IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.2.2022
COM(2022) 58 final
2022/0040(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 li tawtorizza lill-Polonja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.
F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, fid-29 ta’ April 2021 , il-Polonja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni dwar l-impatt globali tagħha fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-fornituri (persuni taxxabbli) kkonċernati u rreġistrati fil-5 ta’ Mejju 2021.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2021, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni sabiex tkompli tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ fatturar tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tintroduċi mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi li ġeneralment huma koperti bil-mekkaniżmu tar-reverse charge u mill-obbligazzjoni in solidum fil-Polonja. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2021. Permezz tal-ittra datata t-28 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Polonja introduċiet il-mekkaniżmu volontarju ta’ ħlas maqsum fl-1 ta’ Lulju 2018. Wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, il-Polonja introduċiet mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-ħlas tal-VAT għal ċerti provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi. Il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum huwa bbażat fuq l-istess prinċipji tal-mekkaniżmu volontarju tal-ħlas maqsum. Iż-żewġ mudelli ta’ mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum (jiġifieri volontarju u obbligatorju) jeżistu b’mod parallel, u normalment jissupplimentaw lil xulxin. Dan jimplika li ż-żewġ mudelli huma bbażati fuq l-istess sistema ta’ kontijiet bankarji u jirreferu għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) fejn il-ħlas isir permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku. Meta persuna taxxabbli twettaq provvisti fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas maqsum, hi tkun obbligata li minbarra l-kont tal-bank regolari tagħha jkollha wkoll kont tal-VAT imblukkat separat. Il-bank se jaġixxi bħala aġent tal-qsim u jwettaq l-attivitajiet bil-għan li jittrasferixxi l-ammont imħallas mill-klijent fil-kontijiet rilevanti tal-fornitur, jiġifieri l-ammont ta’ taxxa lil kont regolari tan-negozjant; u l-ammont tal-VAT fil-kont tal-VAT imblukkat tan-negozjant. Il-fondi fil-kont tal-VAT imblukkat huma proprjetà tal-persuna taxxabbli. Madankollu, huwa possibbli biss li wieħed jiddisponi mill-fondi relatati mal-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew mal-VAT li tirriżulta minn fatturi riċevuti mingħand il-fornituri.
Peress li timponi li l-VAT dovuta titħallas f’kont tal-bank tal-VAT imblukkat tal-fornitur, il-miżura għandha l-għan li tiġġieled il-frodi tat-taxxa fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-obbligazzjoni tal-VAT mill-fornituri ta’ merkanzija u servizzi li huma suxxettibbli għall-frodi. Peress li l-ammont ta’ VAT iddepożitat f’kont tal-VAT separat ta’ persuna taxxabbli jista’ jintuża biss għal skopijiet ristretti, jiġifieri għall-ħlas tal-obbligazzjoni tal-VAT lill-awtorità tat-taxxa jew il-ħlas tal-VAT fuq il-fatturi riċevuti minn fornituri, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom garanzija akbar li jirċievu l-ammont sħiħ tal-VAT li jenħtieġ li jiġi ttrasferit mill-persuna taxxabbli lit-Teżor tal-Istat.
Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum isir obbligatorju meta mill-inqas oġġett wieħed speċifikat fuq il-fattura li l-ammont gross totali tiegħu (inkluża l-VAT) jaqbeż PLN 15 000 u jirreferi għall-merkanzija jew is-servizzi suxxettibbli għall-frodi inklużi fl-ambitu tal-miżura ta’ deroga elenkata fl-anness.
Dawn il-provvisti jkopru setturi ekonomiċi bħall-azzar, ir-ruttam, it-tagħmir elettroniku, id-deheb, il-metalli mhux ferrużi, il-fjuwil u l-plastik, li kienu ġeneralment soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ reverse charge u għall-obbligazzjoni in solidum fil-Polonja qabel l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum (il-lista ta’ provvisti li għandhom ikunu koperti mill-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum hija inkluża fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310).
Ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li mad-dħul fis-seħħ tal-hekk imsejħa “matriċi tar-rati tal-VAT” ġdida fl-1 ta’ Lulju 2020, il-metodu għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi nbidel għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu obbligatorju tal-ħlas maqsum, li jikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Merkanzija u s-Servizzi tal-2008 (PKWiU 2008) bil-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Merkanzija u s-Servizzi tal-2015 (PKWiU 2015). It-tranżizzjoni għal PKWiU 2015 ma kkawżat l-ebda bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi koperti mill-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum skont id-Deċiżjoni 2019/310. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2019/310 ser jibqa’ validu. F’ċerti punti tal-PKWiU 2015, kienu biss is-simboli tal-klassifikazzjoni statistika jew l-ismijiet editorjali tal-merkanzija u s-servizzi li ġew immodifikati fir-rigward tal-PKWiU 2008, li fuqu huwa bbażat l-Anness tad-Deċiżjoni 2019/310. Madankollu, ma kkawżat l-ebda bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi koperti mill-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-Anness tad-Deċiżjoni 2019/310 jenħtieġ li jiġi aġġornat biex jirrifletti l-bidliet li saru fil-PKWiU 2008 minn PKWiU 2015.
Il-miżura ta’ deroga tirrikjedi li kwalunkwe fattura maħruġa għall-provvista tal-merkanzija u s-servizzi bejn il-kontribwenti tal-VAT, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, tinkludi dikjarazzjoni speċjali li l-VAT għandha titħallas fil-kont bankarju tal-VAT imblukkat separat tal-fornitur.
Skont ir-regoli ġenerali applikabbli fil-Polonja, f’każ ta’ surplus tat-taxxa fuq ix-xiri li jaqbeż it-taxxa fuq il-bejgħ li hija rikonoxxuta mill-persuna taxxabbli fid-dikjarazzjoni tal-VAT bħala ammont rifuż tal-VAT, il-ħlas ta’ tali rifużjoni se titwettaq fi żmien 60 jum f’kont regolari tal-persuna taxxabbli. Sabiex jonqsu l-effetti tal-mudell ta’ ħlas maqsum fuq il-fluss ta’ flus tan-negozjanti, hija prevista proċedura aktar mgħaġġla mill-Polonja għar-rifużjoni tas-surplus tat-taxxa fuq ix-xiri. Fuq talba tal-persuna taxxabbli, ir-rifużjoni se ssir fi żmien 25 jum. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, tali talbiet jiġu ttrattati f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna (peress li jirriżulta mill-valutazzjoni tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum, l-applikazzjonijiet għar-rilaxx tal-fondi ġew deċiżi fi żmien inqas minn 16-il jum matul Diċembru 2020).
Skont il-Polonja, l-ispejjeż tat-tħaddim tas-sistema ta’ ħlas maqsum jenħtieġ li ma jkunx sinifikanti u fil-biċċa l-kbira tagħhom se jkunu konnessi mal-implimentazzjoni tas-sistema, mal-manutenzjoni tagħha u mal-ġestjoni tal-kont tal-bank.
Il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-miżuri komplementari li għandhom l-għan li jnaqqsu l-frodi tal-VAT u jimmodernizzaw is-sistema tat-taxxa Pollakka, li ġew introdotti mill-Polonja f’dawn l-aħħar snin.
Wara li kkunsidrat dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti tal-merkanzija u s-servizzi suxxettibbli għall-frodi u elenkati fl-Anness jista’ jwassal għal riżultati effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa. Għalhekk, huwa propost li tingħata d-deroga mill-1 ta’ Marzu 2022 sat-28 ta’ Frar 2025.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Id-deroga tista’ tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Il-Polonja talbet il-miżura ta’ deroga sabiex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi li fihom instab li kien hemm frodi tal-VAT għal diversi snin. Id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti.
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1105, l-Italja ngħatat deroga simili biex tapplika l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum. Skont is-sistema Taljana ta’ ħlas maqsum, il-VAT dovuta titħallas lill-kont tal-VAT imblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga Taljana huwa limitat għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, għall-entitajiet ikkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi u għal għadd ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi ebda obbligu.
Billi d-deroga hija limitata fiż-żmien u ristretta għal provvisti speċifiċi, il-kamp ta’ applikazzjoni huwa mmirat għal setturi li jikkawżaw problemi konsiderevoli ta’ frodi tat-taxxa.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, il-Polonja għandha tissottometti rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli (rigward ir-rifużjonijiet tal-VAT, il-piż amministrattiv, l-ispejjeż għall-persuni taxxabbli, eċċ.) f’każ li l-Polonja titlob li l-miżura speċjali tiġi estiża.
Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u li jiġi ssimplifikat il-ġbir tat-taxxi.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Polonja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lill-Polonja sabiex tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT u tintroduċi l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti speċifiċi ta’ merkanzija u servizzi.
F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2019/310, fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija fl-Artikolu 1, il-Polonja kienet obbligata tissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar l-impatt globali tagħha fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati. Peress li din il-miżura tapplika mill-1 ta’ Novembru 2019, ir-rapport imsemmi hawn fuq ġie sottomess lill-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2021 u ġie rreġistrat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2021.
Il-valutazzjoni tal-funzjonament tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum magħmul mill-Polonja, turi b’mod partikolari li din il-miżura qed tikkomplementa miżuri ewlenin oħra biex titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. Il-miżuri komplementari implimentati għall-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum, ikkontribwew għat-tnaqqis tal-iskala tal-frodi tal-VAT, inklużi l-frodi karusell u l-estorsjonijiet tal-VAT. Il-Polonja rreġistrat tnaqqis sinifikanti fid-diskrepanza tal-VAT li fi żmien qasir waqgħet taħt il-medja tal-UE. Skont l-istimi tal-CASE għall-Kummissjoni Ewropea, dan naqas għal madwar 9,7 % fl-2019 (bi tnaqqis ta’ 0,2 pp meta mqabbel mal-2018), filwaqt li d-diskrepanza tal-VAT kienet ta’ madwar 14 % fl-2017. Minħabba l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija, is-sitwazzjoni ekonomika fil-Polonja ddeterjorat b’mod sinifikanti fl-2020 u d-domanda għall-konsum naqset. Madankollu, l-istimi preliminari tal-Ministeru tal-Finanzi inklużi fil-Pjan Finanzjarju Pluriennali tal-Istat għas-snin 2021-2024 jindikaw li d-diskrepanza tal-VAT naqset b’ 1,3 pp oħra matul l-2020 irrispettivament mir-riċessjoni u ammontat għal madwar 10,8 % tal-influssi potenzjali.
Il-fondi fuq il-kont tal-VAT imblukkat ma jistgħux jintużaw mill-persuna taxxabbli, sakemm dan ma jsirx għall-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew għall-ħlas tal-VAT li tirriżulta mill-fatturi riċevuti mill-fornituri li jħallu impatt fuq il-fluss ta’ flus tan-negozjanti. Sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv, fil-każ ta’ surplus tat-taxxa fuq ix-xiri li jaqbeż it-taxxa fuq il-bejgħ li huwa rikonoxxut mill-awtoritajiet tat-taxxa, hija prevista proċedura aktar mgħaġġla mill-Polonja għar-rifużjoni tas-surplus tat-taxxa fuq ix-xiri. Fuq talba tal-persuna taxxabbli, ir-rifużjoni għandha ssir fi żmien 25 jum mid-data ta’ sottomissjoni għal dikjarazzjoni tat-taxxa minflok 60 jum skont il-proċedura normali. Matul il-fażi preliminari tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum volontarju (li bdiet mill-1 ta’ Lulju 2018), l-awtoritajiet tat-taxxa ħadu medja ta’ 27,56 jum biex jipproċessaw applikazzjoni, filwaqt li l-istess proċediment ħa biss 15,90 jum f’Diċembru 2020. Dan ifisser li l-applikazzjonijiet għar-rilaxx ta’ fondi jiġu pproċessati mill-awtoritajiet tat-taxxa b’mod dejjem aktar effiċjenti. Dan huwa partikolarment importanti matul is-sitwazzjoni attwali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, għan-negozji li għandhom problemi b’likwidità finanzjarja kontinwa.
Barra minn hekk, fit-talba tagħha l-Polonja ssottolinjat li l-prijorità se tkun li jiġi żgurat li r-rifużjonijiet tat-taxxa jitwettqu b’mod effettiv u f’waqtu. Dan se jaċċellera r-rifużjoni tas-surplus tat-taxxa fuq ix-xiri li jaqbeż it-taxxa fuq il-bejgħ fil-kont tal-VAT b’termini preferenzjali f’perjodu massimu ta’ 25 jum mid-data tas-sottomissjoni tas-saldu (rifużjoni tat-taxxa).
Il-fornituri li mhumiex stabbiliti fil-Polonja se jkunu koperti wkoll mill-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum meta jwettqu l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi soġġetti għall-ħlas maqsum obbligatorju fil-Polonja. Dawn in-negozjanti jrid ikollhom kont tal-bank imħaddem skont il-Liġi Bankarja Pollakka. Il-Polonja kkonfermat lill-Kummissjoni li n-negozjanti li mhumiex stabbiliti mhux se jġarrbu spejjeż addizzjonali relatati mal-obbligu li jiftħu l-kont tal-bank fil-Polonja, minħabba li dawn il-persuni taxxabbli ser ikunu jistgħu jiftħu u jżommu l-kont tal-bank fil-Polonja mingħajr ebda ħlas. Bħalissa, il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Polonja ma jġarrbux spejjeż addizzjonali b’rabta mal-obbligu li jiftħu kont bankarju fil-Polonja u jżommu kont tal-VAT. L-Att dwar il-VAT jipprovdi għal sistema speċjali ta’ kumpensi f’każ li entitajiet bħal dawn jiġu ċċarġjati mill-banek tagħhom talli jżommu l-kontijiet imsemmija hawn fuq. F’tali sitwazzjoni, l-ispejjeż sostnuti jiġu rrimborsati mill-awtorità tat-taxxa kompetenti fuq talba tal-persuna taxxabbli barranija.
Vantaġġ sinifikanti ieħor huwa li l-persuni taxxabbli li japplikaw il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ma jistgħux, bħala regola, jiġu imposti bl-hekk imsejħa sanzjoni tal-VAT fil-forma ta’ obbligazzjoni miżjuda tal-VAT, li għandha tiġi stabbilita mill-awtorità tat-taxxa (ekwivalenti għal 20 %, 30 % jew 100 % tad-differenza bejn l-ammont stabbilit mill-awtorità tat-taxxa u l-ammont oriġinali ddikjarat b’mod skorrett mill-persuna taxxabbli). Barra minn hekk, l-imprenditur li japplika l-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum ma jistax jintalab iħallas interessi moratorji għad-djun tal-VAT b’rata miżjuda (ekwivalenti għal 150 %), akkumulati matul il-perijodu ta’ rapportar li fih huwa uża l-mekkaniżmu biex iħallas għal mill-inqas 95 % tal-fatturi tax-xiri tiegħu.
L-hekk imsejjaħ skont itejjeb il-likwidità finanzjarja tal-persuni taxxabbli li japplikaw il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum. Dan jippermetti li jitnaqqas l-ammont ta’ obbligazzjoni tal-VAT f’każ li dan jitħallas b’kollox mill-kont tal-VAT qabel id-data finali tal-ħlas. L-ammont ta’ skont huwa kkalkulat skont formula speċjali. It-tali skont ma jenħtieġx li jkollu impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.
Qabel l-implimentazzjoni tal-miżura speċjali, kien hemm 3 507 proċediment mibdija minħabba r-reati relatati mal-estorsjonijiet tal-VAT fl-2018 u 3 389 proċedimenti fl-2019 (tnaqqis ta’ 118 sena għal sena). Fl-2020, meta l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum sar kompletament operattiv, l-għadd ta’ tali proċedimenti ammonta għal 2 973, jiġifieri 416 inqas meta mqabbel mas-sena preċedenti.
Qabel id-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum, l-ammont ta’ telf baġitarju minħabba l-estorsjoni tal-VAT kien ugwali għal PLN 5 168 779 146 fl-2018 u PLN 4 716 202 928 fl-2019 (tnaqqis ta’ PLN 452,576,218 sena għal sena). Fl-2020, it-telf baġitarju ammonta għal PLN 3 533 646 348, jiġifieri PLN 1 182 556 580 inqas meta mqabbel mas-sena preċedenti (tnaqqis ta’ kważi 25,1 %).
Qabel l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ deroga, l-għadd ta’ proċedimenti mibdija dwar il-frodi karusell tal-VAT kien ta’ 558 fl-2018 u 277 fl-2019 (tnaqqis ta’ 281 sena għal sena). Fl-2020, meta l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum kien operattiv, l-għadd ta’ tali proċedimenti ammonta għal 207, jiġifieri 70 inqas meta mqabbel mas-sena preċedenti. Matul il-perjodu analizzat ġie rreġistrat ukoll li t-telf baġitarju identifikat minħabba l-frodi karusell tal-VAT kien qed jonqos gradwalment. Qabel id-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum, l-ammont tat-telf baġitarju rispettiv kien jammonta għal PLN 4 496 602 940 fl-2018 u PLN 2 468 437 745 fl-2019 (tnaqqis ta’ PLN 2 028 165 195 sena għal sena). Fl-2020, dan it-telf ammonta għal PLN 1 107 992 201, jiġifieri PLN 1 360 445 544 inqas mis-sena preċedenti (tnaqqis ta’ kważi 55,1 %).
Fl-2019, id-dħul mill-VAT ammonta għal PLN 180 891,8 miljun (żieda ta’ PLN 5 944,7 miljun meta mqabbel mal-2018). Id-data preliminari dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-istat fl-2020 tindika li d-dħul mit-taxxa fuq il-merkanzija u s-servizzi żdied meta mqabbel mas-snin preċedenti irrispettivament mit-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020, id-dħul mill-VAT ammonta għal PLN 184 551,9 miljun u kien ta’ PLN 3 660,1 miljun (b’ 2 %) ogħla meta mqabbel mad-dħul mill-VAT fl-2019, u għaldaqstant b’PLN 9 604,8 miljun (b’ 5.5 %) ogħla meta mqabbel mal-2018 (PLN 174 947,1 miljun).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma hu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; limitu taż-żmien awtomatiku.
2022/0040 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 li tawtorizza lill-Polonja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2021, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni sabiex tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ fatturar tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tintroduċi mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u li ġeneralment ikunu koperti bil-mekkaniżmu tar-reverse charge u l-obbligazzjoni in solidum fil-Polonja. Il-Polonja talbet il-miżura speċjali għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Marzu 2022 sat-28 ta’ Frar 2025.
(2)F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2021. Permezz tal-ittra datata t-28 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.
(3)Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, il-Polonja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni dwar l-impatt globali tagħha fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ April 2021.
(4)Għalkemm il-Polonja ħadet bosta miżuri sabiex tiġġieled il-frodi (pereżempju, l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge u tal-obbligazzjoni in solidum mill-klijent, l-introduzzjoni tal-Fajl Standard tal-Awditjar, ir-regoli aktar stretti għar-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-persuni taxxabbli, żiedet l-għadd ta’ awditi, eċċ.), hija tal-fehma li dawk il-miżuri għadhom mhumiex biżżejjed sabiex tiġi pprevenuta l-frodi tal-VAT.
(5)Il-Polonja introduċiet il-mekkaniżmu volontarju ta’ ħlas maqsum fl-1 ta’ Lulju 2018 u l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum fl-1 ta’ Marzu 2019.
(6)Il-merkanzija u s-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali huma elenkati fl-Anness skont il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u s-Servizzi tal-2015 (PKWiU 2015) li ssostitwiet il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u s-Servizzi tal-2008 (PKWiU 2008) mill-1 ta’ Lulju 2020. Fil-PKWiU 2015 is-simboli tal-klassifikazzjoni statistika u l-ismijiet editorjali ta’ ċerti merkanzija u servizzi li jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 ġew modifikati. Dak l-Anness jenħtieġ li għalhekk jiġi aġġornat u sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
(7)Il-mudell obbligatorju ta’ ħlas maqsum se jkompli japplika għall-provvisti bejn il-persuni taxxabbli, minn negozju għal negozju (B2B), ta’ merkanzija u servizzi elenkati fl-Anness u se jkopri biss it-trasferimenti bankarji elettroniċi. Il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum se jkompli japplika għan-negozjanti kollha, inklużi dawk in-negozjanti li mhumiex stabbiliti fil-Polonja.
(8)Ir-rapport li ssottomettiet il-Polonja jikkonferma li l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi jwassal għal riżultati effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa.
(9)B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura speċjali tiġi estiża sat-28 ta’ Frar 2025.
(10)Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, il-Polonja għandha tissottometti rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura fil-livell ta’ frodi tal-VAT u dwar il-persuni taxxabbli (rigward ir-rifużjonijiet tal-VAT, il-piż amministrattiv, l-ispejjeż għall-persuni taxxabbli eċċ.) f’każ ta’ talba biex tiġi estiża l-miżura ta’ deroga.
(11)Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.
(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 hija emendata kif ġej:
(1) fl-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta l-Polonja tikkunsidra li l-estensjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 1 hija neċessarja, il-Polonja għandha tissottometti talba għal-estensjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport dwar l-impatt globali tagħha fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati”.
(2)
fl-Artikolu 3 id-data tat-“28 ta’ Frar 2022” hija sostitwita bid-data tat-“28 ta’ Frar 2025”.
(3) l-Anness huwa sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President