IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.8.2023
COM(2023) 491 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/40/UE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati
1. INTRODUZZJONI
L-objettiv tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (“id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk”) hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw:
(a) l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi tar-rapportar relatati inkluż il-livelli massimi tal-emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;
(b) ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk inkluż it-twissijiet tas-saħħa li jridu jidhru fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk u fuq l-ippakkjar estern kif ukoll il-karatteristiċi tat-traċċabbiltà u tas-sigurtà applikati għall-prodotti tat-tabakk biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma’ dik id-Direttiva;
(c) il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali;
(d) il-bejgħ transfruntier mill-bogħod tal-prodotti tat-tabakk;
(e) l-obbligu li tiġi ppreżentata notifika dwar il-prodotti tat-tabakk ġodda;
(f) it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri tar-rikarika, u l-prodotti erbali għat-tipjip.
Id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tat-tabakk u tal-prodotti relatati, ibbażat fuq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ u li tissodisfa l-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Kontroll tat-Tabakk (“FCTC”) li l-Unjoni Ewropea aċċediet għalih fit-30 ta’ Ġunju 2005.
Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk jagħti s-setgħa li l-Kummissjoni tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 7(11), l-Artikolu 7(12), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 10(3)(a), l-Artikolu 10(3)(b), l-Artikolu 11(6), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 15(12), l-Artikolu 20(11) u l-Artikolu 20(12).
2. BAŻI ĠURIDIKA
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, li jagħti s-setgħa li l-Kummissjoni tadotta atti delegati għal perjodu ta’ 5 snin mid-19 ta’ Mejju 2014. Il-Kummissjoni jeħtieġ tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa hija estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel tmiem kull perjodu.
3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA FIL-PERJODU ATTWALI
Il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega tas-setgħat skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fit-8 ta’ Awwissu 2018.
Matul il-perjodu attwali ta’ 5 snin skont l-estensjoni taċita tad-delega tas-setgħat, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed skont l-Artikoli 7(12) u 11(6) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk.
L-Artikolu 7(12) jagħti s-setgħa li l-Kummissjoni tadotta atti delegati għall-irtirar tal-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodotti tat-tabakk, għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim, mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (7), jekk ikun hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 11(6) jagħti s-setgħa li l-Kummissjoni tirtira l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu eżenzjonijiet tat-tikkettar għal kategoriji partikolari ta’ prodotti tat-tabakk għat-tipjip, għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipa tal-ilma, jekk ikun hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi tal-kategorija tal-prodott ikkonċernat, kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.
Fil-15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat rapport li stabbilixxa tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi rigward il-prodotti tat-tabakk imsaħħna. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni u statistika dwar l-iżviluppi tas-suq. Dan wera li kien hemm żieda ta’ mill-inqas 10% fil-volumi tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna f’ħames Stati Membri jew aktar, u li l-volumi tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna fil-livell tal-bejgħ bl-imnut qabeż it-2,5% tal-bejgħ totali tal-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-UE.
Għaldaqstant, minħabba dak it-tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi rigward il-prodotti tat-tabakk imsaħħna, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna (“Id-Direttiva Delegata”). Din id-Direttiva Delegata estendiet il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti jew li jkun fihom aromi f’xi wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità tad-duħħan tagħhom, li diġà tapplika għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim, għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna. Għall-istess raġunijiet, din irtirat il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu eżenzjonijiet għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna, sakemm dawn ikunu prodotti tat-tabakk għat-tipjip, minn ċerti obbligi tat-tikkettar, jiġifieri l-obbligu li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk.
Qabel l-adozzjoni tiegħu, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppreżentat lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk
, li twaqqaf biex fost affarijiet oħra jiżgura konsultazzjoni esperta xierqa għat-tħejjija tal-atti delegati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ġew mistiedna sistematikament għal-laqgħat ta’ dan il-grupp ta’ esperti. Id-dokumenti rilevanti għal dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif previst fil-Fehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Atti Delegati
. Wara l-adozzjoni, id-Direttiva Delegata ġiet innotifikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u dan tal-aħħar talab li l-iskadenza tiġi estiża b’xahrejn. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għad-Direttiva Delegata adottata mill-Kummissjoni skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-perjodu estiż previst fl-Artikolu 27(5) ta’ dik id-Direttiva.
4. KONKLUŻJONI
Matul il-perjodu tar-rapportar attwali ta’ 5 snin, il-Kummissjoni adottat att delegat abbażi tal-Artikoli 7(12) u 11(6) tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija minn dawk l-Artikoli f’konformità mal-objettiv, l-ambitu u l-kontenut tad-delega.
Fir-rigward tas-setgħat delegati l-oħra mogħtija fid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, il-prekundizzjonijiet biex dawn jiġu eżerċitati ma ġewx issodisfati fil-perjodu attwali ta’ 5 snin.
Jenħtieġ li ż-żmien tad-delega tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk jiġi estiż kif stabbilit fl-Artikolu 27(2) ta’ dik id-Direttiva, u jitqies li wara l-ewwel rapport tal-Kummissjoni, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponew tali estensjoni. Il-ħsieb wara d-delega ma nbidilx u s-setgħat mogħtija huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tat-tabakk u tal-prodotti relatati, ibbażat fuq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.