18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/226

tas-17 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK (2) tidentifika l-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi kif previst fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 314/2004 jġib fis-seħħ dik id-Deċiżjoni sa fejn hi meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jelenka l-persuni u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(3)

Fis-17 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/227 (3) li tneħħi tliet persuni mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali


(1)   ĠU L 55, 24.2.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/227 tas-17 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ara l-paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

L-Anness III, Taqsima I, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 huwa emendat kif ġej:

L-entrati segwenti jitħassru:

“(2)

Mugabe, Grace

Imwielda fit-23.7.1965

Passaport AD001159

ID 63-646650Q70

Eks Segretarja tal-Lega tan-nisa ta’ ZANU-PF (Zimbabwe African National Union – Patriotic Front), involuta f’attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Ħadet taħt idejha l-Iron Mask Estate fl-2002; allegata li tikseb b’mod illeċitu profitti kbar mit-tħaffir għad-djamanti.

(5)

CHIWENGA, Constantine

Viċi President

Eks Kmandant tal-Forzi tad-Difiża taż-Żimbabwe, Ġeneral irtirat, imwieled fil-25.8.1956

Passaport AD000263

ID 63-327568M80

Viċi President u eks Kmandant tal-Forzi tad-Difiża taż-Żimbabwe. Membru tal-Kmand Operazzjonijiet Konġunti u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika ripressiva tal-istat. Uża l-armata għall-ħtif ta’ azjendi agrikoli. Matul l-elezzjonijiet tal-2008, hu kien arkitett prinċipali tal-vjolenza assoċjata mal-proċess tal-ballottaġġ Presidenzjali.

(7)

SIBANDA, Phillip Valerio (a.k.a. Valentine)

Kmandant tal-Forzi tad-Difiża taż-Żimbabwe

Eks Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe, Ġeneral, imwieled fil-25.8.1956 jew l-24.12.1954

ID 63-357671H26

Kmandant tal-Forzi tad-Difiża taż-Żimbabwe u eks-Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe. Membru anzjan tal-armata b’rabtiet mal-Gvern u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika oppressiva tal-istat.”