu tal-RRP. Barra minn hekk, il-Kapitolu REPowerEU għandu l-objettiv ġenerali li jaċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika u l-azzjoni klimatika permezz tal-użu ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli bħall-bijometan sostenibbli u l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ azzjonijiet ta’ modifika retroattiva fl-istokk tal-bini pubbliku, u l-provvista ta’ trasport pubbliku b’emissjonijiet żero netti.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(15)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u mal-Anness V, il-kriterju 2.6, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni А) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 33,3 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(16)L-emendi li saru biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi oġġettivi ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva preċedenti tal-kontribut għat-tranżizzjonijiet diġitali jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Diversi miżuri għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali billi jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi, jindirizzaw ir-riskju tad-distakk diġitali, inkluż fis-settur tal-edukazzjoni, itejbu l-ħiliet diġitali, u jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali u t-twassil ta’ servizzi pubbliċi diġitali.

Kalkolu tal-kostijiet

(17)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i) u mal-Anness V, il-kriterju 2.9 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-RRP emendat dwar l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP hija moderament (klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(18)L-informazzjoni dwar il-kostijiet ipprovduta mill-Irlanda għall-RRP emendat hija dettaljata u sostanzjata sew. Barra minn hekk, l-Irlanda ppreżentat dokumenti separati, inkluż verżjonijiet aktar aġġornati tal-kalkoli tal-kostijiet. Il-valutazzjoni tal-istimi tal-kostijiet u tal-informazzjoni ta’ sostenn inerenti turi li l-maġġoranza tal-kostijiet tal-miżuri emendati huma ġġustifikati sew, raġonevoli, plawżibbli u ma jinkludux kostijiet koperti minn finanzjament tal-UE eżistenti jew ippjanat. Madankollu, peress li xi elementi tal-ikkostjar mhumiex iddokumentati kompletament, dan iwassal għall-valutazzjoni li l-informazzjoni dwar l-ikkostjar hija moderatament ċara, li jiġġustifika klassifikazzjoni B. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP huwa f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u proporzjonali mal-impatt nazzjonali, ekonomiku u soċjali mistenni.

Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ valutazzjoni

(19)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi ppreżentati mill-Irlanda ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (d),(da), (db), (g), (h), (j) u (k).

Miżuri li jappoġġaw operazzjonijiet ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform)

(20)F’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) 8 , l-Irlanda qieset bħala kwistjoni ta’ prijorità proġetti li jkunu ngħataw Siġill tas-Sovranità skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/795. Madankollu, l-Irlanda qieset li l-ebda proġett li ngħata Siġill tas-Sovranità ma kellu jiġi inkluż fl-RRP emendat minħabba n-nuqqas ta’ żmien biex jitlesta tali proġett qabel id-data ta’ tmiem tal-RRF.

Valutazzjoni pożittiva

(21)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat, bis-sejba li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(22)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Irlanda huma ta’ EUR 1 153 797 007. Billi l-ammont tal-kost totali stmati tal-RRP emendat huwa ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Irlanda, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 , u mal-Artikolu 20(4) u 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 li hija allokata għall-RRP emendat tal-Irlanda jenħtieġ li tkun ugwali għal EUR 1 153 797 007. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Irlanda tibqa’ l-istess.

(23)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 tiġi emendata kif xieraq. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 jiġi sostitwit kompletament.

(24)Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief il-Faċilità jew għal proċeduri relatati ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma tirkibx fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP emendat tal-Irlanda fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata.

Artikolu 2
Emendi

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda hija emendata kif ġej:

l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(2)    ST 11046/21 INIT; ST 11046/21 ADD 1.
(3)    ST 11336/23 INIT.
(4)    ST 15965/23 INIT; ST 15965/23 ADD 1.
(5)    ST 10262/24 INIT; ST 10262/24 ADD 1; ST 10262/24 ADD 1 COR 1.
(6)    ST 6318/25 INIT; ST 6318/25 ADD 1.
(7)    ST 10528/25 INIT; ST 10528/25 ADD 1.
(8)    ĠU L, 2024/795, 29.2.2024.
(9)    Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1755/oj ).