SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ April 2026 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Allowance għal wild dipendenti – Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet għall-għoti – Irtirar tal-benefiċċju tal-allowance – Irkupru ta’ pagament mhux dovut skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Rikors għal annullament – Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Żnaturament – Evalwazzjoni tal-legalità ta’ att fid-data tal-adozzjoni tiegħu – Portata retroattiva ta’ sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali – Awtorità ta’ res judicata”

Fil-Kawża C‑882/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2024,

AL, irrappreżentat minn R. Crăciun, avocate,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T.S. Bohr u L. Hohenecker, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, I. Ziemele, A. Kumin, S. Gervasoni (Relatur) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, AL jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ April 2024, AL vs Il-Kummissjoni (T‑50/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:220), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2021 tal-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din tordna l-irkupru ta’ ċerti somom imħallsa fil-kuntest ta’ allowances għal ommu u għal tliet ulied dipendenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata fit-termini li ġejjin:

“2

[L-appellant kien] impjegat bħala uffiċjal mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sa mill-1 ta’ Diċembru 2007.

3

Fuq talba [tal-appellant], huwa ngħata diversi allowances bejn l-2009 u l-2019, sa fejn kemm ommu kif ukoll tliet persuni oħra ġew assimilati għal ulied dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-‘Regolamenti tal-Persunal’).

4

Fit-13 ta’ Mejju 2019, abbażi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/792 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea — l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) — l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU 2019, L 129, p. 3).

5

Fit-22 ta’ Lulju 2020, [l-appellant] ġie informat mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li huwa kien is-suġġett ta’ investigazzjoni, miftuħa lejn l-aħħar tas-sena 2016, dwar eventwali frodi marbuta mad-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-kompożizzjoni ta’ familtu u mal-kundizzjonijiet li fihom huwa kien kiseb l-allowances tal-familja korrispondenti u mar-rekwiżiti għall-kisba tal-allowances tal-familja korrispondenti.

6

Fix-xahar ta’ Diċembru 2020, [l-appellant] ġie informat mill-OLAF li l-investigazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet ingħalqet. Barra minn hekk, l-OLAF ikkomunika lill-appellant u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill kemm ir-rapport finali tal-investigazzjoni fir-rigward [tal-appellant] kif ukoll żewġ rakkomandazzjonijiet. L-ewwel waħda kienet tirrigwarda l-irkupru ta’ somom li l-OLAF qies li tħallsu indebitament [lill-appellant] abbażi tal-imsemmija allowances u t-tieni waħda kienet tikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari.

7

Fl-10 ta’ Frar 2021, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill (iktar ’il quddiem l-‘Awtorità tal-Ħatra) iddeċidiet, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li tibda proċedura dixxiplinari kontra [l-appellant].

8

Permezz ta’ nota tat-3 ta’ Marzu 2021, l-Uffiċċju “tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni informa [lill-appellant] li, fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, l-ammonti rċevuti indebitament, li jikkorrispondu għal ammont totali, minbarra l-interessi, ta’ EUR 142 824.71, kienu ser jiġu rkuprati u li huwa kellu l-possibbiltà li jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din id-deċiżjoni f’terminu ta’ ħmistax-il jum b’effett min-notifika tagħha. Fid-19 ta’ Marzu 2021, [l-appellant] bagħat osservazzjonijiet lill-PMO.

9

Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, il-PMO informa [lill-appellant] li, fid-dawl tar-rapport finali tal-OLAF u wara analiżi tal-osservazzjonijiet tiegħu, kien ġie deċiż li n-nota tat-3 ta’ Marzu 2021 tiġi implimentata u li tinħareġ l-ordni ta’ rkupru korrispondenti b’applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut. B’mod partikolari, l-irkupru tal-ammont tal-allowances imħallsa ġie ordnat:

–

għal omm [l-appellant], f’dak li jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2009 sat-30 ta’ Settembru 2015, hekk kif kien ġie deċiż fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, sa fejn din ma setgħetx tiġi assimilata għal wild dipendenti, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u sa fejn [l-appellant] kien deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi naqas milli jiddikjara, waqt it-talba għal allowance inkwistjoni, il-pensjoni militari li tagħha huwa kien benefiċjarju;

–

għaż-żewġ ulied dipendenti [tal-appellant] (iktar ’il quddiem ‘A u B’), li tagħhom huwa kien iz-ziju biż-żwieġ u li kienu tqiegħdu taħt foster care miegħu, għall-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Lulju 2013, għal wieħed, u mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Marzu 2013, għall-ieħor, kif kien ġie deċiż fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, minħabba l-għajbien ġuridiku tar-relazzjoni marbuta mat-tqegħid taħt foster care, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Rumeni għall-protezzjoni tal-minuri tat-30 ta’ Jannar 2013, li kienet temmet il-miżuri ta’ tqegħid taħt foster care [mal-appellant] [(iktar’ il quddiem id-‘deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care’)]. Barra minn hekk, [l-appellant] kien deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-tmiem tal-perijodu ta’ tqegħid taħt foster care taż-żewġt itfal;

–

għat-tifla adottiva [tal-appellant] (iktar ’il quddiem ‘C’), li għaliha huwa kien kiseb deċiżjoni ta’ adozzjoni fis-16 ta’ April 2019 minn qorti Rumena, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sal-31 ta’ Jannar 2021, u l-waqfien tal-ħlas tal-allowances b’effett mill-1 ta’ Frar 2021, kif kien ġie deċiż fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, minħabba l-fatt li [l-appellant] ma kienx ipproduċa l-prova tal-manteniment effettiva ta’ C.

10

Fit-22 ta’ Ġunju 2021, [l-appellant] ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021.

11

Fis-27 ta’ Settembru 2021, fi tmiem il-proċedura dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill adottat is-sanzjoni tat-tneħħija minn pożizzjoni fil-konfront [tal-appellant] konformement mal-Artikolu 9(1)[(h)] tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

12

Fl-22 ta’ Ottubru 2021, id-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kontestata].

13

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni ċaħad parzjalment l-ilment imressaq [mill-appellant] kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, billi ddeċieda li kien hemm lok li l-ħlas tal-allowances tal-familja li huwa kien jirċievi għal C jitwaqqaf u li jiġi ordnat l-irkupru ta’ diversi allowances tal-familja rċevuti minn dan tal-aħħar. Madankollu, l-imsemmi lment intlaqa’ fir-rigward tal-allowances li [l-appellant] kien irċieva għal A u B, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2010 u d-29 ta’ Jannar 2013.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2022, l-appellant ippreżenta r-rikors imsemmi fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

4

Insostenn tat-talbiet ta’ dak ir-rikors, l-appellant qajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar persuna assimilata għal wild dipendenti, (iktar ’il quddiem id-“DGI”), it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allowance mħallsa għal ommu, assimilata għal wild dipendenti, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allowance għall-wild dipendenti mħallsa għal A u B, u l-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allowance għall-wild dipendenti mħallsa għal C.

5

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

6

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tiċħad parzjalment l-ilment imressaq mill-appellant kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni kemm għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-appellant.

7

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha.

Fuq l-appell

8

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem tliet aggravji, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad-DGI, it-tieni wieħed, fuq żnaturament tal-fatti u fuq ksur tal-prinċipju tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali, u t-tielet wieħed, fuq assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

9

L-appellant isostni li, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, fit-tweġiba tagħha għall-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-DGI, billi ddeċidiet li l-oneru li l-appellant assuma għall-manteniment ta’ ommu kellu jiġi kkalkolat billi jitnaqqsu mhux biss id-dħul tagħha u l-valur lokattiv tal-proprjetà immobbli ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kontribuzzjoni ta’ persuna oħra għall-manteniment tagħha u d-dħul li l-appellant kien jikseb mill-pensjoni militari tiegħu. Fil-fatt, dawn l-aħħar żewġ istanzi ta’ tnaqqis ma għandhomx isiru abbażi tal-Artikolu 5(1) tad-DGI, li jagħmel riferiment strettament għat-tnaqqis tad-dħul tal-persuna dipendenti, iżda abbażi tal-Artikolu 9 tad-DGI. Dan l-iżball wassal sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-kalkolu żbaljat tal-amministrazzjoni.

10

Dan il-kalkolu għandu jiġi kkoreġut ukoll sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2024 li permezz tagħha t-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ikkundannat lil omm l-appellant tirrimborsa l-pensjoni tal-irtirar tagħha għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2007 sal-1 ta’ Mejju 2023. Għaldaqstant, l-ammont ta’ din il-pensjoni ma kellux jitnaqqas mill-oneru li l-appellant kien sostna għall-manteniment ta’ ommu.

11

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

12

Fl-ewwel lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod eżatt l-Artikolu 5(1) tad-DGI billi naqqset mill-ispiża ta’ manteniment ta’ ommu l-kontribuzzjoni ta’ persuna oħra għall-manteniment tagħha u l-pensjoni militari li huwa kien jirċievi, filwaqt li dawn l-ammonti kellhom jitnaqqsu b’applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-DGI.

13

Madankollu, mill-punt 50 tas-sentenza appellata jirriżulta li dan l-ilment huwa infondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali indikat espliċitament, f’dak il-punt, li l-Kummissjoni kienet naqqset il-kontribuzzjoni ta’ persuna oħra għall-manteniment ta’ omm l-appellant skont l-Artikolu 6 tad-DGI u li d-dħul nett l-ieħor tal-appellant li jikkorrispondi għall-pensjoni militari tiegħu kien tnaqqas skont l-Artikolu 9 tad-DGI.

14

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom, u li l-konstatazzjoni ta’ żnaturament teskludi l-użu ta’ provi ġodda li ma ġewx prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punt 60, u tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 76).

15

Minn dan isegwi li l-appellant ma huwiex ammissibbli li, insostenn tal-appell tiegħu, jinvoka s-sentenza tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), mogħtija fid-29 ta’ Mejju 2024, wara l-għoti tas-sentenza appellata.

16

Madankollu, jekk dik is-sentenza, li permezz tagħha, skont l-appellant, ommu ġiet ikkundannata tirrimborsa l-pensjoni tal-irtirar tagħha għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2007 sal-1 ta’ Mejju 2023, biddlet retroattivament id-dħul ta’ din il-persuna dipendenti, din tista’ tikkostitwixxi element ġdid, li jista’ jbiddel il-kalkolu tal-allowances dovuti lill-appellant abbażi tal-ispiża ta’ manteniment ta’ ommu matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq. Huwa dan tal-aħħar, jekk jemmen li huwa fondat, li għandu jinvokaha insostenn ta’ talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

18

L-appellant isostni li, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ir-risposta tagħha għar-raba’ motiv tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza bi tliet żbalji ta’ liġi. Dan l-aggravju huwa, għalhekk, maqsum fi tliet partijiet.

19

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li dik il-qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) tas-16 ta’ Mejju 2022 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022”), li kopja tagħha kienet madankollu ġiet annessa mar-replika tiegħu. Billi affermat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li “rikors huwa pendenti quddiem il-qrati Rumeni kontra d-deċiżjoni li ttemm it-tqegħid taħt foster care”, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, peress li ma setgħetx ma tkunx konxja mill-fatt li, permezz tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) kienet temmet l-istanza u ddikjarat in-“nullità assoluta” tad-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care.

20

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care kienet ipproduċiet effetti legali sa mix-xahar ta’ Jannar 2013. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022 ikkonstatat in-nullità assoluta ex tunc ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, dik il-qorti ddeċidiet li l-miżura ta’ tqegħid taħt foster care kienet intemmet fit-13 ta’ Mejju 2014 għal A u fit-28 ta’ Lulju 2013 għal B, bil-konsegwenzi legali kollha li dan kien jimplika.

21

Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali, billi ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni ta’ jekk l-allowance għall-manteniment ta’ A u ta’ B kinitx ingħatat abbażi ta’ dokumenti konsulari jew abbażi tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt foster care tat-28 ta’ Lulju 2010 kienet irrilevanti. Peress li din l-allowance kienet ingħatat u ġiet imġedda abbażi ta’ dikjarazzjonijiet konsulari, l-appellant isostni li din setgħet tiġi rtirata biss abbażi ta’ dokumenti konsulari u mhux abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care.

22

Il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat. Għal dan l-għan, huma biss l-elementi li minnhom setgħet tkun konxja l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022, li ngħatat wara d-deċiżjoni kontenzjuża. Billi ppożizzjonat ruħha, hekk kif kellha tagħmel, fid-data tat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti meta indikat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li rikors kontra d-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care kien pendenti quddiem il-qrati Rumeni.

23

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care kienet ipproduċiet effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013, peress li, fit-22 ta’ Ottubru 2021, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, din id-deċiżjoni nazzjonali kienet għadha ma ġietx annullata.

24

Fit-tielet lok, il-punt 101 tas-sentenza appellata ma huwa vvizzjat minn ebda żball ta’ liġi. l-appellant bl-ebda mod ma jissostanzja r-riferiment tiegħu għall-prinċipju tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care tiġġustifika l-irkupru tal-allowances imħallsa indebitament fir-rigward ta’ A u ta’ B wara din id-deċiżjoni, indipendentement mid-dokumenti użati għall-ksib ta’ dan l-irkupru.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, is-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022, li kopja tagħha kienet ġiet trażmessa lill-Qorti Ġenerali bħala anness mar-replika tiegħu.

26

Għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi. Konsegwentement, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa kemm il-fatti rilevanti kif ukoll il-provi prodotti quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il-Kummissjoni vs CWS Powder Coating et, C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 66). L-iżnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il-Kummissjoni vs CWS Powder Coating et, C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 67).

27

Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2022, prodotta mill-appellant bħala anness mar-replika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest annullat b’mod definittiv id-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care.

28

Issa, il-Qorti Ġenerali affermat, fl-ewwel lok, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, “li rikors huwa pendenti quddiem il-qrati Rumeni kontra d-[deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care]”, filwaqt li manifestament hija ma setgħetx ma tkunx konxja mill-fatt li din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata, peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022 kienet ġiet prodotta fl-istanza.

29

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-imsemmija deċiżjoni “[kienet] effettivament ipproduċiet effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013”, filwaqt li kien manifest li l-istess deċiżjoni kellha titqies bħala li qatt ma pproduċiet effetti legali, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022.

30

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża li tinsab fil-punt 100 tas-sentenza appellata hija manifestament żbaljata.

31

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ġustament ippożizzjonat ruħha fid-data tat-teħid ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni sentenza mogħtija sussegwentement.

32

Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 7; tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 26, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il-Kummissjoni u SRB, C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 327).

33

Madankollu, hekk kif essenzjalment espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi validament sostnut li s-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022 ma kinitx element eżistenti fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tinkiser il-portata retroattiva ta’ dik is-sentenza.

34

Fil-fatt, billi annullat, b’effett ex tunc, id-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care, l-imsemmija sentenza neħħiet din id-deċiżjoni mill-ordinament ġuridiku ab initio u stabbilixxiet mill-ġdid is-sitwazzjoni legali preċedenti, kif kienet teżisti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri t-tqegħid ta’ A u ta’ B taħt foster care mal-appellant.

35

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sitwazzjoni legali ta’ A u B fir-rigward ta’ AL fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi ddeċidiet li d-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care kienet ipproduċiet effetti legali billi temmet it-tqegħid taħt foster care ta’ A u ta’ B, filwaqt li din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022.

36

Għalkemm anki l-Kummissjoni tallega li huma biss l-elementi li minnhom hija setgħet tkun konxja fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprevedix tali limitazzjoni tal-prinċipju tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea.

37

Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE tista’, f’ċerti każijiet, testendi għall-elementi kollha prodotti mill-appellanti, irrispettivament minn jekk dawn ikunux preċedenti jew sussegwenti għad-deċiżjoni meħuda, minn jekk dawn kinux ġew ippreżentati minn qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn l-elementi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-data tal-adozzjoni tagħha. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Din is-soluzzjoni hija applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li tippermetti u li tiffavorixxi soluzzjoni bonarja tat-tilwima li jkun hemm bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni u mhux li torbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, bil-kundizzjoni li r-rikors kontenzjuż la jbiddel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni, 52/85, EU:C:1986:199, punt 12, u tad-29 ta’ Jannar 2026, PB vs SRB, C‑727/23 P, EU:C:2026:58, punt 50).

39

Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ilment b’mod partikolari jippermetti li l-amministrazzjoni tikseb kjarifiki dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u li b’dan il-mod tevita l-użu tar-rimedju kontenzjuż. Issa, li jiġi rikjest li l-appellant jerġa’ jadixxi lill-amministrazzjoni sabiex ikun jista’ jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali sentenza li tistabbilixxi fatti eżistenti fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża jmur kontra dan l-għan.

40

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju, f’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni parti tiegħu, għandu jiġi milqugħ.

41

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-prinċipju tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali meta ddeċidiet li l-Awtorità tal-Ħatra setgħet legalment tiddeċiedi li tirtira l-allowance għall-manteniment ta’ A u ta’ B abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care, filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra kienet tat u ġeddet din l-allowance abbażi ta’ dokumenti konsulari.

42

Madankollu, l-Artikolu 2(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta l-benefiċċju tal-allowance għal wild dipendenti biss għal kundizzjoni sostantiva, jiġifieri l-manteniment effettiv ta’ wild wieħed jew iktar, u ma jeżiġix li d-deċiżjoni li tingħata din l-allowance tittieħed abbażi ta’ dokumenti speċifiċi. Konsegwentement, l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirtira din l-allowance lanqas ma hija s-suġġett ta’ tali rekwiżit.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni li jkun magħruf fuq il-bażi ta’ liema dokumenti ngħataw l-allowances għall-manteniment ta’ A u ta’ B hija irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-irkupru ta’ dawn l-allowances.

44

Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

45

L-appellant isostni li l-punt 120 tas-sentenza appellata huwa xhieda tal-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju imparzjali u effettiv fuq il-provi li huwa pproduċa dwar ir-realtà tal-ispejjeż tiegħu sabiex jiżgura l-manteniment ta’ C.

46

Sabiex jipproduċi l-prova ta’ dan il-manteniment, l-appellant bagħat lill-Awtorità tal-Ħatra, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rendikonti kollha tal-kont bankarju tiegħu sabiex jipprova t-trasferimenti mwettqa kif ukoll dawk tal-kont bankarju ta’ C li juru t-trasferimenti li hija bbenefikat minnhom min-naħa tiegħu. Madankollu, matul dik il-proċedura, l-Awtorità tal-Ħatra talbet l-iżvelar sħiħ tal-kont bankarju ta’ C, sabiex tiddetermina jekk l-allowance għall-wild dipendenti kinitx intużat esklużivament u effettivament sabiex ikun żgurat il-manteniment ta’ dan il-wild. Madankollu, l-appellant ma onorax din it-talba, peress li C, li saret maġġorenni, ma tatx il-kunsens tagħha għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

47

Sabiex ineħħi d-dubji tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-assenza ta’ użu minn C tal-kont tagħha stess jew dwar l-eventwali ħlas lura minn C tal-allowances fil-kont tal-appellant, dan tal-aħħar, wara li kiseb il-kunsens ta’ C, annetta mar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza r-rendikonti bankarji mitluba. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li C kienet użat l-allowances għaliha nnifisha u li ebda ħlas ma sar mill-kont tagħha lejn il-kont tal-appellant.

48

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li “r-rendikonti mill-kont bankarju ta’ C ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti sabiex jintwera li l-appellant kien effettivament imantni lil C”, mingħajr ma sostniet din il-konstatazzjoni u mingħajr lanqas ma indikat dak li jikkostitwixxi prova suffiċjenti tar-realtà ta’ dan il-manteniment.

49

L-appellant ifakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-atti amministrattivi koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandu jirrikonċilja s-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-membri tal-persunal, billi jiżgura li d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-individwi jkunu debitament immotivati u proporzjonali.

50

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, tal-provi addizzjonali tal-fatt li huwa kien effettivament imantni lil C li huwa pproduċa fl-anness tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza. Il-motivazzjoni insuffiċjenti ta’ din l-evalwazzjoni turi li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju imparzjali u effettiv ta’ dawn il-provi.

52

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan il-punt li, “fid-dawl tad-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rendikonti tal-kont bankarju ta’ C ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti sabiex jintwera li l-appellant kien effettivament imantni lil C”.

53

Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li minn din il-motivazzjoni huwa diffiċli li wieħed jifhem kif id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, meta din l-istituzzjoni lanqas biss ma kellha għarfien tal-kontenut tar-rendikonti tal-kont bankarju inkwistjoni, jistgħu jikkonfutaw il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti.

54

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-espressjoni “fi kwalunkwe każ”, fil-bidu tal-punt 120 tas-sentenza appellata, jenfasizza l-fatt li kien biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti ġenerali wettqet l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tar-rendikonti tal-kont bankarju ta’ C, esposta f’dan il-punt. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet diġà ħadet pożizzjoni, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, dwar ir-rendikonti kontenzjużi tal-kont bankarju ta’ C.

55

F’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat, permezz ta’ motivi oħra minbarra dawk esposti fil-punt 120 tal-istess sentenza, ir-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni r-rendikonti tal-kont bankarju ta’ C prodotti fil-mori tal-kawża.

56

F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-appellant kien irrifjuta li jipprovdi, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rendikonti tal-kontijiet li huwa annetta mar-rikors tiegħu. Fil-fatt, hija ddeċidiet li, minn naħa, l-amministrazzjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-elementi fattwali li hija kellha sabiex tevalwa l-manteniment effettiva u sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-allowance inkwistjoni u li, min-naħa l-oħra, hija setgħet titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-appellant, li kien obbligat juri l-manteniment effettiva ta’ C.

57

Barra minn hekk, u fir-rigward tal-punt tas-sentenza appellata li huwa kkritikat fit-tielet aggravju, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 54).

58

Issa, it-tielet aggravju ma jinkludi ebda kritika tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punt 119 tas-sentenza appellata u lanqas tal-motivazzjoni tagħhom. Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi evalwat bħala li jirrigwarda biss il-punt 120 tas-sentenza appellata.

59

Huwa għal din ir-raġuni li l-argument tal-appellant la huwa suffiċjenti sabiex juri li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju imparzjali u effettiv tal-provi addizzjonali tal-manteniment effettiva ta’ C annessi mar-rikors u lanqas sabiex juri li ma mmotivatx suffiċjentement iċ-ċaħda ta’ dawn il-provi.

60

Minn dan isegwi li dan l-argument huwa ineffettiv u, għaldaqstant, li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

61

Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li huma biss l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni aggravju li għandhom jiġu milqugħa. Peress li dawn iż-żewġ partijiet huma diretti kontra r-risposta tal-Qorti Ġenerali għar-raba’ motiv tar-rikors, għalhekk hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn din ċaħdet dan ir-raba’ aggravju u li l-kumplament tal-appell jiġi miċħud.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

62

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

63

F’dan il-każ, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

64

Hekk kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-annullament parzjali tas-sentenza appellata deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċerna biss iċ-ċaħda, f’dik is-sentenza, tar-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Konsegwentement, is-suġġett tal-kawża li biha għadha adita l-Qorti tal-Ġustizzja wara dan l-annullament huwa issa limitat għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fformulata f’dak ir-raba’ motiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 138 u 139).

65

Permezz tar-raba’ motiv tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, kif ikkompletat fir-replika tiegħu, l-appellant isostni b’mod partikolari li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022, li annullat id-deċiżjoni nazzjonali li ttemm it-tqegħid taħt foster care li permezz tagħha l-awtoritajiet Rumeni għall-protezzjoni tat-tfal kienu temmew il-miżura ta’ tqegħid taħt foster care tat-tfal A u B miegħu, il-Kummissjoni ma setgħetx titolbu r-rimbors tal-allowances li huwa kien irċieva għall-manteniment ta’ A, għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Lulju 2013, u għall-manteniment ta’ B għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Marzu 2013.

66

Fl-ewwel lok, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza ġie indikat li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest tas-16 ta’ Mejju 2022, tat-tfal A u B għandhom jitqiesu bħala li baqgħu taħt foster care mal-appellant wara t-30 ta’ Jannar 2013.

67

Fit-tieni lok, minn dik is-sentenza definittiva jirriżulta li t-tqegħid taħt foster care mal-appellant intemm għal A fit-13 ta’ Mejju 2014 u għal B fit-28 ta’ Lulju 2013.

68

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tordna l-irkupru tal-allowances tal-familja mħallsa lill-appellant għall-manteniment ta’ A, mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Lulju 2013, u għall-manteniment ta’ B, mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Marzu 2013.

69

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

70

Konformement mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

71

Skont l-Artikolu 138 ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 84(1) tal-imsemmija regoli:

“1.   Il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

2.   Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

3.   Jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.”

72

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet parzjalment hemm lok li hija tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal nofs l-ispejjeż sostnuti minn AL, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell, kif mitlub minn AL.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ April 2024, AL v Il-Kummissjoni (T‑50/22, EU:T:2024:220), hija annullata sa fejn din tiċħad r-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Ottubru 2021 hija annullata sa fejn tordna l-irkupru tal-allowances tal-familja mħallsa lill-AL għall-manteniment ta’ A, mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Lulju 2013, u għall-manteniment ta’ B, mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Marzu 2013.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti minn AL, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.