Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-ħabitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi – Żoni ta’ protezzjoni speċjali – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jaffettwa sit protett fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit – Evalwazzjoni preliminari – Assenza ta’ ffissar ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal żona ta’ protezzjoni speċjali”
Fil-Kawżi magħquda C‑27/25 u C‑356/25,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) (C‑27/25) u mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) (C‑356/25), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑13 ta’ Diċembru 2024 u tal‑11 ta’ April 2025, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis‑17 ta’ Jannar 2025 u fis‑27 ta’ Mejju 2025, fil-proċeduri
SU,
Wild Ireland Defence CLG
vs
An Coimisiún Pleanála, li kienet An Bord Pleanála,
Minister for Housing, Local Government and Heritage,
Ireland,
The Attorney General,
fil-preżenza ta’:
Knocknamona Windfarm Limited (C‑27/25),
u
Paddy Massey
vs
An Coimisiún Pleanála, li kienet An Bord Pleanála,
Ireland,
The Attorney General,
Minister for Housing, Local Government and Heritage,
fil-preżenza ta’:
Curns Energy Limited (C‑356/25),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen, R. Frendo u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal SU u Wild Ireland Defence CLG, minn J. Devlin, SC, M. Heavey, BL, u B. Harrington, solicitor,
– għal Paddy Massey, minn J. Devlin, SC, M. Heavey, BL, u B. Harrington, solicitor,
– għal An Coimisiún Pleanála, minn F. Valentine, SC, S. Hughes, BL, S O’Connor, BL, R. McDermott, A. McKenna, R. Minch, G. Murphy, A. O’Connor u M. O’Leary, solicitors,
– għall-Minister for Housing, Local Government and Heritage, Ireland, The Attorney General u l-Irlanda, minn M. Browne, A. Burke, H. Ignatova u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, SC, E. Synnott, BL, u S. Keniry, BL,
– għal Knocknamona Windfarm Limited, minn N. Dunleavy, SC, J. Fitzsimons, SC, T. O’Sullivan, BL, M. Delargy u J. Hurley, solicitors,
– għal Curns Energy, minn S. Dodd, SC, C. Hughes, BL, H. Gallagher, D. Nagle u G. Tiernan, solicitors,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Cullen u N. Ruiz García, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ April 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ħabitat’”).
2 Dawn iż-żewġ talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, SU, persuna fiżika, u Wild Ireland Defence CLG, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent (Kawża C‑27/15) kif ukoll Paddy Massey, persuna fiżika oħra (Kawża C‑356/25), minn naħa, u An Coimisiún Pleanála, li kienet An Bord Pleanála (l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”), il-Minister for Housing, Local Government and Heritage (il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, għall-Gvern Lokali u l-Patrimonju, l-Irlanda), Irlenad (l-Irlanda), u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ żewġ deċiżjonijiet, adottati mill-Awtorità, li jagħtu permessi ta’ kostruzzjoni għal proġetti ta’ modifika jew ta’ żvilupp ta’ parks eoliki.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi
3 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi”), jipprevedi fil-paragrafu 1:
“Fid-dawl tal-ħtiġiet msemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreżervaw, imantnu jew jistabbilixxu mill-ġdid diversità u żoni ta’ ambjent naturali suffiċjenti għall-ispeċi kollha tal-għasafar msemmija fl-Artikolu 1.”
4 L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-ħabitat jipprovdi:
1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. [...]
[...]
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali [(iktar ’il quddiem iż-“ŻSP”)] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.
[...]
4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”
Id-Direttiva dwar il-ħabitat
5 It-tielet, it-tmien u l-għaxar premessa tad-Direttiva dwar il-ħabitat jipprovdu li:
“Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti;
[...]
Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.
6 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.”
7 L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-ħabitat jipprovdi:
“1. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. [...]
Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni [Ewropea], fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. [...]
2. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) [...], il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ prijorità.
[...]
Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità [...] għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni [...]
3. Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.
4. Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni [(iktar ’il quddiem iż-“ŻSK”)] kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.
5. Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”
8 L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitat jipprevedi:
“1. Għal [ŻSK], l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-[ZSK], id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.
3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.
[...]”
9 Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħabitat:
“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”
Id-dritt Irlandiż
10 L-Artikolu 177V(1) tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li evalwazzjoni xierqa tinkludi determinazzjoni mill-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, tal-kwistjoni dwar jekk proġett ta’ żvilupp jaffettwax ħażin l-integrità ta’ sit Ewropew, u għandux jitwettaq qabel ma jingħata l-permess ta’ dan il-proġett. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 177V jelenka l-elementi li l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta twettaq evalwazzjoni xierqa, b’mod partikolari, kull informazzjoni jew kull opinjoni miksuba mill-awtorità kompetenti jew ipprovduta lilha, kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 177V jippreċiża li l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha dwar din l-evalwazzjoni xierqa lill-applikant tal-proġett ta’ żvilupp, filwaqt li tindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C-27/25
11 Fit‑28 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità adottat deċiżjoni li tagħti lil Knocknamona Windfarm Limited permess ta’ ppjanar għal proġett ta’ modifika ta’ park eoliku, li kien ġie awtorizzat fl‑2016 fil-Kontea ta’ Waterford (l-Irlanda). Din id-deċiżjoni awtorizzat lill-iżviluppatur sabiex iżid l-għoli tat-turbini minn 126 għal 155 metru (m), kif ukoll dak tal-arblu meteoroloġiku awtorizzat preċedentement, b’tali mod li jaqleb minn torri tubulari ta’ 80 metru għal torri kannizzata li jistgħu jilħqu 99 m.
12 Qabel ma adottat l-imsemmija deċiżjoni, l-Awtorità wettqet evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq ħames siti Ewropej identifikati li jistgħu jiġu affettwati minnu, fosthom iż-ŻSP ta’ Blackwater Callows, indikata bħala tali skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, li tinsab fil-Kontej ta’ Cork (l-Irlanda) u ta’ Waterford, għal 13-il kilometru (km) tal-park eoliku kkonċernat.
13 Huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tal-istess deċiżjoni, l-Irlanda ma kinitx stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal din iż-ŻSP.
14 Filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-ispettur tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-interessi eliġibbli tas-sit ikkonċernat kienu jinkludu ċertu numru ta’ speċi, fosthom iċ-ċinju (Cygnus cygnus). Fir-rigward tal-ispeċijiet l-oħra, l-Awtorità qieset li kull effett ħażin fuq l-integrità ta’ dan is-sit jista’ jiġi eskluż peress li ż-żona koperta mill-imsemmi proġett ma kienet adatta għal ebda waħda minn dawn l-ispeċi l-oħra. Fir-rigward taċ-ċinju, l-Awtorità ma sabitx provi tal-preżenza tiegħu f’din iż-żona jew viċin tagħha u għalhekk ikkonkludiet li d-dimensjonijiet il-ġodda tal-arblu, tat-turbini u tar-rotors ma jippreġudikawx l-integrità tal-imsemmi sit fir-rigward ta’ din l-ispeċi. Konsegwentement, l-Awtorità qieset li dan l-istess proġett ma kienx jippreġudika l-integrità tal-imsemmija żona.
15 Su u Wild Ireland Defence kkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-Awtorità quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Huma jsostnu li, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mill-Irlanda speċifikament għaż-ŻSP ta’ Blackwater Cıs, l-Awtorità ma setgħetx tistabbilixxi b’mod validu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ambjentali tal-istess proġett fuq din iż-ŻSP.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2024, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn SU u Wild Ireland Defence. Skont din il-qorti, essenzjalment, minkejja li l-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP ikkonċernata huwa, bħala prinċipju, neċessarju sabiex evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit protett tkun tista’ titwettaq b’mod validu, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni, li kienet twettqet abbażi ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni ġenerali, kienet xorta waħda valida, peress li mid-data xjentifika kien jirriżulta li ċ-ċinju ma kienx affettwat mill-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrispettivament mill-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti speċifikament għaż-ŻSP ikkonċernata.
17 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mid-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑27/25. Huma jsostnu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat timponi t-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-modifiki previsti fuq is-sit ikkonċernat “għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit”, b’tali mod li tali evalwazzjoni tista’ ssir b’mod validu biss jekk għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi jkunu ġew adottati minn qabel għaż-ŻSP inkwistjoni. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ għanijiet ġenerali ta’ konservazzjoni ma hijiex suffiċjenti.
18 Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Awtorità, il-Ministru tad-Djar, il-Kumpanniji Lokali u tal-Patrimonju u l-Prosekutur Ġenerali jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li, għalkemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP inkwistjoni għandhom, ċertament, jikkostitwixxu punt ta’ referenza obbligatorju meta dawn jeżistu, ma hemmx ostakolu assolut għall-eżami u għat-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat fl-assenza ta’ tali għanijiet. Id-Direttiva dwar il-ħabitat ma tipprekludix li tali evalwazzjoni tkun tista’ ssir mingħajr ma jkunu ġew adottati għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP inkwistjoni. Huma jenfasizzaw li l-għan prinċipali tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat huwa li jiġi żgurat li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ tali siti.
19 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-ħabitat teżiġix li għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal ŻSP partikolari jkunu ġew adottati sabiex awtorità nazzjonali tkun tista’ twettaq b’mod validu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Għanijiet ta’ konservazzjoni validi għal [ŻSP] huma prerekwiżiti għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti sabiex twettaq evalwazzjoni xierqa u valida skont l-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-ħabitat] meta tkun qiegħda tikkunsidra applikazzjoni għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett?”
Kawża C-356/25
21 Fit‑8 ta’ Jannar 2021, Curns Energy Limited ippreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal proġett ta’ permess ta’ park eoliku u tal-infrastruttura assoċjata. Dan il-proġett jinkludi 17‑il turbina tar-riħ, maqsuma f'żewġ gruppi, jiġifieri 11-il turbina tar-riħ li għandhom jiġu installati fil-Kontea ta’ Waterford u 6 fil-Kontea ta’ Cork, kejbil ta’ ġbir taħt l-art twil madwar 3.3 km, substazzjon b’konnessjoni ta’ ċirku ma' Knockraha – Woodhouse ta’ 110 kilovolt (kV) permezz ta’ żewġ linji fil-għoli ta’ 40 m u faċilità ta’ ħażna ta’ batteriji fil-litju li tinsab fl-istess post bħal dan is-substazzjon. B’deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2023, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess għall-bini għall-proġett ikkontestat. Dan il-proġett jinsab 9.9 km ’il bogħod miż-ŻSP ta’ Blackwater Callows.
22 Bħal fil-Kawża C‑27/25, ma huwiex ikkontestat li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-Irlanda kienet għadha ma adottatx għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP ikkonċernata.
23 P. Massey mar quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), minn naħa, b’talba għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, b’talba għal deċiżjoni dikjaratorja intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni preliminari tal-effetti ambjentali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq iż-ŻSP ta’ Blackwater Callows kellha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal din iż-żona, li madankollu kienu neqsin waqt l-adozzjoni tal-istess deċiżjoni.
24 Din il-qorti ċaħdet din it-talba għal annullament. Madankollu, hija tibqa’ adita bit-talba għal deċiżjoni dikjaratorja mressqa minn P. Massey.
25 Il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, essenzjalment, jekk, konformement mad-Direttiva dwar il-ħabitat, l-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP ikkonċernata tipprekludix li awtorità nazzjonali tkun tista’ twettaq evalwazzjoni preliminari tal-effetti ambjentali tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni fuq is-sit protett sabiex tiddetermina n-neċessità li titwettaq evalwazzjoni xierqa tagħhom.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“L-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-ħabitat], kif applikat għad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi,] permezz tal-Artikolu 7 tad-[Direttiva dwar il-ħabitat], għandu l-effett li l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru dwar jekk pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut mal-ġestjoni ta’ sit jew neċessarju għaliha għall-finijiet tad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi] jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv dan is-sit, kemm individwalment kif ukoll flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, għandha titwettaq b’riferiment għall-għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew għall-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti għas-sit ikkonċernat u/jew, b’mod partikolari, għal sit li fir-rigward tiegħu huwa propost li tiġi eskluża l-evalwazzjoni minħabba li ma huwiex probabbli li jiġi hekk affettwat b’mod sinjifikattiv?”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2025, it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex il-Kawża C‑27/25 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda u din il-kawża ġiet suġġetta għal trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
28 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru 2025, il-Kawżi C‑27/25 u C‑356/25 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑356/25
29 Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑356/25 hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju diġà ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża. Sa fejn is-sentenza ta’ din il-qorti li tiċħad din it-talba għal annullament kisbet l-awtorità ta’ res judicata, it-tilwima fil-kawża prinċipali ġiet deċiża b’mod definittiv, b’tali mod li d-domanda magħmula fl-imsemmija kawża ma hijiex biss mingħajr suġġett, iżda wkoll irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.
30 F’dan il-każ, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-High Court (il-Qorti Għolja) fil-kuntest ta’ proċedura li tinkludi żewġ partijiet, waħda li tikkonsisti, essenzjalment, f’talba għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-oħra, f’talba għal deċiżjoni dikjaratorja intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni preliminari tal-effetti ambjentali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq is-sit ikkonċernat kellha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew il-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP ta’ Blackwater Callows. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għalkemm huwa minnu li l-ewwel parti tat-tilwima fil-kawża prinċipali ġiet deċiża mill-qorti tar-rinviju, it-tieni waħda tibqa’ madankollu pendenti quddiemha. Fil-fatt, din il-qorti tippreċiża li s-suġġett ta’ din il-kawża ma huwiex limitat għall-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda jestendi wkoll għat-talba għal deċiżjoni dikjaratorja mressqa minn P. Massey, li dwarha hija għadha ma ddeċidietx.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża prinċipali żżomm is-suġġett tagħha, sa fejn il-qorti tar-rinviju tibqa’ adita bit-talba għal deċiżjoni dikjaratorja mressqa minn P. Massey.
32 Il-fatt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura dikjaratorja ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi dwar domanda preliminari meta din l-azzjoni tkun prevista mid-dritt nazzjonali u meta din id-domanda tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima li l-qorti tar-rinviju tkun adita biha b’mod regolari (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li talba għal deċiżjoni dikjaratorja hija azzjoni ġudizzjarja prevista mid-dritt Irlandiż.
34 Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2026, Korfin u Sempiola Invest, C‑225/25, EU:C:2026:401, EU:C:2026:401, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
35 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eżitu tat-talba għal deċiżjoni dikjaratorja jiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domanda magħmula, fis-sens li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li l-evalwazzjoni preliminari tal-effetti ambjentali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq iż-ŻSP ta’ Blackwater Cıs kellha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew il-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal din iż-żona. Fil-każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti jkollha għalhekk tiċħad it-talba għal deċiżjoni dikjaratorja.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva dwar il-ħabitat ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
37 Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑356/25 hija ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
38 Permezz tad-domandi rispettivi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP ikkonċernata, awtorità nazzjonali tista’ validament twettaq, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett, għal evalwazzjoni preliminari u/jew evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq l-integrità ta’ din iż-ŻSP.
39 Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (sentenzi tat‑23 ta’ April 2026, NOI – Blagoevgrad, C‑116/25, EU:C:2026:336, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 24).
41 Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat jipprevedi li kull pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għall-ġestjoni ta’ sit iżda li x’aktarx ser ikollu effett sinjikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.
42 L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat jippreċiża, barra minn hekk, li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 6, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar dan il-pjan jew dan il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit u, jekk ikun il-każ, wara li jkunu ħadu l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
43 L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “evalwazzjoni xierqa” skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat , għandu jiġi rrilevat li din ta’ l-aħħar ma tiddefinixxi ebda metodu partikolari sabiex issir din l-evalwazzjoni. Madankollu, skond il-formulazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti, fuq is-sit ikkonċernat, tal-pjan jew tal-proġett qabel ma dan jiġi approvat u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw minn dan il-pjan jew proġett flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging und Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 52 u 53).
44 It-tieni nett, mill-formulazzjoni tal-istess dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit għandha ssir “in vista” tal-għanijiet ta’ konservazzjoni “tas-sit”.
45 Minn naħa, it-termini “in vista” għandhom jinftiehmu, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, bħala li jimponu li l-evalwazzjoni xierqa titwettaq fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat.
46 Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ippreċiżat li huwa fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit protett li għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq dan is-sit. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-ħabitat teżiġi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tidentifika u tevalwa l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-imsemmi sit qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 51).
47 Huwa wkoll f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitats, li japplikaw ukoll għaż-ŻSP konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, u li permezz tagħhom l-Istati Membri huma obbligati jwettqu evalwazzjoni ex ante u jissuġġettaw għal awtorizzazzjoni minn qabel il-pjanijiet jew proġetti li jistgħu jaffettwaw is-siti kkonċernati b’mod sinjifikattiv, jispeċifikaw li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit jikkostitwixxu punt ta’ riferiment obbligatorju għall-evalwazzjonijiet xierqa meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et, C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 42).
48 Min-naħa l-oħra, ir-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, għall-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ “dan is-sit”, jindika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu speċifiċi għal kull sit protett.
49 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-lill-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni ma jistgħux ikunu ġenerali u impreċiżi, iżda għandhom, għall-kuntrarju, ikunu speċifiċi u preċiżi, kif ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi partikolari taż-żoni kkonċernati, li jippreżupponi li dawn ikunu relatati mat-tipi prinċipali ta’ ħabitat naturali u ta’ speċi preżenti fi ħdan iż-ŻSK ikkonċernata u li jkunu ta’ interess għall-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 58 u 59, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 B’hekk, mill-formulazzjoni ċara u inekwivoku tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat jirriżulta li l-evalwazzjoni xierqa għandha ssir insostenn tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit ikkonċernat. Fil-fatt, fl-assenza ta’ determinazzjoni ta’ dawn l-għanijiet, tali evalwazzjoni ma tistax issir b’mod validu, b’tali mod li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma fakultattivi jew li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta dawn jeżistu.
51 Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat.
52 L-ewwel nett, skont it-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-ħabitat, għandha, f’kull żona identifikata, jitħaddmu l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti; L-għaxar premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi li għandha ssir evalwazzjoni xierqa ta’ kull pjan jew programm li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li jkun ġie identifikat jew li ser jiġi identifikat fil-futur. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il- ħabitats, moqri flimkien ma’ dan l-għaxar premessa tagħha jirriżulta li l-karattru sinjifikanti tal-effett, fuq sit, ta’ pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija ta' dan is-sit huwa evalwat imqabbel mal-għanijiet ta' konservazzjoni tal-imsemmi sit. Barra minn hekk, meta pjan jew proġett jirriskja li jikkomprometti dawn l-għanijiet, huwa għandu jitqies li jista’ jaffettwa l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 46 u49).
53 Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jitqies li jeżisti tali riskju fejn ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku fis-suġġett, li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jista’ jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi għall-istess sit (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Minn dan isegwi li r-rekwiżit li titwettaq l-evalwazzjoni xierqa meħtieġa fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett ma huwiex purament formali. Dan ir-rekwiżit huwa, fil-fatt, inerenti għan-natura stess ta’ tali evalwazzjoni, peress li din tal-aħħar għandha preċiżament l-għan li tiddetermina jekk il-pjan jew il-proġett ikkonċernat jistax jippreġudika l-integrità ta’ dan is-sit, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għall-imsemmi sit.
55 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2023, Eco Advocacy, C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi stabbiliti qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa meħtieġa, ma jistax jitqies li tali evalwazzjoni xierqa tissodisfa l-imsemmija rekwiżiti ta’ kompletezza, ta’ preċiżjoni u ta’ natura definittiva.
56 It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligi relatati mal-ġestjoni taż-ŻSP, previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitats, jimplikaw li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istatus ġuridiku ta’ ŻSP għandu jinkludi tali għanijiet ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et, C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 46).
57 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi kif ukoll l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-ħabitats għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu, għal kull ŻSP, ikkunsidrata individwalment, għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ispeċi protetti kollha kif ukoll il-ħabitat tagħhom. B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet skont l-importanza ta’ dawn il-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi kollha (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et, C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 59).
58 Fil-fatt, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-ħabitats jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, għan-nominazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, għandhom jiddeterminaw il-prijoritajiet skont l-importanza ta’ dawn iż-żoni għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ ħabitat naturali jew ta’ ċerta speċi, kif ukoll għall-koerenza ta’ Natura 2000 u skont it-theddid ta’ ħsara jew ta’ qerda li jkunu esposti għalihom dawn is-siti. Issa, l-istabbiliment ta’ dawn il-prijoritajiet jimplika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu diġà ġew stabbiliti minn qabel (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 46).
59 Għaldaqstant, id-determinazzjoni ta’ dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju fil-kuntest tal-istabbiliment tal-imsemmija prijoritajiet u tal-miżuri ta’ konservazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn qabel u speċifiċi għal kull sit protett jikkundizzjonaw kemm id-definizzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni applikabbli għal sit protett kif ukoll dik tal-prijoritajiet f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ispeċi u ta’ dan is-sit kif ukoll it-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti fuq tali sit.
61 Għaldaqstant, għandu jitqies li d-determinazzjoni ta’ dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni tikkostitwixxi stadju preliminari u indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat.
62 Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat mill-Irlanda, li l-Istati Membri jibbenefikaw, skont l-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, minn terminu ta’ sitt snin sabiex jipproċedu għall-indikazzjoni taż-ŻSK
63 Ċertament, il-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar jiżvolġi fi tliet stadji previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-ħabitat, jiġifieri l-proposta minn kull Stat Membru ta’ lista ta’ siti, l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, u sussegwentement l-identifikazzjoni formali ta’ dawn is-siti bħala ŻSK fit-terminu massimu ta’ sitt snin, billi jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 37).
64 Madankollu, id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, applikabbli għaż-ŻSP inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tinkludi ebda dispożizzjoni ekwivalenti li tiffissa tali terminu għaż-ŻSP. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni rispettivi taż-ŻSK u taż-ŻSP huma strutturalment distinti, anki jekk l-għanijiet tagħhom jikkonverġu fi ħdan in-network Natura 2000. Għaldaqstant, permezz tar-riferiment magħmul għall-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħabitat, l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jissostitwixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar swelvaġġi u japplikaw għaż-ŻSP sa mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala tali mill-Istati Membri.
65 Fi kwalunkwe każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Blackwater Cıs ġiet ikklassifikata bħala ŻSP, fis-sens tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, fl‑2010. Issa, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tal-istess deċiżjoni, rispettivament fl‑2022 u fl‑2023, l-Irlanda ma kinitx stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal din iż-żona.
66 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi u preċiżi għas-siti li jaqgħu taħt in-network Natura 2000 tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-ħabitat (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, dawn l-obbligi japplikaw ukoll għaż-ŻSP sa mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala tali mill-Istati Membri.
67 L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, li tinsab fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.
68 Kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħabitat, l-istruttura stess tan-network Natura 2000 timplika li kull sit jissodisfa funzjoni speċifika fih, b’tali mod li jikkontribwixxi għall-koerenza globali ta’ dan in-network u, għaldaqstant, għat-twettiq tal-għan ġenerali li jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli għall-ispeċi u għat-tipi ta’ ħabitats kollha li jinsabu fl-Annessi I u II tad-Direttiva dwar il-ħabitat.
69 Dan l-għan ġenerali jikkonkretizza ruħu, fir-rigward tas-siti protetti, permezz tal-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni li jiddefinixxu l-istat li għandu jintlaħaq għal dawn l-ispeċi u dawn it-tipi ta’ ħabitats fi ħdan is-siti kkonċernati. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li s-siti kkonċernati jiġu ppreservati fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni, li jimplika ż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ ħabitat naturali jew speċi li l-objettiv ta’ preservazzjoni tagħha ġġustifika d-identifikazzjoni ta’ dan is-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorament taż-żona naturali ta’ Doñana), C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 B’hekk, id-definizzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni applikabbli għal sit protett u dik tal-prijoritajiet f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ispeċi u tas-siti protetti kif ukoll it-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti fuq tali sit huma l-azzjonijiet u l-mekkaniżmi konkreti li għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għas-sit ikkonċernat.
71 L-ispeċifiċità u l-preċiżjoni tal-għanjiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat għaldaqstant jagħmluha possibbli li jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuq dawn l-għanjiet humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 115 u 116). L-istess japplika fir-rigward tat-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti fuq sit protett.
72 Issa, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn qabel u speċifiċi għas-sit ikkonċernat, l-evalwazzjoni xierqa li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali hija neċessarjament ibbażata fuq bażi insuffiċjentement preċiża u kompleta, kif huwa rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li jkollu l-konsegwenza li jżid ir-riskju li pjanijiet jew proġetti mhux direttament marbuta ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni ta’ dan is-sit, iżda li jippreġudikaw l-integrità tiegħu, jiġu awtorizzati minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk jikkawżaw danni ekoloġiċi sinjifikattivi, jew saħansitra irreparabbli, lill-imsemmi sit.
73 Tali assenza ċċaħħad, barra minn hekk, il-proċedura ta’ evalwazzjoni xierqa mill-prevedibbiltà u miċ-ċertezza legali indispensabbli għall-implimentazzjoni tagħha f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttivi dwar il-ħabitats u dwar l-għasafar selvaġġi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ħabitats għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv u permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et, C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
74 Għaldaqstant, evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett imwettqa mingħajr ma l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dan is-sit ikunu ġew adottati minn qabel tirriskja li tikkomprometti l-għanijiet imfittxija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat u, b’mod definittiv, dawk ta’ din id-direttiva stess.
75 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-adozzjoni minn qabel, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit ikkonċernat tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ legalità tal-evalwazzjoni xierqa meħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat.
76 Fir-rigward tal-fażi ta’ preevalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni fuq is-sit protett, li hija s-suġġett tad-domanda preliminari fil-Kawża C‑356/25, għandu jitfakkar li din tikkostitwixxi stadju preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li ssir, sussegwentement, evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq is-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind et Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 40).
77 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat jistabbilixxi b’mod ċar li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni jiddependi fuq is-segwenti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-pjan jew il-proġett inkwistjoni ma għandux ikun marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit, u għandu jkun jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 32)
78 Il-fażi tal-evalwazzjoni preliminari, bħala stadju preliminari sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li titwettaq evalwazzjoni xierqa, għandha preċiżament l-għan li tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.
79 Din il-fażi ta’ evalwazzjoni preliminari ma timplikax li titwettaq analiżi daqstant kompleta u preċiża bħal dik li għandha ssir fil-kuntest tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-analiżi tal-miżuri ta’ natura li jevitaw jew inaqqsu eventwali effetti sinjifikattivi fuq is-sit ikkonċernat ma għandhiex issir fl-istadju tal-imsemmija fażi preliminari, iżda f’dak ta’ din l-evalwazzjoni xierqa. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali miżuri sa mill-fażi preliminari, jista’ jippreġudika l-effett utli tad-Direttiva ħabitats, b’mod ġenerali, kif ukoll il-fażi ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, peress li din il-fażi tal-aħħar titlef l-iskop tagħha u li jkun jeżisti riskju li tiġi evitata din il-fażi ta’ evalwazzjoni, li madankollu tikkostitwixxi garanzija essenzjali prevista minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2023, People Over Wind u Sweetman, C‑323/21, EU:C:2018:477, punti 46 sa 47).
80 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni minn dawk imsemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk il-pjan jew il-proġett inkwistjoni huwiex direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat tirrigwarda l-karatteristiċi ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett ikkunsidrat fih innifsu. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit protett ma tistax titqies bħala indispensabbli f’dan ir-rigward.
81 Fir-rigward tat-tieni minn dawn il-kundizzjoni, din timplika b’mod partikolari li jiġu identifikati s-siti protetti li jistgħu jiġu affettwati mill-pjan jew mill-proġett inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjali ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett. Issa, il-possibbiltà li titwettaq tali identifikazzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull wieħed mis-siti protetti, ma tistax tiġi eskluża. Dan jista’ jkun il-każ meta d-delimitazzjoni taż-żona ġeografika li l-pjan jew il-proġett jista’ jaffettwa tippermetti li jiġi eskluż, biċ-ċertezza meħtieġa skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħad-distanza bejn l-istess pjan jew l-istess proġett u s-siti protetti kif ukoll l-eżistenza jew le ta’ mezzi plawżibbli ta’ effett, kull riskju li ċerti siti protetti jiġu affettwati, indipendentement mill-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi ta’ dawn tal-aħħar.
82 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-siti protetti li jinsabu fiż-żona ġeografika li tista’ tiġi affettwata minn dan il-pjan jew minn dan il-proġett, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà jew tar-riskju li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett ikollu effett sinjifikattiv fuq dawn is-siti ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għall-imsemmija siti. Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta mill-punti 76 sa 79 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni ma timplikax li titwettaq analiżi daqstant kompleta u preċiża tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett ikkonċernat fuq is-sit protett bħall-evalwazzjoni xierqa nnifisha, iżda li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dan is-sit, il-probabbiltà jew ir-riskju li dan il-pjan jew dan il-proġett ikollu effett sinjifikattiv fuqu jistgħux jew le jiġu esklużi.
83 Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jitqies li, fil-kuntest tal-fażi tal-evalwazzjoni preliminari, il-possibbiltà li jiġi ddelimitat l-ispazju ġeografiku li jista’ jiġi affettwat minn pjan jew minn proġett, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull wieħed mis-siti protetti, ma tistax tiġi eskluża. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà jew tar-riskju li tali pjan jew proġett ikollu effett sinjifikattiv fuq sit protett li jinsab f’din iż-żona ġeografika ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dan is-sit.
84 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-ħabitat għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ma tistax, fin-nuqqas ta’ adozzjoni minn qabel ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi stabbiliti għaż-ŻSP ikkonċernata, twettaq b’mod validu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq l-integrità ta’ din iż-żona, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni relatata ma’ dan il-pjan jew ma’ dan il-proġett. Fil-kuntest tal-fażi tal-evalwazzjoni preliminari, il-possibbiltà li jiġi ddelimitat l-ispazju ġeografiku li jista’ jiġi affettwat minn pjan jew minn proġett, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull wieħed mis-siti protetti, ma tistax tiġi eskluża. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà jew tar-riskju li tali pjan jew proġett ikollu effett sinjifikattiv fuq sit protett li jinsab f’din iż-żona ġeografika ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dan is-sit.
Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis
85 Waqt is-seduta, l-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.
86 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ dawn ir-regoli, kif għandhom jew kif kellhom jinftiehmu u jiġu applikati mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bl-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għas-sistema legali tal-Unjoni, tillimita lill-kull persuna kkonċernata l-possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji, peress li dawn il-kriterji huma kumulattivi (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, DB InfraGO u DB RegioNetz Infrastruktur, C‑770/24, EU:C:2026:218, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
87 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari fejn kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u fejn kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, DB InfraGO u DB RegioNetz Infrastruktur, C‑770/24, EU:C:2026:218, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
88 F’dan il-każ, ma jidhirx li l-Irlanda wriet riskju ta’ diffikultajiet serji. Min-naħa l-oħra, peress li dan l-Istat Membru finalment adotta, fl‑2024, għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻSP kollha li jinsabu fit-territorju tiegħu u li, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li awtorità amministrattiva tkun, bħala prinċipju, obbligata tirrevedi deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet natura definittiva mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors jew permezz tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, DB InfraGO u DB RegioNetz Infrastruktur, C‑770/24, EU:C:2026:218, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), tali riskju jidher li huwa eskluż.
89 Peress li t-tieni kriterju msemmi fil-punt 86 ta’ din is-sentenza ma huwiex issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex sodisfatt il-kriterju relatat mal-bona fide tal-persuni kkonċernati.
90 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.
Fuq l-ispejjeż
91 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
awtorità nazzjonali ma tistax, fin-nuqqas ta’ adozzjoni minn qabel ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi stabbiliti għaż-Żona Speċjali ta’ Protezzjoni kkonċernata, twettaq b’mod validu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq l-integrità ta’ din iż-żona, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni relatata ma’ dan il-pjan jew ma’ dan il-proġett. Fil-kuntest tal-fażi tal-evalwazzjoni preliminari, il-possibbiltà li jiġi ddelimitat l-ispazju ġeografiku li jista’ jiġi affettwat minn pjan jew minn proġett, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull wieħed mis-siti protetti, ma tistax tiġi eskluża. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà jew tar-riskju li tali pjan jew proġett ikollu effett sinjifikattiv fuq sit protett li jinsab f’din iż-żona ġeografika ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dan is-sit.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.