12.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1138

tas-7 ta’ Lulju 2021

li tapprova l-pjanijiet nazzjonali u l-emendi tagħhom, fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ validazzjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009

(notifikata bid-dokument C(2021) 5158)

(It-test bil-Bulgaru u bir-Rumen biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 109(8) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-preżentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ validazzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni għad-data rreġistrata f’konformità ma’ dak ir-Regolament, li jippermetti lill-Istati Membri sabiex jagħmlu prijoritajiet għall-validazzjoni u l-kontroverifiki u s-segwitu sussegwenti dwar l-inkonsistenzi abbażi tal-ġestjoni tar-riskju. L-emendi għal dawk il-pjanijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(2)

Fit-28 ta’ Ottubru 2020, il-Bulgarija ppreżentat emendi għall-pjan nazzjonali eżistenti tagħha lill-Kummissjoni biex din tapprovahom, li kienu ġew approvati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/82/UE (2). Dawk l-emendi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikoli 143 sa 145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3). Għalhekk, jenħtieġ li dawn ikunu approvati.

(3)

Fid-9 ta’ Diċembru 2020, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dak il-pjan huwa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikoli 143 sa 145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Għalhekk, jenħtieġ li dan ikun approvat.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ approvazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(5)

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fir-rigward tal-operazzjoni effettiva tagħhom u l-kapaċità tal-pjan sabiex tiżgura li d-data rrappurtata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 hija kompleta, preċiża u rrappurtata fl-iskadenzi legali. Jekk, abbażi tas-sejbiet tal-verifiki, tal-ispezzjonijiet u tal-awditjar imwettqa mill-Kummissjoni fil-qafas tat-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jitqies li huma meħtieġa emendi għall-pjanijiet ta’ validazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jemendaw il-pjan tagħhom skont dan.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi għall-pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni ppreżentata fit-28 ta’ Ottubru 2020 mill-Bulgarija, f’konformità mal-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma approvati.

Artikolu 2

Il-pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni ppreżentata fid-9 ta’ Diċembru 2020 mir-Rumanija, f’konformità mal-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huwa approvat.

Artikolu 3

Jekk, abbażi tas-sejbiet tal-verifiki, tal-ispezzjonijiet u tal-awditjar imwettqa fil-qafas tat-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kummissjoni tqis li l-pjanijiet ta’ validazzjoni approvati f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 ma jiżgurawx l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, hija tista’ titlob biex il-pjanijiet jiġu emendati wara li tikkonsulta lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jemendaw il-pjan ta’ validazzjoni tagħhom f’konformità ma’ din it-talba.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/82/UE tat-13 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ validazzjoni skont l-Artikolu 109(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (ĠU L 44, 15.2.2013, p. 18).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).