Brussell, 6.5.2021

COM(2021) 227 final

2021/0116(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”) 2 .

2.Fit-30 ta’ Diċembru 2020, il-Finlandja ressqet applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji 3 f’Finnair Oyj u f’sottokuntrattur wieħed 4 fil-Finlandja.

3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2020/007 FI/Finnair

Stat Membru

Il-Finlandja

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 2 5 )

Helsinki-Uusimaa (FI1B)

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni

30 ta’ Diċembru 2020

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

30 ta’ Diċembru 2020

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

13 ta’ Jannar 2021

Skadenza għall-forniment tal-informazzjoni addizzjonali

24 ta’ Frar 2021

Skadenza għall-ikkompletar tal-valutazzjoni

19 ta’ Mejju 2021

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


Intrapriża primarja

Finnair Oyj


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE) 6

Id-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru)

Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

1

Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

25 ta’ Awwissu 2020 – 25 ta’ Diċembru 2020

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

508

Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

0

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

508

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

508

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

500

Għadd ta’ żgħażagħ fil-mira li mhumiex f’edukazzjoni, f’impjieg jew f’taħriġ (NEETs)

0

Baġit għas-servizzi personalizzati (f’EUR)

2 730 600

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 7 (f’EUR)

190 000

Baġit totali (f’EUR)

2 920 600

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (f’EUR)

1 752 360

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Il-proċedura

4.Fit-30 ta’ Diċembru 2020, il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair, jiġifieri fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data, u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Finlandja fit-13 ta’ Jannar 2021. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa għall-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fi ħdan din l-iskadenza l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fid-19 ta’ Mejju 2021.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tirrigwarda 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’Finnair Oyj u f’sottokuntrattur wieħed. Finnair topera fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 51 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Trasport bl-ajru). Is-sensji li ngħataw mill-intrapriżi seħħew fir-reġjun ta’ livell NUTS 2 ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B).

Intrapriżi u għadd ta’ sensji

Finnair

504

Hub Logistics Finland Oy

4

Għadd totali ta’ intrapriżi: 2

Għadd totali ta’ sensji: 508

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġ li minn tal-anqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tagħha u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom twaqqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni huwa mill-25 ta’ Awwissu 2020 sal-25 ta’ Diċembru 2020.

8.Is-sensji matul il-perjodu ta’ referenza huma kif ġej:

–504 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’Finnair

–4 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’sottokuntrattur ta’ Finnair

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien mill-attività

9.Is-sensji matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

–504 mid-data li fiha l-impjegatur, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE 8 , innotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bis-sensji kollettivi mbassra. Il-Finlandja kkonfermat qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni, li dawn il-504 sensji tabilħaqq ingħataw.

–4 mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur biex ikeċċi jew itemm il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.Għalhekk, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 508.

Rabta bejn is-sensji u kriżi finanzjarja u ekonomika globali

11.Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija globali. Fis-27 ta’ Mejju 2020, fil-komunikazzjoni tagħha “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa” 9 , il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, u stabbiliet pjan ta’ rkupru għall-ekonomija. Dan inkluda l-FEG bħala għodda ta’ emerġenza biex tgħin lill-persuni li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi ekonomika globali.

12.Il-pandemija kkawżat l-akbar reċessjoni fl-istorja tal-UE. Skont il-“Winter 2021 European Economic Forecast” tal-Kummissjoni 10 , il-PDG tal-UE naqas b’madwar 6,3 % fl-2020, u kien imbassar li jirkupra bi 3,7 % fl-2021 u bi 3,9 % fl-2022.

13.Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u tnaqqis drammatiku fit-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. It-tnaqqis fl-għadd ta’ passiġġieri naqqas b’mod qawwi d-dħul tal-linji tal-ajru u ġiegħel lil ħafna minnhom jagħtu s-sensja lill-impjegati jew jiddikjaraw insolvenza. F’April 2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b’98,9 % meta mqabbel ma’ April 2019 u 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu, li dan jirrappreżenta l-akbar kontrazzjoni fl-istorja tal-avjazzjoni 11 .

14.F’Ġunju 2020, id-domanda tal-passiġġieri tjiebet ftit, iżda baqgħet ferm taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Il-kilometri tal-passiġġieri bi dħul għall-industrija kollha naqsu b’86.5 % meta mqabbla ma’ Ġunju 2019 12 .

Il-volumi ta’ passiġġieri tal-ajru 13

Kilometri tal-passiġġieri bi dħul għall-industrija kollha — RPKs (f’biljuni fix-xahar)

Attwali

Aġġustati staġonalment

15.Id-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b’75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019. Il-kapaċità (imkejla f’sit-kilometri jew ASKs disponibbli) naqset bi 68,1 % u l-fattur tat-tagħbija tal-passiġġieri (li jkejjel il-perċentwal tal-kapaċità ta’ postijiet bilqiegħda disponibbli li huma mimlija bil-passiġġieri) naqas b’19,2-il punt perċentwali għal 62,8 % 14 .

16.Skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livelli tagħha ta’ qabel il-kriżi 15 .

17.Sal-lum, is-settur tat-trasport bl-ajru kien is-suġġett ta’ erba’ applikazzjonijiet għall-appoġġ mill-FEG, li tlieta minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ 16 u waħda fuq il-kriżi ekonomika li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19 17 .

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien mill-attività

18.L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi ekonomika globali mhux mistennija kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

19.Il-Finlandja tirrapporta li Finnair intlaqtet ħażin mill-impatt tal-pandemija. Qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, Finnair kellha pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha. Fl-2019, id-dħul ta’ Finnair kiber b’9,2 %, u laħaq l-ogħla livell rekord ta’ EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma’ EUR 2 836 miljun fl-2018. Ir-riżultat operattiv ammonta għal EUR 162,8 miljun, meta mqabbel ma’ EUR 256,3 miljun fl-2018, tnaqqis ta’ 38 %, xprunat minn żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil, fil-materjali tal-inġenji tal-ajru u fl-ispejjeż ta’ tiġdid totali.

20.Matul l-aħħar għaxar snin, l-għadd ta’ passiġġieri fl-ajruport ta’ Helsinki-Vantaa żdied b’mod sinifikanti. Bejn l-2009 u l-2019, l-għadd ta’ passiġġieri żdied bi 58 % minn 12,6-il miljun għal 21,9 miljun. Il-passiġġieri fuq titjiriet internazzjonali ffurmaw il-maġġoranza tat-traffiku tal-passiġġieri: 10,2 miljuni fl-2009, 18,9-il miljun fl-2019 18 . Fl-2019, l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati minn Finnair żdied b’10,3 % għal 14 650 400 passiġġier, u laħaq rekord annwali ġdid 19 .

21.Fil-bidu tal-2020, it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport ta’ Ħelsinki-Vantaa kien għadu qed jikber. F’Jannar 2020, il-volumi tal-passiġġieri lejn iċ-Ċina żdiedu bi 58 % meta mqabbla ma’ Jannar 2019. Madankollu, fi Frar 2020, il-volumi tal-passiġġieri naqsu drastikament bi 73 % minħabba s-sitwazzjoni epidemika. Finnair kellha tikkanċella t-titjiriet kollha lejn iċ-Ċina kontinentali mis-6 ta’ Frar 2020 u lejn destinazzjonijiet Asjatiċi oħra mill-4 ta’ Marzu 2020 20 . Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-gvern tal-Istati Uniti llimita l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, għalhekk Finnair kellha tikkanċella wkoll it-titjiriet kollha lejn l-Istati Uniti tal-Amerka 21 .

22.Ir-restrizzjonijiet fis-seħħ kemm fil-Finlandja kif ukoll f’pajjiżi oħra ta’ destinazzjoni affettwaw ħafna l-operazzjonijiet ta’ Finnair, b’mod partikolari fir-rigward ta’ titjiriet internazzjonali u interkontinentali. F’April 2020, it-traffiku tal-ajru fl-ajruport ta’ Ħelsinki-Vantaa waqaf kważi kompletament, u baqa’ biss 1 % meta mqabbel ma’ April 2019 (21 000 passiġġier f’April 2020 vs. 1,8 miljun f’April 2019). Fit-tieni trimestru, meta mqabbel bejn l-2020 u l-2019, l-għadd ta’ titjiriet bejn id-destinazzjonijiet Asjatiċi u Ewropej ta’ Finnair naqas bi 92,1 %. L-għadd ta’ passiġġieri naqas b’97,5 % minn 3,9 miljuni għal 98 000 passiġġier u l-kapaċità tat-traffiku tal-passiġġieri (ASKs) naqset b’97,2 % 22 .

23.Ir-Rapport Annwali ta’ Finnair għall-2020 wera tnaqqis qawwi fid-dħul bi 73,2 % (minn 3 097,7 miljun għal EUR 829,2 miljun), in-numru ta’ passiġġieri naqas b’76,2 % (minn 14,7-il miljun għal 3,5 miljuni) u l-kumpanija kienet akkumulat telf operattiv ta’ EUR 464,5 miljun 23 .

24.Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta’ kumpens. Dan wassal biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b’1 000 impjieg 24 .

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

25.Il-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija tal-Finlandja huwa sinifikanti. Fl-2020, l-industrija kienet timpjega 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) u kkontribwiet EUR 8,8 biljun għall-PDG tal-Finlandja, u b’hekk kienet tirrappreżenta 3,2 % tal-PDG totali 25 . Finnair hija l-akbar linja tal-ajru tal-Finlandja bil-hub tagħha fl-ajruport ta’ Ħelsinki-Vantaa. Fi tmiem l-2019, Finnair kellha 6 788 impjegat u operat it-traffiku lejn 132 destinazzjoni 26 .

26.Is-sensji f’Finnair għandhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali. Ir-reġjun NUTS 2 milqut mis-sensji huwa Helsinki-Uusimaa, fejn Finnair għandha l-hub operattiv tagħha. Bejn Frar u April 2020, l-għadd ta’ persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg fir-reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa żdied b’22,5 % minn 68 016 għal 83 340. Fuq bażi annwali u minkejja l-miżuri biex jiġu ppreservati l-impjiegi, ir-rata tal-qgħad fir-reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa żdiedet b’ 0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020 27 .

27.Fl-2020, ir-rata tal-qgħad nazzjonali kienet ta’ 7,8 %, jiġifieri 1,1 punti perċentwali ogħla milli fl-2019 28 . Il-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż stima li r-rata tal-qgħad se tkompli tiżdied għal 8,2 % fl-2021, qabel ma tonqos għal 7,8 % fl-2022 29 .

28.Minħabba ż-żieda fil-qgħad li tirriżulta mill-kriżi, l-impjieg mill-ġdid ta’ dawk li kienu ħaddiema ta’ Finnair se jkun diffiċli. L-awtoritajiet Finlandiżi jargumentaw li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jeħtieġu gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta’ impjieg, flimkien ma’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ impjieg mill-ġdid.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

29.Mill-508 persuni eliġibbli, l-għadd stmat ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensji li huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG huwa ta’ 500. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’ benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

280

(56,00 %)

Nisa:

220

(44,00 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

493

(98,60 %)

Ċittadini mhux tal-UE:

7

(1,40 %)

Grupp ta’ età:

15–24 sena:

19

(3,80 %)

25–29 sena:

28

(5,60 %)

30–54 sena:

312

(62,40 %)

55–64 sena:

141

(28,20 %)

aktar minn 64 sena:

0

(0,00 %)

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

30.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin:

–Coaching u miżuri oħra ta’ tħejjija. Dawn jinkludu 1) Valutazzjoni esperta tal-kompetenzi professjonali ta’ min qed ifittex impjieg u tal-ħtiġijiet għas-servizzi; 2) Valutazzjoni tal-kompetenza biex jiġu mmappjati l-parteċipanti skont il-kompetenzi u l-perspettivi ta’ impjieg tagħhom; 3) Taħriġ fit-tfittxija ta’ impjieg u informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol; 4) Coaching intensiv dwar il-karriera u l-individwu biex jappoġġa u jiggwida lill-parteċipanti fit-tfittxija ta’ impjieg.

–Impjiegi u servizzi tan-negozju. Din il-miżura se tipprovdi gwida vokazzjonali u ta’ tfittxija ta’ impjieg, konsulenza, evalwazzjonijiet tal-kapaċità tax-xogħol u provi. Se jiġu organizzati wkoll avvenimenti ta’ reklutaġġ u ta’ informazzjoni.

–Taħriġ. Dan se jipprovdi programm imfassal apposta “Further Educated with Companies (F.E.C.) 30 ” żviluppat mill-awtoritajiet Finlandiżi li għandu l-għan li jlaqqa’ flimkien kandidati għal impjieg u kumpaniji li jkunu qed ifittxu li jirreklutaw. Il-parteċipanti se jirċievu wkoll taħriġ dwar il-kwalifiki vokazzjonali, inkluż korsijiet bħall-iżvilupp tan-negozju, it-taħriġ eżekuttiv, ir-riżorsi umani, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali (A.I.), is-sigurtà diġitali, ir-robotika, il-ġestjoni finanzjarja, il-ġestjoni tal-proġetti, eċċ.

–Sussidju tal-pagi. Din il-miżura se tappoġġa xogħol f’impjieg ġdid billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi. Is-sussidju tal-paga se jkun minn 30 sa 50 fil-mija tal-ispejjeż tal-pagi u mħallsa lill-impjegatur. L-ammont u kemm idum is-sussidju jiddependu fuq kemm idum il-perjodu tal-qgħad.

–Għotja biex jinbeda negozju. L-għan tal-għotja huwa li tippromwovi l-ħolqien ta’ attivitajiet tan-negozju u l-impjieg ta’ persuni individwali. L-għotja biex jinbeda negozju tiżgura introjtu għal imprenditur aspiranti matul iż-żmien stmat li hu meħtieġ biex jitnieda u jitwaqqaf negozju full-time, sa massimu ta’ 12-il xahar.

–Jistgħu jingħataw allowances għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija biex ikopru n-nefqa relatata mġarrba waqt it-tfittxija ta’ impjieg jew waqt it-taħriġ.

31.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

32.Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

33.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 2 920 600, li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 730 600 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 190 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

34.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta’ EUR 1 752 360 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Spiża stmata għal kull parteċipant 
(f’EUR) 31

Spejjeż totali stmati

(f’EUR) 32  

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Coaching u miżuri oħra ta’ tħejjija

450

1 556

700 000

Impjiegi u servizzi tan-negozju

500

400

200 000

Taħriġ

300

4 333

1 300 000

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

—

2 200 000

(80,57 %)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Sussidju tal-pagi

60

6 000

360 000

Allowances għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija

25

200

5 000

Għotja biex jinbeda negozju

20

8 280

165 600

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

—

530 600

(19,43 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

—

0

2. Ġestjoni

—

160 000

3. Informazzjoni u pubbliċità

—

15 000

4. Kontroll u rapportar

—

15 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-ispejjeż totali:

—

190 000

(6,51 %)

Spejjeż totali (a + b + c):

—

2 920 600

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

—

1 752 360

35.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Finlandja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta’ tfittxija ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.

36.Il-Finlandja kkonfermat li l-ispejjeż tal-investimenti għall-ħaddiema indipendenti, il-ftuħ ta’ negozji u l-akkwiżizzjonijiet minn impjegati mhux se jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

37.Il-Finlandja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-21 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Diċembru 2022.

38.Il-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fil-21 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

39.Is-sorsi ta’ prefinanzjament jew ta’ kofinanzjament nazzjonali huma s-servizzi tal-impjieg pubbliku fil-fergħa amministrattiva tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi (MEAE). Xi servizzi se jkunu ffinanzjati wkoll min-nefqa operattiva taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent (Ċentri ELY) u l-Uffiċċji għall-Iżvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi (Uffiċċji TE).

40.Il-Finlandja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni 33 .

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali jew mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

41.Il-Finlandja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati sar f’konsultazzjoni ma’ grupp ta’ ħidma. L-attivitajiet ta’ tħejjija inkludew laqgħat mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-uffiċċji TE ta’ Uusimaa, ta’ Finnair u ta’ Trade Unions, jiġifieri Ilmailualan Unioni (IAU), Finnairin insinörit ja ylemmät Toimihenkilöt (FINTO), Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto ry (AKT) u Trade Union Pro.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

42.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi, li jaġixxi bħala l-awtorità ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni għall-FEG u bħala korp intermedju li jqassam il-fondi tal-FEG. Il-funzjonijiet ta’ ġestjoni għall-FEG ġew assenjati lid-Dipartiment tas-Servizzi tar-Reġjuni u t-Tkabbir, li jaġixxi wkoll bħala l-awtorità ta’ ġestjoni għall-Fond Soċjali Ewropew. Iċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent (Ċentri ELY) huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri ffinanzjati mill-FEG.

43.Rigward ir-rwol tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, dan huwa f’idejn l-Unità tar-Riżorsi Umani u l-Amministrazzjoni. Fir-rigward tal-awditjar, il-korp responsabbli huwa l-Unità tal-Awditjar Intern indipendenti, li topera taħt is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi.

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

44.Il-Finlandja pprovdiet l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

–il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

–inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

–Finnair, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li tirregola s-sensji u pprovidiet għall-ħaddiema tagħha skont dan,

–l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju,

–l-azzjonijiet proposti se jikkomplementaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

45.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 34 .

46.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 752 360, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

47.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 35 .

Atti relatati

48.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 752 360 għal-linja baġitarja rilevanti.

49.Fl-istess waqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

2021/0116 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 36 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 37 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 38 .

(3)Fit-30 ta’ Diċembru 2020, il-Finlandja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji f’Finnair Oyj u f’sottokuntrattur wieħed. Din kienet issupplementata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 752 360 għall-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 752 360 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 39*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha li waslu sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(3)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(4)    Hub Logistics Finland Oy li jinsab fir-reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa.
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(6)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(7)    F’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
(9)    COM(2020) 442 final.
(10)    Winter 2021 Economic Forecast https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/winter-2021-economic-forecast-challenging-winter-light-end-tunnel_en  
(11)    ATAG. 2020 Aviation Benefits Beyond Borders Report: https://aviationbenefits.org/media/167186/abbb2020_full.pdf  
(12)    IATA: Air Passenger Market Analysis, Ġunju 2020: https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/air-passenger-monthly-analysis---june-20202/  
(13)    Ibid.
(14)    IATA : https://www.iata.org/en/pressroom/pr/2021-02-03-02/  
(15)    IATA: https://www.iata.org/en/pressroom/pr/2020-07-28-02/  
(16)    EGF/2017/009 FR/Air France, COM(2018) 230; EGF/2013/014 FR Air France, COM(2014) 701 u EGF/2015/004 IT Alitalia, COM(2015) 397.
(17)    EGF/2020/004 NL/KLM, COM(2021)226.
(18)    Ir-rapport annwali ta’ Finavia għall-2019: https://www.finavia.fi/sites/default/files/documents/Tilinpäätös%202019.pdf  
(19)    Ir-rapport annwali ta’ Finnair għall-2019: https://investors.finnair.com/~/media/Files/F/Finnair-IR/documents/en/reports-and-presentation/2020/annual-report-2019.pdf  
(20)     https://news.cision.com/finnair/r/finnair-cancels-all-flights-to-mainland-china-between-february-6-and-february-29--2020--customers-to,c3024652
(21)     https://news.cision.com/finnair/r/finnair-cancels-flights-to-us-and-delhi,c3057949  
(22)    Ir-rapport annwali ta’ Finnair għall-2020: https://investors.finnair.com/~/media/Files/F/Finnair-IR/documents/en/reports-and-presentation/2020/half-year-2020-report-en.pdf  
(23)     https://investors.finnair.com/~/media/Files/F/Finnair-IR/documents/en/reports-and-presentation/2021/annual-report-2020.pdf  
(24)     https://company.finnair.com/en/media/all-releases/news?id=3751510 and https://www.aviation24.be/airlines/finnair/finnair-targets-100-million-euros-cost-base-reductions-plans-to-reduce-1-000-jobs/  
(25)    Air Transport Action Group (ATAG), Aviation Benefits Beyond Borders: https://aviationbenefits.org/downloads/aviation-benefits-beyond-borders-2020/  
(26)    Ir-rapport annwali ta’ Finnair għall-2019: https://investors.finnair.com/~/media/Files/F/Finnair-IR/documents/en/reports-and-presentation/2020/annual-report-2019.pdf  
(27)    Il-bażi tad-data tal-istatistika tal-Finlandja https://pxnet2.stat.fi/PXWeb/pxweb/en/StatFin/  
(28)     https://www.stat.fi/til/tyti/2020/13/tyti_2020_13_2021-03-04_tie_001_en.html  
(29)    Statistika tal-Finlandja https://www.stat.fi/til/tyti/2020/09/tyti_2020_09_2020-10-20_tie_001_en.html and https://julkaisut.valtioneuvosto.fi/bitstream/handle/10024/162542/TEM%20työmarkkinaennuste%20syksy%202020.pdf  
(30)     https://www.aaltopro.fi/en/services-in-change-situations/f.e.c.-programs-and-recruitment  
(31)    Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem ġew approssimati. Madankollu, l-approssimazzjoni taċ-ċifri ma għandha l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura, li tibqa’ kif inhi fl-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja.
(32)    It-totali ma jaqblux minħabba l-approssimazzjoni taċ-ċifri.
(33)    Fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea approvat miżura ta’ għajnuna Finlandiża li tikkonsisti f’garanzija mill-Istat fuq self ta’ EUR 600 miljun lil Finnair biex jittaffa l-impatt ekonomiku tat-tifqigħa tal-coronavirus fuq il-kumpanija. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_20_1032  
(34)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15.
(35)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(36)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(37)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(38)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).
(39) *     Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.