European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/341

10.1.2025

DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li tistabbilixxi r-Regoli dwar id-Data Miftuħa tal-Parlament Ewropew

(C/2025/341)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

Billi:

(1)

Id-data hija assi strateġiku, hija meħtieġa għall-innovazzjoni u biex tippermetti l-użu a’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari l-intelliġenza artifiċjali;

(2)

L-organizzazzjonijiet pubbliċi jrendu disponibbli b’mod sistematiku parti mid-data pubblika tagħhom fil-forma ta’ data miftuħa biex jippromwovu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, biex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, u biex itejbu s-servizzi pubbliċi permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni;

(3)

Biex tiġi appoġġjata dik il-prattika, ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(4)

Fir-riżoluzzjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar strateġija Ewropea għad-data (2), il-Parlament Ewropew appella għal miżuri li jippermettu fluss akbar ta’ data bejn is-settur pubbliku u n-negozji, kif ukoll fi ħdanhom;

(5)

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri adottaw miżuri li jifformalizzaw il-ftuħ tad-data tagħhom; fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2011/833/UE (3), intiża sabiex tiffaċilita użu mill-ġdid usa’ tal-informazzjoni pubblika. Fuq l-eżempju tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (UE) 2017/1842 (4) u l-Qorti tal-Awdituri adottat id-Deċiżjoni Nru 6-2019 (5), dwar il-politika dwar id-data miftuħa u l-politiki dwar l-użu mill-ġdid tad-dokumenti;

(6)

Il-parlamenti nazzjonali rrikonoxxew ukoll il-ħtieġa li tittejjeb l-aċċessibbiltà tad-data pubblika tagħhom. Fl-2022, l-Unjoni Interparlamentari wettqet studju fuq id-data miftuħa u ppubblikat lista (6) tal-kmamar parlamentari madwar id-dinja, li bħalissa joffru data miftuħa fuq portali jew siti web speċifiċi;

(7)

Għall-Parlament, l-objettiv li jrendi d-data pubblika tiegħu kemm jista’ jkun interoperabbli u faċli li tinsab jikkostitwixxi l-konkretezza tal-impenji tiegħu favur il-ftuħ u l-obligu ta’ rendikont; dan jikkomplementa d-deċiżjonijiet meħuda biex jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjoni. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data miftuħa huwa wkoll mod kif jistimula l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi lill-Membri, isaħħaħ il-proċess deċiżjonali tal-Parlament ibbażat fuq id-data u jsaħħaħ ix-xogħol tiegħu ta’ sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjoni

Id-data miftuħa hija data pubblika magħmula disponibbli f’format strutturat, u li jinqara mill-magni u li hija ppubblikata skont termini u kundizzjonijiet li jippermettu l-użu mill-ġdid u r-ridistribuzzjoni faċli.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni u objettivi

1.   Il-Parlament jimpenja ruħu li jagħmel disponibbli, bħala data miftuħa, id-data pubblika tiegħu u jistabbilixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti li jirregolaw l-użu mill-ġdid tagħha.

2.   Il-Parlament għandu l-għan li jipprovdi l-aktar kwantità possibbli mid-data pubblika tiegħu fil-format ta’ data miftuħa, filwaqt li jagħti prijorità lil settijiet ta’ data ta’ interess kbir għall-pubbliku.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Id-data kollha tal-Parlament li tkun diġà pubblika tista’ tiġi ppubblikata bħala data miftuħa.

Biex titqies bħala “miftuħa”, id-data jrid ikollha l-erba’ karatteristiċi li ġejjin:

(a)

“ftuħ tekniku”: id-data u l-metadata tagħha jkunu offruti f’formati miftuħa u li jinqraw mill-magni;

(b)

“ftuħ legali”: id-data tkun l-oġġett ta’ liċenzja miftuħa;

(c)

“ftuħ prattiku”: id-data tkun tista’ tinsab faċilment u tkun aġġornata u direttament aċċessibbli;

(d)

“ftuħ soċjali”: bl-għan li jittejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data, il-feedback tal-utenti jinġabar u jitqies meta d-data ssir disponibbli.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

L-użu mill-ġdid tad-data miftuħa tal-Parlament huwa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liċenzja Internazzjonali tal-Creative Commons Attribution 4.0 (CC BY 4.0) (7). Id-data mhux ipproċessata, il-metadata jew dokumenti oħra ta’ natura komparabbli jistgħu minflok jiġu distribwiti mill-Parlament skont l-att Creative Commons Universal Public Domain Dedication (CC0 1.0) (8).

Artikolu 5

Portal tad-Data Miftuħa

1.   Bil-preżenti, il-Parlament jistabbilixxi u jimpenja ruħu li jżomm Portal tad-Data Miftuħa tal-Parlament Ewropew biex jiffaċilita l-individwalizzazzjoni ta’ data disponibbli għall-użu mill-ġdid u l-aċċess għaliha.

2.   Id-data pubblika tal-Parlament għandha tkun disponibbli permezz tal-Portal tad-Data Miftuħa tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe verżjoni lingwistika eżistenti u f’formati li huma miftuħa, li jinqraw mill-magni u li jiżguraw li d-data, flimkien mal-metadata tagħha, ikunu aċċessibbli għall-utenti, ikunu faċli biex jinstabu mill-utenti, u jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw.

3.   Kemm id-data kif ukoll il-metadata tagħha għandhom jikkonformaw mal-istandards miftuħa applikabbli.

Artikolu 6

Sorveljanza u monitoraġġ

Is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-Regoli għandhom jiġu assenjati lil entità responsabbli speċifika, fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ 14-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1024/oj).

(2)   ĠU C 494, 8.12.2021, p. 37.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39 , ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/833/oj), implimentata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 1655 final tat-22 ta’ Frar 2019 li tadotta l-Creative Commons bħala liċenzja miftuħa fil-qafas tal-politika tal-użu mill-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea (https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/rules-reuse-commission-information).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1842 tad-9 ta’ Ottubru 2017 dwar il-politika tal-Kunsill dwar data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 262, 12.10.2017, p. 1, ELI http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1842/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 6-2019 dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti (https://www.eca.europa.eu/lists/ecadocuments/decision_eca_6_2019/eca-decision_06-2019_en.pdf).

(6)   https://www.ipu.org/innovation-tracker/story/state-open-data-in-parliaments-in-2022.

(7)   https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/.

(8)   https://creativecommons.org/public-domain/cc0/.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/341/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)