|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/1687 |
13.3.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Marzu 2026
dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea
(C/2026/1687)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Billi:
|
(1) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2017 (1), jipprovdi boxxla għall-konverġenza 'l fuq fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fl-UE. L-ewwel prinċipju tiegħu jafferma li “Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b'mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol”. |
|
(2) |
Il-Komunikazzjoni dwar il-Boxxla għall-Kompetittività (2), adottata mill-Kummissjoni f'Jannar 2025, tistabbilixxi pjan direzzjonali għar-restawr tad-dinamiżmu ekonomiku tal-UE u t-tisħiħ tat-tkabbir. Il-promozzjoni tal-ħiliet hija identifikata bħala faċilitatur kritiku, u din tirrikonoxxi li forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet hija s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, xprun tal-produttività, l-innovazzjoni u l-impjiegi ta' kwalità, u faċilitatur ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta. F'Marzu 2025, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet (3), li tenfasizza r-rwol kruċjali tal-kapital uman u tal-ħiliet orjentati lejn il-futur fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fit-tisħiħ fit-tħejjija u fl-appoġġ għall-prosperità sostenibbli. Fl-2025, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll żewġ Komunikazzjonijiet dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), li fihom huwa enfasizzat ir-rwol kruċjali tan-nies u tal-ħiliet (4) (5). |
|
(3) |
Kif rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet (6), l-approċċ integrat għall-koordinazzjoni tal-politika u s-sorveljanza multilaterali msaħħa fis-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas biex jiggwida r-riformi strutturali meħtieġa tas-swieq tax-xogħol, li huma mirfuda minn sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-investimenti fl-iżvilupp tal-kapital uman. |
|
(4) |
Din ir-rakkomandazzjoni tqis id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u partikolarment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, kif stipulat fl-Artikoli 165 u 166 TFUE. Filwaqt li taġixxi f'konformità mar-rwol tal-Unjoni u l-objettiv skont it-Trattati, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità fl-Istati Membri, tħeġġeġ il-kooperazzjoni tagħhom u tiffaċilita l-apprendiment reċiproku, filwaqt li tikkomplementa l-azzjoni tagħhom. |
|
(5) |
L-ambizzjoni ġenerali tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ilha mill-2021 dik li tikseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA). F'dan il-kuntest, biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-individwi u tas-soċjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu minn perspettiva olistika. Evidenza reċenti turi li l-kooperazzjoni tal-UE għall-EEA rnexxielha tieħu azzjonijiet ġodda importanti fil-livell tal-UE, tappoġġa r-riformi nazzjonali, u tistabbilixxi perkorsi sostenibbli għal kooperazzjoni Ewropea aktar profonda bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Din il-kooperazzjoni għalhekk tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-kapital uman. |
|
(6) |
Din ir-rakkomandazzjoni hija mfassla biex tikkomplementa l-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, b'mod partikolari billi tqis id-dimensjoni tal-kapital uman ta' dawk il-politiki dwar l-impjiegi. Tidentifika l-oqsma ta' tħassib komuni għall-UE. Fejn rilevanti fil-kuntest ta' kull Stat Membru, dawn l-oqsma ser jiġu analizzati aktar tard fir-rapporti tal-pajjiżi u jistgħu jiġu indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Dan it-tħassib għandu wkoll dimensjoni territorjali importanti, b'differenzi territorjali sinifikanti madwar l-Ewropa fil-ħiliet u fid-dotazzjoni tal-kapital uman. |
|
(7) |
Kull sena l-Istati Membri jeżaminaw l-aspetti kollha relatati mal-eżiti tal-impjiegi fl-UE fi ħdan il-Kumitat tal-Impjiegi skont l-Artikolu 150 TFUE, fid-dawl tar-rapport annwali konġunt dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Unjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148(5) TFUE) u filwaqt li jqisu l-informazzjoni li jirċievu mill-Istati Membri permezz tar-Rapporti ta' Progress Annwali tagħhom (li jservu wkoll għall-finijiet tal-Artikolu 148(3) TFUE). |
|
(8) |
L-UE qed tiffaċċa nuqqas persistenti ta' ħaddiema u ta' ħiliet. Dan in-nuqqas huwa mdaqqas fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fis-setturi u jaffettwa kumpaniji ta' kull daqs. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti tal-UE, indikatur għall-kejl tan-nuqqas ta' ħaddiema għadha dik għolja ta' 2,0 % (Q3-2025) u qrib il-livell tagħha ta' qabel il-pandemija (7). In-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati jfixkel ukoll l-investiment u l-innovazzjoni: 68 % tal-kumpaniji ta' daqs medju rrapportaw in-nuqqas ta' ħiliet bħala kwistjoni serja fl-2023 (8), u 77 % tal-kumpaniji indikaw li n-nuqqas ta' ħiliet kien ostaklu għall-investiment fit-tul fl-2024 (9). |
|
(9) |
Xi setturi u okkupazzjonijiet jiffaċċjaw nuqqas kbir ta' ħaddiema u ta' ħiliet madwar l-UE. Fl-2024, l-aktar okkupazzjonijiet b'nuqqas mifrux ta' ħaddiema fl-UE kienu jikkonċernaw profili tekniċi fil-manifattura u fil-kostruzzjoni (inkluż welders u flame cutters, elettriċisti tal-bini u dawk relatati, plumbers u fitters tal-pajpijiet, ħaddiema tal-folji tal-metall), professjonijiet tas-saħħa (professjonisti tal-infermerija, prattikanti mediċi ġenerali u speċjalisti, assistenti fil-kura tas-saħħa u fiżjoterapisti, b'nuqqas stmat ta' 1,2 miljun tabib, infermiera u qabla fl-2022 fl-UE (10)). Fl-istess ħin, 12 % biss tal-bdiewa tal-UE għandhom inqas minn 40 sena, u dan potenzjalment ipoġġi s-sigurtà tal-ikel tal-UE f'riskju. Bl-istess mod, is-settur tat-trasport qed jiffaċċa nuqqasijiet mifruxin ta' ħaddiema professjonisti mħarrġa fil-modi kollha tat-trasport (sewwieqa ta' trakkijiet tqal, ta' trakkijiet, ta' karozzi tal-linja u ta' trammijiet, kif ukoll baħħara, b'mod partikolari uffiċjali) (11) (12). Hemm ukoll nuqqas mifrux ta' speċjalisti tal-ICT, ta' inġiniera ċivili u ta' persunal li jgħallem. L-ispeċjalisti tal-ICT kienu biss 5,0 % tal-forza tax-xogħol, ferm inqas mill-mira tad-Deċennju Diġitali ta' 10 % għall-2030, bi żbilanċi sinifikanti bejn il-ġeneri. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika, ġew identifikati 24 okkupazzjoni b'nuqqas ta' ħaddiema f'diversi Stati Membri, inkluż ħaddiema tal-iżolazzjoni, inġiniera ċivili u mekkaniċi tal-arja kundizzjonata u tar-refriġerazzjoni (f'14-il Stat Membru), tekniċi tal-inġinerija ċivili (fi 12-il Stat Membru) u saqqafa (fi 11-il Stat Membru). L-Ewropa ser ikollha tiżviluppa l-kapaċità f'kompiti ċirkolari ewlenin li jeħtieġ li jadattaw minn sistemi u swieq lineari għal ċirkolari. Dawn il-ħiliet jinsabu fil-livelli kollha, mill-periti u mill-inġiniera sal-kolletturi u s-separaturi tal-iskart. |
|
(10) |
L-avvanzi teknoloġiċi u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ser ikomplu jżidu d-domanda għal ħiliet ġodda u jaggravaw in-nuqqas u l-ispariġġi eżistenti. Xprunata miż-żieda fl-IA, fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, fil-bijoteknoloġija, fil-ħtiġijiet tad-difiża, tal-ispazju u tas-sigurtà, kif ukoll fl-analitika kumplessa tad-data, id-domanda għall-professjonisti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM, Science, Technology, Engineering and Mathematics), qed tikber. |
|
(11) |
L-Istat tad-Deċennju Diġitali 2025 (SDD25, State of the Digital Decade 2025) jenfasizza li d-distakk bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol u t-talent disponibbli qed ikompli jikber, speċjalment f'oqsma bħall-IA, iċ-ċibersigurtà, l-analiżi tad-data u t-teknoloġiji tas-semikondutturi. L-UE ser ikollha bżonn bejn 6,2 u 7 miljun ħaddiem f'oqsma relatati mal-IA sal-2027, b'madwar 60 % tal-forza tax-xogħol teħtieġ ħiliet fl-IA (13). Fil-qasam taċ-ċibersigurtà, ġie identifikat distakk ta' madwar 300 000 speċjalista, filwaqt li fil-qasam tas-semikondutturi jeħtieġ li jiġi indirizzat distakk ta' kważi 100 000 professjonist ġdid, skont ix-xejriet attwali. Il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tal-Istati Membri juru enfasi dejjem akbar fuq l-edukazzjoni diġitali u l-apprendiment tul il-ħajja, iżda l-isforzi għadhom frammentati u mhux uniformi, b'sensibilizzazzjoni limitata għall-gruppi b'livell baxx ta' ħiliet u dawk sottorappreżentati. Il-projezzjonijiet jindikaw li, mingħajr azzjoni konġunta aktar b'saħħitha u investiment sostnut, l-UE mhux ser tilħaq il-miri tal-ħiliet diġitali (14). |
|
(12) |
Mill-2023, l-avvenimenti ta' ristrutturar u t-tnaqqis ippjanat fl-impjiegi żdiedu gradwalment. L-avvenimenti ta' ristrutturar differenti u l-bidliet fl-immedjat ikkontribwew għal żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti. Fl-2024, it-tnaqqis ippjanat fl-impjiegi ammonta għal madwar 65 000 madwar l-UE, li huma kkonċentrati f'setturi u f'reġjuni speċifiċi (15). L-industrija awtomobilistika, it-telekomunikazzjoni u s-servizzi postali kienu l-aktar affettwati. Bejn l-2019 u l-2024, is-settur tal-manifattura tal-karozzi tilef madwar 240 000 impjieg madwar l-UE (16). Is-settur Ewropew tal-azzar ukoll qed jiffaċċa pressjoni dejjem akbar, bi tnaqqis ta' 18 000 impjieg fl-2024, filwaqt li s-settur tal-kimika naqqas l-impjiegi b'madwar 15 000 fl-2023 u fl-2024. Dan huwa partikolarment ta' tħassib minħabba r-rwol kritiku tas-settur fil-produzzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża u tal-ispazju. B'mod ġenerali, it-tfixkil tal-flussi kummerċjali, id-domanda globali mdgħajfa u l-kostijiet ogħla tal-enerġija għandhom impatt negattiv fuq is-suq tax-xogħol. |
|
(13) |
It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, li diġà taffettwa t-tkabbir fl-impjiegi, hija mistennija toħloq bejn miljun u 2,5 miljun impjieg addizzjonali sal-2030, jekk tkun akkumpanjata minn politiki effettivi. L-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti (17) jistma żieda ta' 350 000 impjieg fil-manifattura f'industriji b'emissjonijiet żero netti sal-2030. Barra minn hekk, biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2030 għall-enerġija mir-riħ u mix-xemx, huma meħtieġa madwar 130 000 sa 145 000 ħaddiem b'ħiliet speċjalizzati addizzjonali u investiment assoċjat fil-ħiliet ta' EUR 1,1 sa 1,4 biljun sal-2030. Sal-2035 huma mistennija 4,2 miljun opportunità tax-xogħol fil-kostruzzjoni. Dawn jinkludu s-sostituzzjoni ta' ħaddiema li jitilqu mis-settur u 88 000 impjieg ġdid, li huma xprunati wkoll mir-rinnovazzjoni tal-bini (18). Barra minn hekk, il-forzi armati u l-industrija tad-difiża huma mistennija jżidu l-għadd ta' impjiegi b'mod sinifikanti, b'mod partikolari għal persuni bi sfond fl-iSTEM u fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET, Vocational Education and Training). |
|
(14) |
In-nuqqas imdaqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet fis-setturi msemmija hawn fuq u fir-reġjuni madwar l-UE x'aktarx jintensifika fis-snin li ġejjin, xprunat mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u domanda dejjem akbar għall-forza tax-xogħol f'setturi ta' importanza strateġika għall-UE, bħal i) teknoloġiji diġitali avvanzati; ii) it-tranżizzjoni nadifa u d-dekarbonizzazzjoni industrijali, inkluża l-ekonomija ċirkolari; iii) is-saħħa u l-bijoteknoloġija, l-agrikoltura u s-sajd-akkwakultura, u l-bijoekonomija; u iv) l-industrija tad-difiża u l-ispazju. Dawn l-isfidi ser ipoġġu pressjoni sinifikanti fuq l-ekonomiji u fuq is-swieq tax-xogħol, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni proattiva. Għalhekk huwa kruċjali li l-kapital uman tal-UE jiġi sostnut u msaħħaħ illum permezz ta' politiki u investimenti mmirati u aġli fl-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, f'konformità mal-politiki industrijali rilevanti. Billi trawwem forza tax-xogħol attrezzata biex tilqa' l-avvanzi teknoloġiċi, tadatta għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jevolvu, u tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet emerġenti, l-UE tista' mhux biss ittaffi d-distakk attwali u futur ta' ħaddiema u ħiliet iżda ssaħħaħ ukoll ir-reżiljenza ekonomika u l-kompetittività globali fit-tul tagħha. Barra minn hekk, l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli jista' jiffaċilita wkoll il-mobilità tax-xogħol u l-mobilità edukattiva u jsostni l-iżvilupp tal-kapital uman u l-kompetittività. |
|
(15) |
Is-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiffaċċaw sfidi biex jipprovdu lill-istudenti kollha, b'mod partikolari dawk minn ambjent soċjoekonomiku żvantaġġat, kif ukoll lil migranti bi kwalifiki baxxi, persuni b'diżabilità u persuni Rom, b'bażi soda ta' ħiliet li biha jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol. Il-prestazzjoni fil-matematika, fil-qari u fix-xjenza naqset f'dawn l-aħħar deċennji, b'madwar 30 % ta' dawk li għandhom 15-il sena bi progress insuffiċjenti fil-matematika u 25 % fil-qari u fix-xjenza fl-2022. Fl-2022, 16 % biss tal-istudenti żvantaġġati kellhom prestazzjoni tajba fil-qari, fil-matematika jew fix-xjenza, bi tnaqqis minn 21 % fl-2015 (19). Hemm darbtejn aktar ċans li l-istudenti li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni jitilqu mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ bi kwalifiki baxxi jew mingħajr kwalifiki (20). Dawn l-isfidi jkomplu jiġu aggravati mid-disparitajiet fl-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi f'reġjuni inqas żviluppati u f'żoni żvantaġġati, rurali u remoti. Aktar minn 40 % tal-istudenti tat-tmien sena ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi (21). It-tisħiħ tal-ħiliet diġitali huwa essenzjali biex tirnexxi t-trasformazzjoni diġitali, inkluż permezz tal-użu tal-apprendiment diġitali, l-għodod tal-ittestjar u l-użu effettiv, responsabbli, inklużiv u etiku tal-IA. Fl-istess ħin, ser ikun importanti li noqogħdu attenti għall-konsegwenzi dannużi potenzjali tal-użu ta' apparat diġitali, partikolarment għal studenti żgħażagħ. Id-diffikultajiet fit-tfulija wkoll jiġu trasferiti għall-ħajja adulta: wieħed minn kull ħames adulti jsibha diffiċli biex jaqra u jikteb. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol ewlieni fit-tħejjija tal-istudenti biex isiru ċittadini attivi, jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jagħrfu l-miżinformazzjoni u jinvolvu ruħhom b'mod sikur, responsabbli u sostenibbli fit-teknoloġiji diġitali. Kienu 73 % taż-żgħażagħ (15-30 sena) li ddikjaraw li l-edukazzjoni tagħhom tathom il-livell ta' ħiliet meħtieġ biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni. |
|
(16) |
Minkejja r-rata għolja ta' impjieg tal-gradwati reċenti tal-VET (erbgħa minn kull ħamsa fl-2024), il-VET u l-apprendistati għadhom qed jiffaċċjaw sfidi f'termini ta' kemm jiġbdu nies, fejn ħafna programmi vokazzjonali jbatu minn sterjotipi u rikonoxximent soċjetali ġeneralment limitat. Fl-2023, 3,75 miljun student tal-VET madwar l-UE ġew irreġistrati fi programmi tal-iSTEM, u dan jirrappreżenta 36,3 % tal-istudenti kollha tal-VET ta' livell medju. Dan għadu 'l bogħod mill-mira fil-livell tal-UE proposta fil-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM tal-Kummissjoni ta' mill-inqas 45 % sal-2030, li – fil-livelli attwali ta' reġistrazzjoni – tikkorrispondi għal 900 000 student oħra tal-VET li jiċċaqilqu f'qasam STEM. Fil-VET ta' livell medju, l-istudenti nisa huma sottorappreżentati b'mod sinifikanti fl-oqsma tal-iSTEM. |
|
(17) |
Fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja, minkejja d-domanda għolja f'ħafna oqsma STEM, madwar nofs l-Istati Membri ddokumentaw tnaqqis fir-reġistrazzjoni STEM bejn l-2015 u l-2023, li bħalissa hija ta' 26,9 % tal-istudenti,'il bogħod mill-mira tal-2030 proposta mill-Kummissjoni fil-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM li jkun hemm mill-inqas 32 % ta' studenti fl-oqsma STEM fil-livell terzjarju. Meta mqabbla ma' ekonomiji avvanzati oħra, l-UE għandha t-tieni l-iċken proporzjon ta' gradwati terzjarji fl-iSTEM għal kull elf żagħżugħ (14,3). Fil-livell ta' dottorat, kważi erbgħa minn kull għaxar studenti huma rreġistrati fl-oqsma tal-iSTEM, iżda sehem żgħir ħafna biss huwa rreġistrat fl-ICT. Is-sottorappreżentanza tan-nisa fl-iSTEM taggrava l-problema. L-ICT huwa l-qasam bl-inqas parteċipazzjoni ta' nisa fost l-oqsma kollha tal-edukazzjoni, fejn student wieħed minn kull ħamsa biss huma nisa. It-tluq mill-edukazzjoni għolja għadu ta' tħassib, b'mod partikolari fil-livell ta' baċellerat, bi 63 % biss tal-istudenti terzjarji jlestu lawrja fl-iSTEM fi żmien tliet snin mit-tmiem teoretiku. |
|
(18) |
In-nuqqas ta' għalliema kwalifikati f'ħafna Stati Membri, reġjuni, bliet u żoni remoti u rurali joħloq riskju sinifikanti għall-kwalità tal-edukazzjoni. Fl-2024, madwar għalliem wieħed minn kull ħamsa (22) ħadmu fi skejjel li kienu qed jiffaċċjaw nuqqas ta' għalliema kwalifikati, u dan illimita t-tagħlim ta' kwalità. Barra minn hekk, forza tax-xogħol tal-għalliema li qed tixjieħ ser tnaqqas l-għadd ta' għalliema disponibbli fis-snin li ġejjin. Fl-2023, 25 % tal-għalliema tal-klassijiet mil-livell primarju sa dak sekondarju tat-tieni livell kellhom 55 sena jew aktar (ekwivalenti għal aktar minn 1 300 000). Barra minn hekk, in-nuqqas perċepit ta' attraenza u ta' apprezzament mis-soċjetà tal-professjoni, kif ukoll il-qligħ baxx (meta mqabbel ma' okkupazzjonijiet oħra li għalihom il-lawrja tista' tagħti aċċess), jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' għalliema madwar l-UE. In-nuqqas akut ta' għalliema tal-iSTEM jikkontribwixxi għall-isfidi. In-nuqqas ta' attraenza ta' ċerti territorji jista' jkollu impatt ukoll fuq iż-żamma tal-għalliema f'żoni żvantaġġati, rurali u remoti. It-tħejjija tal-għalliema biex jindirizzaw l-istudenti b'diżabbiltà u/jew bi bżonnijiet speċjali fl-edukazzjoni u/jew bi żvantaġġ soċjoekonomiku hija ta' tħassib addizzjonali. Barra minn hekk, l-użu inkonsistenti tat-teknoloġija fl-iskejjel, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-ħiliet diġitali, u t-tħejjija differenti tal-għalliema fixklu t-titjib fil-livelli tal-ħiliet diġitali taż-żgħażagħ, minkejja żieda fl-investimenti fl-infrastruttura diġitali u fl-edukazzjoni fl-Istati Membri u fir-reġjuni. |
|
(19) |
L-allinjament tal-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ mad-domanda li qed tevolvi tas-suq tax-xogħol għadu sfida għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-UE. L-akkademji tal-ħiliet settorjali u inizjattivi simili, kif mitlub ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt għal Industrija Nadifa (23), jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta' kontenut ta' apprendiment u programmi ta' apprendiment rilevanti (24). Xi Stati Membri wettqu riformi rilevanti, madankollu għad hemm distakki sinifikanti bejn il-kompetenzi li jiksbu l-istudenti u dawk meħtieġa mill-impjegaturi. Bħala eżempju, filwaqt li 90 % tal-impjiegi jirrikjedu ħiliet diġitali bażiċi, 55,6 % biss tal-adulti fl-UE għandhom ħiliet bħal dawn. Din hija wkoll sfida fost iż-żgħażagħ fl-UE. Bi 42,5 % tal-istudenti tat-tmien sena li ma għandhomx biżżejjed ħiliet diġitali bażiċi, huwa meħtieġ ħafna progress biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' inqas minn 15 % (25). Biż-żieda fl-IA, il-litteriżmu diġitali bażiku qed isir dejjem aktar insuffiċjenti u aktar u aktar impjiegi ġodda fil-livell tad-dħul għall-gradwati żgħażagħ jeħtieġu ħiliet avvanzati fl-IA u fil-ħsieb kritiku u strateġiku. F'dan il-kuntest ta' spariġġ fil-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u dawk disponibbli, l-iżgurar tar-rilevanza tal-VET fis-suq tax-xogħol huwa kruċjali, anke bl-involviment attiv tas-sħab soċjali, u l-istess jgħodd għall-edukazzjoni għolja. Il-programmi ta' studju jaqdu rwol importanti biex inwieġbu għall-evoluzzjoni ta' ħtiġijiet tal-ħiliet orjentati lejn il-futur, multidixxiplinari u intersettorjali, xi ħaġa essenzjali għall-iżvilupp u l-isfruttament ta' għarfien u teknoloġiji ġodda. Meta nqisu ż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ ġeneralment iżżid l-impjegabbiltà tal-gradwati: ir-rata ta' impjieg ta' gradwati reċenti tal-VET li esperjenzaw tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-2024 kienet ta' 84,3 % meta mqabbla ma' 69,7 % għal dawk li ma kellhomx dan (26). |
|
(20) |
L-apprendiment tul il-ħajja, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, huwa essenzjali għall-individwi biex iżommu l-pass ma' suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr, inkluż it-tranżizzjoni minn setturi li qed jonqsu għal setturi li qed jikbru. Madankollu, fl-2022, 39,5 % biss tal-adulti pparteċipaw fl-apprendiment fis-sena preċedenti, aktar minn 20 punt perċentwali taħt il-mira ewlenija tal-UE ta' 60 % sal-2030. (27) L-adulti b'livell baxx ta' ħiliet, li jibbenefikaw l-aktar mit-taħriġ, jipparteċipaw ħafna inqas (11,3 %). Il-parteċipazzjoni hija aktar baxxa f'reġjuni inqas żviluppati u f'żoni staġnati, inklużi dawk rurali u remoti, kif ukoll għal gruppi vulnerabbli li jiffaċċaw ostakli addizzjonali biex jaċċessaw it-taħriġ. It-tnaqqis ta' dan id-distakk huwa kruċjali biex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà tanġibbli għal kulħadd u jitlob azzjoni aċċellerata u kkoordinata mill-Istati Membri, in-negozji u s-sħab soċjali, filwaqt li nirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tagħhom. Bħalissa, il-livelli ta' litteriżmu finanzjarju fl-UE huma baxxi ħafna. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2023, kważi ċittadin tal-UE minn kull ħamsa (26 %) għandu livell għoli ta' litteriżmu finanzjarju. |
|
(21) |
Il-gwida tul il-ħajja taqdi rwol deċiżiv biex tippermetti lill-individwi jimmaniġġjaw it-tranżizzjonijiet fil-karriera u jadattaw għal kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu. Il-gwida tul il-ħajja hija proċess kontinwu li jagħti l-mezzi liċ-ċittadini f'kull età biex jidentifikaw il-kapaċitajiet, il-kompetenzi u l-interessi tagħhom, jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol, u jimmaniġġjaw il-perkorsi individwali ta' ħajjithom. L-integrazzjoni tal-gwida tul il-ħajja fl-istrateġiji ta' apprendiment tul il-ħajja ssaħħaħ il-ħiliet ta' ġestjoni tal-karriera, tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi ta' gwida għaċ-ċittadini kollha, u tiżgura l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati. Dawn il-prinċipji huma essenzjali biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapital uman u biex irawmu r-reżiljenza u l-adattabbiltà fid-dawl tat-tranżizzjonijiet teknoloġiċi, ekoloġiċi u demografiċi. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment tinkludi dikjarazzjoni li l-gwida hija parti minn kundizzjonijiet qafas ta' abilitazzjoni usa' għall-użu effettiv tal-intitolamenti individwali għat-taħriġ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali tinkludi prinċipju ewlieni dwar il-gwida. |
|
(22) |
Sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ li jibqgħu validi għall-futur jeħtieġu finanzjament adegwat. In-nuqqas ta' azzjoni jiswa ħafna flus: il-kostijiet soċjali annwali ta' dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ b'mod globali ser ikun ta' USD 6 triljun sal-2030 (28). It-tnaqqis fil-livelli tal-ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ jista' jnaqqas it-tkabbir fit-tul tal-produttività b'diversi fatturi b'madwar 3 % fil-pajjiżi tal-OECD. L-investiment fil-kapital uman, inkluż fis-saħħa tal-popolazzjoni u fil-politiki li jappoġġjawha, jikkontribwixxi għal produttività ogħla u tkabbir ekonomiku sostenibbli. |
|
(23) |
L-infiq pubbliku waħdu ma jistax jissodisfa l-iskala tal-ħtiġijiet ta' titjib u tiġdid tal-ħiliet minħabba l-isfidi trasformattivi li qed tiffaċċa l-UE. Għall-adulti, il-forma ewlenija ta' apprendiment hija t-taħriġ relatat max-xogħol (erbgħa minn ħames studenti adulti fl-2022). Dan it-taħriġ huwa ffinanzjat b'mod predominanti mill-impjegaturi (kważi 90 % tal-apprendiment għall-adulti kollu relatat max-xogħol). Madankollu, waħda minn kull tliet kumpaniji ma tipprovdix korsijiet jew forom oħra ta' taħriġ lill-persunal tagħha, u l-kost huwa wieħed mill-ostakli ewlenin imsemmija (flimkien mal-volum tax-xogħol u r-restrizzjonijiet tal-ħin). L-inċentivar ta' nfiq privat effettiv fuq il-ħiliet inkluż billi l-akkwist pubbliku jintrabat mal-impenji ta' taħriġ iħeġġeġ lill-kumpaniji jieħdu responsabbiltà akbar għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu appoġġ għat-taħriġ, it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet mill-fornituri tas-servizzi, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, mal-issodisfar tal-kundizzjonijiet rilevanti. Il-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet tappella għal valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, biex jiġi żgurat li dawn jipprovdu inċentivi aħjar għall-industrija, inkluż l-ekonomija soċjali, biex tinvesti fit-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema. Is-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jimmobilizzaw investiment addizzjonali fil-ħiliet u jippromwovu l-kooperazzjoni u jipprovdu inċentivi aħjar għall-industrija, inkluż l-ekonomija soċjali, biex tinvesti fit-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema u tippromwovi l-kooperazzjoni. |
|
(24) |
Minkejja l-investimenti pubbliċi sostanzjali fl-edukazzjoni inizjali matul dawn l-aħħar deċennji, il-kwalità tal-edukazzjoni f'xi Stati Membri u reġjuni staġnat jew iddeterjorat. Sabiex jiġu massimizzati l-effettività u l-effiċjenza tal-investimenti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, il-valutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-impatt huma kruċjali, u idealment jitwettqu qabel, matul u wara l-implimentazzjoni, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u bl-użu ta' data amministrattiva f'waqtha u affidabbli kull fejn ikun possibbli (29). L-istabbiliment ta' Ċentru ta' Għarfien dwar l-Investiment Soċjali u l-integrazzjoni ta' Kontijiet Satellita dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (NUKEE) (30) maqbula fuq livell internazzjonali fil-kontijiet nazzjonali jistgħu jtejbu l-evalwazzjoni tal-politika u jipprovdu kwantifikazzjoni aktar akkurata tar-redditi fuq l-investiment fil-kapital uman. Il-Kummissjoni ħolqot ukoll il-Laboratorju tal-Apprendiment dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta' Kwalità (31), li jappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq ta' evalwazzjonijiet tal-politika fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex l-infiq pubbliku tagħhom f'dawn l-oqsma jsir aktar kosteffettiv u infurmat mill-evidenza. |
|
(25) |
Informazzjoni aċċessibbli, li tinftiehem faċilment, immirata u aġġornata dwar il-ħiliet hija essenzjali għal politiki ta' edukazzjoni u taħriġ effettivi u li jibqgħu validi fil-futur. Madankollu, l-informazzjoni dwar il-ħiliet fl-UE għadha frammentata, u dan ifixkel it-teħid ta' deċiżjonijiet infurmat tajjeb. Minkejja l-użu ta' metodi ta' tbassir tal-ħiliet fl-Istati Membri, għad hemm sfidi sinifikanti, inklużi d-diversità tat-tassonomiji, il-kumplessità tas-sorsi u l-metodi tad-data, u l-limitazzjonijiet f'termini tal-affidabbiltà u l-granularità tad-data, li jistgħu jirrestrinġu l-użu tal-informazzjoni. It-tbassir tad-domanda futura għal okkupazzjoni partikolari għandha t-tendenza li tvarja sostanzjalment, u tirrifletti suppożizzjonijiet differenti dwar il-firxa tal-awtomatizzazzjoni tal-kompiti u l-kuntest ekonomiku u demografiku usa'. It-tqabbil u l-ġabra ta' dawn is-sorsi huma meħtieġa għal politika infurmata aħjar. |
|
(26) |
Kważi wieħed minn kull tliet impjegati fl-UE jaħdmu f'impjiegi li ma jaqblux mal-ħiliet tagħhom, u dan jissuġġerixxi li hemm utilizzazzjoni subottimali tal-potenzjal tax-xogħol. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza li jinżammu standards ta' kwalità biex jissalvagwardaw l-objettivi ta' interess ġenerali, u ta' konformità mal-liġi tal-UE, regolamentazzjoni stretta żżejjed ta' ċerti professjonijiet u proċeduri ta' rikonoxximent ikkumplikati jxekklu d-dħul u jnaqqsu l-mobbiltà fis-suq tax-xogħol. Dan jikkontribwixxi għall-ispariġġ fil-ħiliet u n-nuqqas ta' ħaddiema kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE. |
|
(27) |
L-impjegaturi Ewropej jiffaċċaw diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' ħaddiema minn barra l-UE. Inqas minn intrapriża żgħira u ta' daqs medju waħda minn kull għaxra rreklutat ħaddiema minn pajjiżi terzi b'reazzjoni għan-nuqqas ta' ħiliet, u l-maġġoranza ta' dawk li għamlu dan sabu l-proċess diffiċli. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi spiss jiltaqgħu ma' proċeduri frammentati u bil-mod għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom u jesperjenzaw kwistjonijiet ta' sovrakwalifikazzjoni u spariġġi fil-ħiliet. Ir-rati ta' sovrakwalifikazzjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jafu jkunu d-doppju meta mqabbla ma' dawk għaċ-ċittadini tal-UE. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi nazzjonali u b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali, jaġixxu fil-perjodu 2026-2027, biex:
1. Jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet f'setturi strateġiċi
|
— |
Jidderieġu l-azzjonijiet biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet, b'enfasi fuq l-okkupazzjonijiet, partikolarment dawk li jitolbu ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), inkluż fl-ICT u fl-IA, f'setturi ta' importanza strateġika għall-kompetittività u r-reżiljenza (bħat-teknoloġija diġitali u nadifa, l-ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni industrijali, is-saħħa u l-bijoteknoloġija, l-agrikoltura u s-sajd u l-akkwakultura, il-bijoekonomija, l-industrija tad-difiża u l-ispazju). |
|
— |
Issaħħu t-twassil rapidu u fit-tul ta' ħiliet li jibqgħu validi fil-futur u li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol f'oqsma ta' importanza strateġika, billi jrawmu sħubijiet bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali u negozji individwali kif ukoll korpi pubbliċi, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali. |
|
— |
Inaqqsu l-ostakli għad-dħul fi professjonijiet regolati u jieħdu miżuri biex jippromwovu rikonoxximent aktar rapidu tal-kwalifiki f'setturi strateġiċi għaċ-ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi, filwaqt li jżommu standards ta' kwalità. |
2. Isaħħu l-ħiliet bażiċi biex jinbnew pedamenti sodi għal aktar kompetittività
|
— |
Isaħħu l-kisba tal-ħiliet tal-litteriżmu, tal-matematika (inkluż il-litteriżmu finanzjarju), tax-xjenza, dawk diġitali u taċ-ċittadinanza minn età bikrija u matul il-ħajja adulta u l-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ b'attenzjoni partikolari għal gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati u persuni b'diżabilità, filwaqt li jappoġġaw ukoll lil dawk bl-akbar talent. Jieħdu passi biex jilħqu l-miri fil-livell tal-UE miftiehma skont iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għall-istudenti sal-età ta' 15-il sena li ma jiksbux biżżejjed ħiliet bażiċi. |
|
— |
Jiżguraw aċċess ekwu għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja bħala mezz kif jitnaqqsu d-distakki fil-kisbiet. |
|
— |
Jiżguraw inċentivi adegwati biex il-professjoni ta' għalliem tiġbed aktar nies, speċjalment għas-suġġetti STEM. Jappoġġaw l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu fil-livelli kollha, inkluż approċċi ta' tagħlim inklużivi u sensittivi għall-ġeneru. |
|
— |
Isaħħu l-ħiliet diġitali tal-istudenti, apprendisti u studenti tul il-ħajja, inkluż il-litteriżmu fl-Intelliġenza Artifiċjali (IA), flimkien mal-ħsieb kritiku, japplikaw għodod tal-ittestjar diġitali biex jimmonitorjaw il-progress, u jħarrġu lill-għalliema biex jgħallmu bl-għajnuna tat-teknoloġija. Jinkoraġġixxu l-użu effettiv, responsabbli, inklużiv u etiku tal-IA. |
|
— |
Jidentifikaw l-isfidi u jindirizzaw l-impatt tal-użu tal-apparat diġitali fuq il-prestazzjoni akkademika, u l-benesseri mentali u fiżiku. |
3. Isaħħu l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET)
|
— |
Jagħtu spinta lill-kwalità u lill-attraenza tal-VET u tal-apprendistati, inkluż billi jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet negattivi, it-tisħiħ tal-inklussività għal gruppi żvantaġġati u l-indirizzar tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru, b'mod partikolari fil-programmi tal-iSTEM. |
|
— |
Joħolqu u jimplimentaw politiki jew strateġiji biex iżidu l-proporzjon ta' studenti inizjali tal-VET ta' livell medju rreġistrati fl-oqsma STEM, b'mod partikolari l-proporzjon ta' studenti nisa, u biex jilħqu mill-inqas 12 % (32) tal-istudenti tal-VET li jipparteċipaw f'esperjenza ta' apprendiment barra mill-pajjiż. |
|
— |
Jippromwovu biżżejjed provvista b'mod partikolari ta' għalliema u ħarrieġa STEM u jinċentivaw l-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol f'kooperazzjoni mal-kumpaniji. |
4. Itejbu l-eżiti tal-edukazzjoni terzjarja fl-iSTEM
|
— |
Iżidu l-kapaċità, ir-rilevanza u l-attraenza għaż-żgħażagħ tal-programmi STEM tal-edukazzjoni terzjarja (inkluż programmi vokazzjonali ta' livell ogħla), partikolarment fl-oqsma tal-ICT u l-IA, f'oqsma b'nuqqas kbir ta' ħaddiema u ħiliet u f'oqsma strateġiċi. Jippromwovu miżuri li jagħtu setgħa lill-istudenti nisa f'dawn l-oqsma. |
|
— |
Jippromwovu l-litteriżmu fl-IA u l-ħsieb kritiku u strateġiku tal-gradwati, irawmu approċċi transdixxiplinari u jtejbu l-internazzjonalizzazzjoni tal-programmi STEM fil-livell terzjarju (fosthom programmi vokazzjonali ta' livell ogħla), partikolarment permezz ta' programmi tranżnazzjonali konġunti. |
5. Investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet
|
— |
Jippromwovu nfiq pubbliku effettiv u effiċjenti fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet, proporzjonat għall-isfidi identifikati u l-objettivi u l-miri miftiehma, inkluż billi jisfruttaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus. |
|
— |
Jippromwovu l-investiment privat fit-titjib u t-tiġid tal-ħiliet ta' kwalità u l-użu tat-tieqa politika għall-investiment soċjali u l-ħiliet ta' InvestEU u jiżguraw sinerġiji mal-investiment pubbliku. |
|
— |
Jimmonitorjaw u jevalwaw regolarment l-investimenti fl-edukazzjoni u l-ħiliet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bl-użu ta' metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjoni solidi u mfassla apposta filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv żejjed. Jibbażaw, fejn jitqies utli, fuq il-Prinċipji Gwida Volontarji approvati mill-Kunsill (33), biex jinfurmaw it-tfassil tal-politika abbażi tal-evidenza. |
|
— |
Jiżguraw l-użu ta' data amministrattiva biex jivvalutaw l-effettività u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
6. Informazzjoni dwar il-ħiliet biex it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol ikunu ta' suċċess
|
— |
Jiżviluppaw u japplikaw metodoloġiji għall-użu tal-big data u l-IA, biex jipprovdu informazzjoni aħjar u aktar f'waqtha dwar il-ħiliet, filwaqt li jibnu fuq u jikkomplementaw is-sorsi eżistenti ta' informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-ħiliet. |
|
— |
Ikomplu jintegraw u jżidu l-użu regolari tal-informazzjoni dwar il-ħiliet fit-tfassil (mill-ġdid) tal-ħiliet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-istrateġiji ta' żvilupp ekonomiku, fl-oqsma tal-gwida għall-karriera tul il-ħajja, l-orjentazzjoni mill-ġdid u t-tranżizzjonijiet tal-impjiegi, kif ukoll fil-validità għall-futur tat-tfassil u l-iżvilupp ta' programmi ta' edukazzjoni u taħriġ. |
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MOUSHOUTTAS
(1) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2025 “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” (COM/2025/30 final).
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2025 “L-Unjoni tal-Ħiliet” (COM(2025) 90 final).
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2025 “Pjan ta' Azzjoni għal Kontinent tal-IA” (COM(2025) 165 final)
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2025 “Strateġija għall-Applikazzjoni tal-IA” (COM(2025) 723 final), li tressaq azzjonijiet settorjali u transsettorjali, inkluż dwar il-litteriżmu fl-IA, it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet u l-informazzjoni dwar il-ħiliet, biex tiżdied l-adozzjoni tal-IA f'industriji ewlenin u fis-settur pubbliku.
(6) F'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew: niżguraw dibattiti infurmati dwar ir-riformi u l-investimenti, 2020/C 64/01.
(7) Ir-rata medja tal-postijiet tax-xogħol vakanti bejn l-2013 u l-2019 ammontat għal 1,7 %.
(8) Ewrobarometru Nru 537 11/2023.
(9) EIB Investment Survey 2024: European Union Overview https://www.eib.org/attachments/lucalli/20240238_econ_eibis_2024_eu_en.pdf
(10) Il-Kummissjoni Ewropea/OECD Report on Health at a Glance in Europe 2024.
(11) EURES_Report_on_labour_shortages_and_surpluses_2024.
(12) Seafarers - Mobility and Transport - European Commission.
(13) Insawru u nsaħħu t-talent Ewropew fl-IA, 2025.
(14) Ir-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali 2024 stima li mingħajr aktar azzjoni, 59,8 % biss tal-popolazzjoni adulta ser ikollha mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2030, ferm taħt il-mira ta' 80 %.
(15) Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Labour market and wage developments in Europe – Annual review 2025, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025 https://data.europa.eu/doi/10.2767/1810636.
(16) Eurostat, [lfsa_egan22d] Employed persons by detailed economic activity (NACE Rev. 2 two-digit level) (2008-2026).
(17) Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724.
(18) Cedefop. (2023). The greening of the EU construction sector: skills intelligence. Data insights series.
(19) Ara l-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment).
(20) Eurostat, [edat_lfse_02] Early leavers from education and training by country of birth.
(21) Ara l-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni (ICILS).
(22) Fit-22 Stat Membru parteċipanti tal-UE f'TALIS 2024. OECD (2025), Results from TALIS 2024: The State of Teaching, TALIS, OECD Publishing, Paris, https://doi.org/10.1787/90df6235-en.
(23) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2025 “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni” (COM(2025) 85 final).
(24) Ir-rapporti annwali tal-programm tad-Deċennju Diġitali jistabbilixxu riformi ewlenin li jridu jitwettqu mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi f'dan il-qasam.
(25) L-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni (ICILS) tal-2023, imwettaq mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (IEA, International Association for the Evaluation of Educational Achievement).
(26) Abbażi tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol, estrazzjoni speċjali tad-data.
(27) Il-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti minbarra t-taħriġ iggwidat fuq il-post tax-xogħol skont l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti.
(28) Brunello, G., Rocco, L., Eck, M., 2024, The price of inaction: the global private, fiscal and social costs of children and youth not learning, UNESCO
(29) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill, Ir-rwol tal-politika tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u dawk soċjali għal ekonomiji reżiljenti, 20 ta' Ġunju 2024 u l-Prinċipji Gwida Volontarji għall-Istati Membri tal-UE għall-evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi tar-riformi u l-investimenti fl-oqsma tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u tal-politika soċjali. Ġunju 2024.
(30) Il-kontijiet satellita huma oqfsa supplimentari li jespandu fuq il-kontijiet nazzjonali ewlenin billi jipprovdu dettall addizzjonali dwar oqsma speċifiċi. Il-Kontijiet Satellita dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ jikkwantifikaw l-investiment fil-kapital uman billi jkejlu n-nefqa fuq l-edukazzjoni formali, it-taħriġ vokazzjonali, u l-apprendiment mhux formali.
(31) https://education.ec.europa.eu/focus-topics/improving-quality/learning-lab
(32) Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2024 “Ewropa Attiva” — opportunitajiet ta' mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd.
(33) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10779-2024-INIT/en/pdf.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1687/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)