|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3539 |
22.7.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2026/3539)
Relatur:
Pascal DEBAYKorelatur:
Ionuț SIBIAN|
Konsulenti |
Peter DUNNE (għar-relatur tal-Grupp II) Ana Bianca OPREA (għall-korelatur tal-Grupp III) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
4.12.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
24.2.2026 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
29.4.2026 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
605 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
169/3/9 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta’ prattiki ta’ konverżjoni li għandhom l-għan li jibdlu, irażżnu jew iħassru l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna. Il-prattiki ta’ konverżjoni jiksru l-projbizzjoni assoluta tat-tortura u t-trattament jew il-kastigi inumani jew degradanti. |
Il-KESE jirrakkomanda li:
|
1.2. |
il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) tintroduċi Proposta għal projbizzjoni legalment vinkolanti tal-UE ta’ prattiki ta’ konverżjoni (il-projbizzjoni). Il-projbizzjoni proposta għandha tipprojbixxi l-attivitajiet kollha li għandhom l-għan li jibdlu, irażżnu jew iħassru l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna, u r-reklamar ta’ tali attivitajiet; |
|
1.3. |
il-projbizzjoni tiġi abbozzata f’termini komprensivi u preċiżi, li jiddefinixxu b’mod ċar l-azzjonijiet li jikkostitwixxu prattiki ta’ konverżjoni; |
|
1.4. |
il-projbizzjoni tipprojbixxi prattiki ta’ konverżjoni tat-tfal jew tal-adulti u r-reklamar ta’ tali prattiki. Din għandha tapplika għall-atturi pubbliċi, privati, professjonali u mhux professjonali kollha li jipparteċipaw fi prattiki ta’ konverżjoni jew li jirreklamawhom. Kwalunkwe projbizzjoni ma għandhiex tintuża biex timponi responsabbiltà kriminali jew ċivili fuq is-superstiti tal-prattiki ta’ konverżjoni; |
|
1.5. |
il-projbizzjoni tistabbilixxi penali adegwati għal dawk li jipparteċipaw fi prattiki ta’ konverżjoni jew jirreklamawhom. Dawn il-penali għandhom jirriflettu l-ħsara serja kkawżata mill-prattiki ta’ konverżjoni u jkunu biżżejjed biex jiskoraġġixxu lill-individwi milli jipparteċipaw f’tali prattiki jew jirreklamawhom; |
|
1.6. |
il-projbizzjoni tkopri l-karatteristiċi tas-sess sabiex l-individwi intersesswali jiġu protetti minn interventi mhux terapewtiċi u mhux kunsenswali, li jikkostitwixxu forma ta’ prattika ta’ konverżjoni billi jisfurzaw l-allinjament binarju tal-ġeneru; |
|
1.7. |
il-Kummissjoni timplimenta evalwazzjoni annwali, f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata, biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fil-livell orizzontali u vertikali fl-Istati Membri kollha. Projbizzjoni tkun effettiva biss jekk tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ b’saħħtu; |
|
1.8. |
il-Kummissjoni tiffinanzja taħriġ speċjalizzat għall-professjonisti ewlenin biex jidentifikaw prattiki ta’ konverżjoni u jappoġġjaw lis-superstiti, u tiżgura kooperazzjoni mal-NGOs tal-persuni LGBTIQ+ u finanzjament adegwat għalihom, peress li dawn għandhom rwol ċentrali fl-appoġġ, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-assistenza speċjalizzata tal-ewwel linja; |
|
1.9. |
il-Kummissjoni tiffinanzja l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar il-prattiki ta’ konverżjoni. Huwa kruċjali li jkun hemm sensibilizzazzjoni akbar fost il-pubbliku sabiex jiġu identifikati u jinqerdu tali prattiki. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dawn il-miżuri bħala parti mill-programm tagħha biex tindirizza l-prattiki ta’ konverżjoni fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026-2030. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) titlob lill-Kummissjoni tintroduċi projbizzjoni legali ta’ prattiki ta’ konverżjoni, li huma mmirati lejn individwi LGBTIQ+ fl-Unjoni Ewropea (1). Dawn il-prattiki, komunement imsejħa “terapiji ta’ konverżjoni”, jallegaw li jibdlu jew irażżnu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna. |
|
2.2. |
Il-prattiki ta’ konverżjoni ġew deskritti bħala krudili, inumani u degradanti, u li potenzjalment jikkostitwixxu tortura, min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa, bosta partijiet ikkonċernati addizzjonali appoġġjaw b’mod espliċitu l-projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni, fosthom il-Parlament Ewropew, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali. |
|
2.3. |
L-inizjattiva, li tnediet f’Jannar 2024 mill-assoċjazzjoni Franċiża Kontra t-Terapija tal-Konverżjoni (ACT), malajr kisbet appoġġ u ġabret 1 128 063 firma. Il-Kummissjoni jeħtiġilha twieġeb sat-18 ta’ Mejju 2026, u tiddeskrivi kwalunkwe miżura ta’ segwitu li hija maħsuba. |
|
2.4. |
Bħalissa, il-prattiki ta’ konverżjoni huma pprojbiti, f’livelli differenti, fi tmien Stati Membri tal-UE: il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, Malta, il-Portugall u Spanja. Fid-dsatax-il Stat Membru l-oħra, ma hemm l-ebda projbizzjoni jew qafas legali speċifiku biex jiġu ristretti tali prattiki. Hemm ukoll projbizzjonijiet fin-Norveġja u fl-Iżlanda, kif ukoll f’pajjiżi barra mill-Ewropa bħall-Kanada, New Zealand u l-Ekwador. |
|
2.5. |
Il-KESE jilqa’ din l-IĊE importanti b’sodisfazzjon kbir, billi diġà appella biex jiġu pprojbiti l-prattiki ta’ konverżjoni (2). |
|
2.6. |
Il-KESE josserva li, skont ir-riżultati tal-Istħarriġ III tal-FRA dwar il-persuni LGBTIQ, persuna minn kull erba’ wieġbet li kienet esperjenzat xi forma ta’ “terapija ta’ konverżjoni” (3). 11 % minn dawn il-prattiki allegatament twettqu minn membri tal-familja u 5 % twettqu minn membri ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi. L-inċidenti rrappurtati kienu jinkludu vjolenza fiżika (3 % ta’ dawk li wieġbu), vjolenza sesswali (1 %), u abbuż verbali jew umiljazzjoni (14 %). Nofs in-nisa trans (47 %) u l-irġiel trans (48 %) kienu soġġetti għal tali “terapiji ta’ konverżjoni”. Fost dawk mistħarrġa, 76 % tar-rispondenti ddikjaraw li ma kinux taw il-kunsens tagħhom għal dawn it-“terapiji”, u 13 % wieġbu li kienu għaddew minn prattiki ta’ konverżjoni bħala riżultat ta’ pressjoni jew ta’ theddid. Minkejja l-varjazzjonijiet bejn l-istimi, dawn iċ-ċifri jenfasizzaw l-iskala inkwetanti tal-prattiki ta’ konverżjoni fl-UE. |
|
2.7. |
Il-KESE jisħaq li s-superstiti tal-prattiki tal-konverżjoni jeħtiġilhom jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu bħala “vittmi” ta’ reati ta’ mibegħda u jiġu protetti skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Huma jeħtiġilhom ikollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, għal għajnuna legali, u għal protezzjoni minn vittimizzazzjoni sekondarja matul il-proċedimenti legali, irrispettivament minn jekk il-prattika tkunx twettqet minn, fost oħrajn, membri tal-familja, konsulenti reliġjużi jew professjonisti mediċi. |
|
2.8. |
Il-KESE jenfasizza li l-prattiki ta’ konverżjoni ma għandhom l-ebda bażi xjentifika u għandhom konsegwenzi dannużi billi jikkaġunaw jew isaħħu s-sentimenti ta’ mistħija, ta’ ħtija, ta’ diżgust bihom infushom u li jħossuhom ma jiswew xejn. Dan jista’ jwassal għal rati ogħla ta’ dipressjoni, ansjetà, disturb minn stress postrawmatiku (PTSD), ħsibijiet suwiċidali u tentattivi ta’ suwiċidju. Din id-dgħufija tas-saħħa u l-benesseri mentali jaffettwa lil persuni ta’ kull età, iżda huwa partikolarment devastanti għat-tfal u ż-żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet mediċi u psikoloġiċi ewlenin ikkundannaw il-prattiki ta’ konverżjoni għaliex xjentifikament huma bla bażi, u huma ineffettivi u perikolużi, u inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem (4). Barra minn hekk, il-prattiki ta’ konverżjoni għandhom impatt negattiv fuq il-pubbliku peress li jsaħħu t-twemmin falz u stigmatizzanti li l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru jistgħu jew għandhom jiġu “kkurati”. |
|
2.9. |
Il-KESE huwa konvint li l-prattiki ta’ konverżjoni jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li potenzjalment jiksru diversi salvagwardji stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (5) (KEDB, ETS Nru 5), inklużi l-Artikoli 2, 3, 8, 9, 10 u 14, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 3 tal-KEDB jipprojbixxi t-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbiliet li l-prattiki li jikkawżaw tbatija fiżika jew psikoloġika severa — bħal interventi mediċi furzati, xokkijiet elettriċi jew manipulazzjoni psikoloġika koerċittiva — jistgħu jiksru l-Artikolu 3 tal-KEDB (6). |
|
2.10. |
Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. It-tfal huma partikolarment suxxettibbli li jkunu soġġetti għal “terapiji ta’ konverżjoni” u li jiġu affettwati serjament minnhom. Id-dritt tal-ġenituri li jikkontrollaw u jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom huwa limitat mill-aħjar interessi tat-tfal. L-Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru josserva li l-impożizzjoni ta’ terapiji ta’ konverżjoni fuq it-tfal hija inkompatibbli mal-aħjar interessi ta’ dawn it-tfal (7). |
|
2.11. |
Il-KESE jinnota l-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026-2030, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza u tagħti prijorità lill-implimentazzjoni u l-kooperazzjoni, inkluż l-appoġġ għall-Istati Membri għat-tnaqqis tal-prevalenza tal-prattiki ta’ konverżjoni (8). Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tqis l-IĊE, u l-KESE jħeġġiġha tipproponi l-inklużjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni bħala “reati tal-UE” skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE u tirrikonoxxihom bħala reati ta’ mibegħda, sabiex tiżgura livell uniformi ta’ protezzjoni madwar l-UE. |
|
2.12. |
L-organizzazzjonijiet professjonali madwar l-Ewropa, fosthom l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-psikologi, tal-psikjatri, tal-psikoterapisti u tal-konsulenti, jipprojbixxu b’mod formali l-prattiki ta’ konverżjoni. Madankollu, għalkemm dawn il-projbizzjonijiet professjonali għandhom rwol preventiv importanti, jibqgħu biss linji gwida etiċi aktar milli garanziji legali, u l-grad sa fejn huma infurzati jvarja madwar l-UE. Il-projbizzjonijiet legali joffru forma ta’ protezzjoni aktar b’saħħitha u konsistenti, li tikkomplementa l-istandards etiċi sostnuti mill-professjonisti tas-saħħa mentali. |
|
2.13. |
Il-KESE jenfasizza li l-prattiki ta’ konverżjoni jwasslu għal privazzjoni soċjoekonomika severa u għal rati għoljin ta’ esklużjoni soċjali għas-superstiti. It-trawma psikoloġika li tirriżulta, fosthom dipressjoni u disturb minn stress postrawmatiku, iddgħajjef serjament l-impjegabbiltà u l-prestazzjoni ta’ individwu fuq il-post tax-xogħol. Sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni sħiħa tal-persuni LGBTIQ+ fis-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrikonoxxu dawn id-danni bħala ostakli għall-impjieg u jipprovdu servizzi ta’ assistenza integrati biex jgħinu lill-vittmi jintegraw ruħhom mill-ġdid fil-ħajja professjonali. |
|
2.14. |
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tadotta miżuri biex tiġġieled il-miżinformazzjoni dwar il-prattiki ta’ konverżjoni, speċjalment online. Huwa meħtieġ mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali biex jiġi evitat ir-reklamar ta’ dawn il-prattiki dannużi. |
|
2.15. |
Il-programmi ta’ finanzjament tal-UE għandhom ikunu marbuta mill-qrib mar-rispett għall-valuri Ewropej (l-Artikolu 2 tat-TUE) u jkunu kundizzjonali fuqu. Il-KESE jirrakkomanda awditu tad-diversità ex ante u ex post għall-proġetti ffinanzjati mill-UE biex jiġi żgurat li dawn ma jippromovux prattiki ta’ konverżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi allokat finanzjament speċifiku taħt il-programm CERV lill-NGOs li jipprovdu appoġġ legali u psikoloġiku lis-superstiti. |
|
2.16. |
Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali, u tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ b’mod partikolari, li huwa motivat minn twemmin politiku jew reliġjuż. Id-diskriminazzjoni, il-vjolenza u t-tortura diretti kontra individwi fl-UE huma inkompatibbli mal-valuri fundamentali tal-UE tat-tolleranza u tal-libertà. |
3. Kummenti speċifiċi
Projbizzjoni tad-dritt kriminali fuq il-prattiki ta’ konverżjoni
|
3.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li, madwar l-Ewropa, għad hemm dibattitu dwar l-aktar mezzi effettivi biex jiġu miġġielda l-prattiki ta’ konverżjoni. |
|
3.2. |
Fejn bħalissa jeżistu projbizzjonijiet fl-UE, il-maġġoranza tal-Istati Membri ħolqu reati kriminali. Għalkemm it-theddida ta’ responsabbiltà kriminali tista’ tiskoraġġixxi lil ċerti superstiti milli jirrapportaw l-abbuż, l-użu tad-dritt kriminali jirrikonoxxi bl-aħjar mod id-danni sinifikanti kkawżati mill-prattiki ta’ konverżjoni u x’aktarx għandu effetti deterrenti aktar b’saħħtu mill-penali ċivili. |
|
3.3. |
Filwaqt li jista’ jkun possibbli li, f’ċerti Stati Membri, dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt kriminali jew tad-dritt ċivili ġenerali jistgħu jiġu applikati biex jikkundannaw prattiki ta’ konverżjoni, l-applikazzjoni tal-liġijiet eżistenti, minflok l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni legali speċifika ta’ prattiki ta’ konverżjoni, tinjora kemm l-importanza simbolika ta’ projbizzjoni espliċita, kif ukoll id-diffikultajiet li xi superstiti jistgħu jesperjenzaw jekk ikunu meħtieġa jadattaw l-abbuż tagħhom biex jaqbel ma’ definizzjoni aktar ġenerali ta’ dannu skont id-dritt kriminali jew ċivili. |
|
3.4. |
Għalkemm id-dritt kriminali joffri deterrent qawwi, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe projbizzjoni kriminali ta’ prattiki ta’ konverżjoni trid tkun parti minn approċċ ta’ ġustizzja restorattiva. Il-penali għandhom ikunu kkomplementati minn edukazzjoni obbligatorja għat-trasgressuri u, b’mod kruċjali, minn appoġġ soċjali robust għas-superstiti biex jiġi evitat li l-biża’ mill-prosekuzzjoni tiskoraġġixxi r-rapportar fi ħdan il-familja jew f’kuntest reliġjuż. |
Ambitu prattiku ta’ projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni
|
3.5. |
Huwa importanti li kwalunkwe projbizzjoni tal-UE ta’ prattiki ta’ konverżjoni tkun imfassla f’termini komprensivi u preċiżi, b’mod partikolari f’każ li l-projbizzjoni tieħu l-forma ta’ dritt kriminali. |
|
3.6. |
Projbizzjoni tal-UE trid tiddefinixxi b’mod ċar l-azzjonijiet li jikkostitwixxu prattiki ta’ konverżjoni. Għalkemm ma hemm l-ebda definizzjoni uniformi ta’ prattiki ta’ konverżjoni komuni fost l-Istati Membri, il-KESE josserva li kwalunkwe definizzjoni tal-UE trid tinkludi l-firxa sħiħa ta’ mġiba abbużiva — inkluża dik fiżika, emozzjonali, finanzjarja — li tista’ tintuża biex tipprova tbiddel l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna. |
|
3.7. |
Projbizzjoni tal-UE trid tipprojbixxi kemm il-parteċipazzjoni fi prattiki ta’ konverżjoni, kif ukoll ir-reklamar ta’ dawk il-prattiki. Projbizzjoni fuq ir-reklamar, li hija komuni fost l-Istati Membri li diġà pprojbixxew il-prattiki ta’ konverżjoni, hija essenzjali biex jitnaqqsu l-punti ta’ dħul f’dawn il-prattiki, kif ukoll biex jiġu ssanzjonati kif imiss atturi li ma jipprovdux prattiki ta’ konverżjoni iżda li jidderieġu lill-individwi lejn attivitajiet relatati mal-konverżjoni. |
|
3.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li, bħal fil-każ ta’ reati simili, kwalunkwe projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni topera b’effett ekstraterritorjali, sabiex jiġi pprojbit it-teħid ta’ persuna barra mill-UE bl-għan li din il-persuna tkun soġġetta għal prattiki ta’ konverżjoni f’ġuriżdizzjoni mhux tal-UE. |
Raġunijiet protetti fil-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni
|
3.9. |
Il-KESE jirrakkomanda li projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni tkopri l-isforzi biex jinbidlu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna. Dawn it-tliet raġunijiet bħalissa huma inklużi fil-liġijiet dwar il-prattiki ta’ konverżjoni fil-Belġju, f’Ċipru, fil-Greċja, f’Malta, fi Spanja u fil-Portugall. |
|
3.10. |
Għalkemm l-espressjoni tal-ġeneru hija kunċett li hu inqas żviluppat fid-dritt Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prattiki ta’ konverżjoni mmirati lejn persuni trans u mhux binarji spiss jiffukaw fuq l-espressjoni esterna tagħhom tal-ġeneru, ħaġa li tista’ tkun katalizzatur għall-aktar forom severi ta’ ħsara relatata mal-“konverżjoni”. |
|
3.11. |
Madwar l-Ewropa, hemm oppożizzjoni għall-inklużjoni tal-identità tal-ġeneru peress li hemm il-biża’ li din tista’ tirrestrinġi l-kapaċità tal-professjonisti mediċi li jkollhom diskussjonijiet leġittimi u mediċi mal-pazjenti dwar l-identità tal-ġeneru. Madankollu, il-KESE josserva li ma hemm l-ebda raġuni għaliex projbizzjoni fil-livell tal-UE ma tistax tiġi abbozzata f’termini suffiċjenti biex tippermetti l-għoti ta’ kull kura fir-rigward tal-ġeneru li tingħata bona fide u li hija medikament adatta, inklużi konverżazzjonijiet dwar l-istorja tal-ġeneru. Kwalunkwe projbizzjoni tal-UE għandha tiddistingwi b’mod ċar bejn tentattivi ta’ “kura affermattiva” u tentattivi ta’ “konverżjoni” dannuża. Din iċ-ċarezza hija essenzjali biex jiġu protetti l-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jipprovdu appoġġ etiku. |
|
3.12. |
Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki tal-konverżjoni għandha tkopri wkoll il-karatteristiċi tas-sess sabiex l-individwi intersesswali jiġu protetti minn interventi medikament mhux meħtieġa u mhux kunsenswali, li jikkostitwixxu forma ta’ prattika ta’ konverżjoni billi jisfurzaw l-allinjament binarju tal-ġeneru. Abbażi tal-pożizzjoni preċedenti tiegħu, il-KESE jappella għal projbizzjoni totali fuq il-“mutilazzjoni intersesswali” (9). |
|
3.13. |
Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li kwalunkwe projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni tagħmilha ċara li l-projbizzjoni ta’ tali prattiki fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali ma tiġġustifikax iż-żamma ta’ kura tas-saħħa klinikament xierqa għat-tfal trans u mhux binarji. |
Ambitu personali tal-projbizzjoni fuq il-prattiki ta’ konverżjoni
|
3.14. |
Madwar l-Istati Membri tal-UE li diġà pprojbixxew il-prattiki ta’ konverżjoni, hemm kunsens mifrux li kwalunkwe projbizzjoni għandha tapplika għat-tfal kollha mingħajr eċċezzjoni. Din il-pożizzjoni, li l-KESE jaqbel magħha, tirrikonoxxi s-suxxettibbiltà unika tat-tfal għad-danni kkawżati mill-prattiki ta’ konverżjoni. |
|
3.15. |
Fil-każ tall-adulti, għad hemm xi dibattitu dwar jekk il-liġi għandhiex tipprojbixxi prattiki ta’ konverżjoni kontra kwalunkwe adult, jew jekk, bħalma hu l-każ f’Malta, fil-Greċja u fil-Ġermanja, projbizzjoni għandhiex tkopri biss adulti li ma jistgħux u/jew ma jipprovdux kunsens liberu u infurmat għal tali prattiki. Din l-aħħar pożizzjoni tenfasizza d-dritt tal-individwi awtonomi li jipparteċipaw fl-awtodeterminazzjoni u li jagħmlu għażliet liberi, anki meta dan jesponi lil adult għal imġiba dannuża jew abbużiva. |
|
3.16. |
Il-KESE jirrikonoxxi li ċ-ċirkostanzi soċjali u kulturali speċifiċi li fihom normalment iseħħu l-prattiki ta’ konverżjoni jdgħajfu b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ kwalunkwe adult, irrispettivament mill-età, li jipprovdi kunsens liberu u infurmat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni testendi kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti kollha. Fejn tali projbizzjoni tippermetti l-possibbiltà li l-adulti jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom għal attivitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni, il-liġi għandha tirrikonoxxi, bħalma tagħmel f’Malta, firxa wiesgħa ta’ fatturi li jivvizzjaw il-kunsens mogħti. |
|
3.17. |
Fir-rigward tal-awturi ta’ prattiki ta’ konverżjoni, il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe projbizzjoni tal-UE tadotta ambitu wiesa’ adegwat — li jinkludi l-atturi pubbliċi, privati, professjonali u mhux professjonali kollha li jipparteċipaw f’attivitajiet immirati lejn it-tibdil tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru jew tal-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna oħra, jew li jirreklamawhom. |
|
3.18. |
Jista’ jkun opportun li projbizzjoni tal-UE tidentifika atturi speċifiċi, jew li tpoġġi responsabbiltà akbar fuq individwi (eż. ġenituri, edukaturi, professjonisti kliniċi, assistenti soċjali) li jwettqu prattiki ta’ konverżjoni kontra persuni li, fir-rigward tagħhom, ikunu f’pożizzjoni ta’ fiduċja. Madankollu, persuna jew grupp ma għandhomx jevitaw ir-responsabbiltà sempliċiment minħabba li kienu qed jaġixxu barra minn rwol uffiċjali jew relazzjoni formalizzata/professjonali mas-superstiti. |
Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon
|
3.19. |
Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huma valuri fundamentali madwar l-Ewropa, u huma protetti kemm mill-Artikolu 9 tal-KEDB kif ukoll mill-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. |
|
3.20. |
Kritika komuni tal-projbizzjonijiet fuq il-prattiki ta’ konverżjoni hija li tali restrizzjonijiet jillimitaw b’mod mhux permissibbli d-dritt kemm tal-awturi kif ukoll tas-superstiti li jeżerċitaw liberament it-twemmin reliġjuż tagħhom. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza ta’ protezzjonijiet robusti għal-libertà tar-reliġjon, u josserva li l-projbizzjonijiet fuq il-prattiki ta’ konverżjoni ma jirrikjedux, u ma għandhomx jirrikjedu, li persuni ta’ twemmin jew li huma parti minn organizzazzjonijiet reliġjużi jemendaw it-twemmin tagħhom dwar l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru. |
|
3.21. |
Il-libertà tar-reliġjon hija dritt kwalifikat; ma tistax tiġi invokata biex tiġġustifika li persuni oħra jiġu soġġetti għal vjolenza jew diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe projbizzjoni tal-UE ma għandhiex tinkludi eċċezzjoni għall-atturi li jallegaw li jipparteċipaw fi prattiki ta’ konverżjoni jew jirreklamawhom minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. |
Penali fil-projbizzjonijiet ta’ prattiki ta’ konverżjoni
|
3.22. |
Fost l-Istati Membri li diġà adottaw projbizzjonijiet fuq il-prattiki ta’ konverżjoni, hemm bosta sanzjonijiet disponibbli, inklużi termini ta’ żmien ta’ priġunerija differenti u multi monetarji. Il-KESE jirrakkomanda li, biex verament tkun effettiva, kwalunkwe projbizzjoni fil-livell tal-UE ta’ prattiki ta’ konverżjoni għandha tinkludi penali adegwati, li jirriflettu kemm is-severità kif ukoll il-gravità tar-reat imwettaq. |
|
3.23. |
Projbizzjoni fil-livell tal-UE għandha tobbliga lill-Istati Membri, li jaġixxu f’kollaborazzjoni bejn il-fruntieri fejn meħtieġ, biex jistabbilixxu mekkaniżmi adatti biex jimmonitorjaw, jinvestigaw u jissanzjonaw il-prattiki ta’ konverżjoni fejn dawn jinqalgħu. |
|
3.24. |
F’xi ċirkostanzi, jista’ jkun opportun li projbizzjoni tal-UE tirrikonoxxi l-fatturi aggravanti, bħall-età tas-superstiti u/jew l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja, li jista’ jkollhom impatt fuq is-sanzjoni(jiet) applikabbli għall-parteċipazzjoni fi prattiki ta’ konverżjoni jew ir-reklamar tagħhom. |
|
3.25. |
Meta projbizzjoni fil-livell tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni tinkiseb permezz tad-dritt kriminali, jista’ jkun opportun ukoll li jiġu inkorporati sanzjonijiet ċivili, amministrattivi jew regolatorji, bħat-telf jew is-sospensjoni ta’ liċenzja professjonali jew tad-dritt li persuna tipprattika dixxiplina professjonali. |
Brussell, id-29 ta’ April 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea, Numru ta’ reġistrazzjoni tal-Kummissjoni: ECI(2024)000001.
(2) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 128; Rapport tal-Grupp Permanenti dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi tmiem l-ewwel ċiklu ta’ pajjiżi: FUNDAMENTAL RIGHTS AND THE RULE OF LAW National developments from a civil society perspective 2018-2024 , (Id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt: Żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili 2018-2024), p. 39.
(3) Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, LGBTIQ equality at a crossroads: progress and challenges (L-ugwaljanza tal-LGBTIQ f’salib it-toroq: progress u sfidi) (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2024), p. 23.
(4) Ara, pereżempju, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Psikatrija, “EPA Statement on conversion ‘therapies’ and LGBTQ Patients” (Dikjarazzjoni tal-EPA dwar it-“terapiji” ta’ konverżjoni u l-pazjenti LGBTQ).
(5) L-Artikolu 6(2) tat-TUE jipprevedi li l-Unjoni Ewropea “għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali”.
(6) Ara, pereżempju VC vs is-Slovakkja, App.Nru 18968/07 (QEDB, it-8 ta’ Novembru 2011); Spivak vs l-Ukrajna, App. Nru 21180/15 (QEDB, il-5 ta’ Ġunju 2025).
(7) Rapport tal-Espert Indipendenti dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, (Prattiki tal-hekk imsejħa “terapija ta’ konverżjoni”, 2020 [mhux disponibbli bil-Malti].
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2020-2030, (COM(2020) 725 — final).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3539/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)