European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7433

13.12.2024

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(C/2024/7433)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Barbanza e Iria”

PGI-ES-A1255-AM03

Data tal-komunikazzjoni: 30.9.2024

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   L-INKLUŻJONI TA’ VARJETÀ ĠDIDA TA’ GĦENEB

Deskrizzjoni:

Varjetà ġdida ġiet inkluża fil-lista tal-varjetajiet awtorizzati għall-produzzjoni tal-inbejjed Barbanza e Iria, jiġifieri l-varjetà bajda Ratiño Gallega.

Il-punt 6 tal-Ispeċifikazzjoni u l-punt 7 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Raġuni:

L-istudji mwettqa wrew li hija varjetà indiġena u mhux klonu ta’ varjetà oħra, u għalhekk ġiet rikonoxxuta amministrattivament bħala varjetà ġdida ta’ Vitis vinifera bl-Ordni APA/1097/2021 tas-7 ta’ Ottubru, li tipprevedi l-inklużjoni ta’ diversi varjetajiet ta’ speċijiet differenti fir-Reġistru tal-Varjetajiet Kummerċjali (BOE tal-11.10.2021).

2.   ESPANSJONI TAŻ-ŻONA DEMARKATA

Deskrizzjoni:

L-ambitu ġeografiku ta’ din l-indikazzjoni ġeografika protetta ġie kemxejn estiż biex jinkludi l-parroċċa ta’ Seira fil-muniċipalità ta’ Rois, li tmiss maż-żona attwalment demarkata.

Il-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni u l-punt 6 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Raġuni:

Hija estensjoni żgħira ta’ żona li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk taż-żona demarkata attwalment u għalhekk ma taffettwax ir-rabta.

3.   BIDLIET FIL-LOGO

Deskrizzjoni:

Il-logo li jidentifika dawn l-inbejjed ġie aġġornat, u ssostitwixxa t-terminu “vino de la tierra” bit-terminu ekwivalenti “Indikazzjoni Ġeografika Protetta”.

Din l-emenda tikkonċerna l-Anness II tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Raġuni:

It-terminu “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” issa tqiegħed fis-suq b’mod aktar estensiv.

4.   AĠĠORNAMENT TA’ XI REFERENZI U TITJIB FIL-FORMULAZZJONI

Deskrizzjoni:

L-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott intużat biex taġġorna kwotazzjoni legali li, minħabba l-mogħdija taż-żmien, ma kinetx għadha valida, u biex ittejjeb il-formulazzjoni dwar diversi punti.

Din l-emenda tikkonċerna l-punti 2, 4, 7, 8 u 9 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Raġuni:

Din intużat biex ittejjeb it-test tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni

Barbanza e Iria

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika:

IĠP – Indikazzjoni Ġeografika Protetta

3.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 — Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb, għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

INBID - Inbejjed bojod u ħomor, u nbejjed ta’ varjetà unika

DESKRIZZJONI QASIRA

Inbejjed ħfief, nodfa, ileqqu, b’kulur qawwi viżibbli; b’aromi ġenwini li jixhdu l-karatteristiċi proprji tal-materja prima, bi gradazzjoni alkoħolika moderata, u bi ħjiel ta’ fjuri u ta’ frott; fil-palat jinħassu bellusija, friski, mimlija togħma u bbilanċjati, bi ftit laqtiet ħfief ta’ aċidu.

Qawwa alkoħolika proprja minima tal-inbejjed ta’ varjetà waħda: 11 %.

*

Aċidità volatili massima tal-inbejjed li jitqiegħdu għall-bejgħ b’tal-inqas sena maturazzjoni: 16,66 meq/l.

*

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit għall-inbejjed bojod: 175 mg/l.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 10

—

Aċidità totali minima: 5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 15

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): 150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Prattika enoloġika speċifika

Ir-rendiment fl-estrazzjoni tal-most u l-firda tiegħu mill-karfa ma għandux ikun ikbar minn 67 litru most għal kull 100 kg għeneb.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Varjetajiet ta’ għeneb abjad

12 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

2.

Varjetajiet ta’ għeneb abjad

80,4 Hl għal kull ettaru

3.

Varjetajiet ta’ għeneb aħmar

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

4.

Varjetajiet ta’ għeneb aħmar

53,6 Hl għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-muniċipalitajiet ta’ Boiro, Catoira, Dodro, A Pobra do Caramiñal, Pontecesures, Rianxo, Ribeira u Valga, kif ukoll l-irħula ta’ Camboño, Fruíme u Tállara fil-muniċipalità ta’ Lousame; l-irħula ta’ Iria Flavia u Padrón, fil-muniċipalità ta’ Padrón; il-parroċċi ta’ Baroña, Caamaño, Queiruga, Ribasieira, San Pedro de Muro u Xuño, fil-muniċipalità ta’ Porto do Son; u l-parroċċa ta’ Seira fil-muniċipalità ta’ Rois.

Il-biċċa l-kbira minn din iż-żona ġeografika tinsab fil-provinċja ta’ A Coruña, għajr il-muniċipalitajiet ta’ Catoira, Valga u Pontecesures, li huma parti mill-provinċja ta’ Pontevedra.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

AGUDELO — CHENIN BLANC

ALBARIN BLANCO — BRANCO LEXITIMO

ALBARIÑO

BRANCELLAO

CAÍÑO BLANCO

CAÍÑO TINTO

ESPADEIRO — TORNEIRO

GODELLO

LOUREIRA – LOUREIRO BLANCO

LOUREIRA — MARQUÉS

LOUREIRO TINTO

MENCÍA

MERENZAO

RATIÑO GALLEGA

SOUSÓN

TORRONTÉS

TREIXADURA

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

L-inbejjed jixhdu l-kundizzjonijiet tat-temperatura u tax-xita, kif ukoll il-prattiki agrikoli u l-fattur uman, l-iktar fl-adattament varjetali xieraq (jintużaw fuq kollox varjetajiet indiġeni), fl-għażla tal-aqwa ħamrija (tal-lom, fondi u permeabbli, karatteristika ta’ din iż-żona ġeografika), u fil-prassi tajba tat-tkabbir, inkluż iż-żabra u l-kundizzjonament tad-dwieli, li jsiru bl-idejn u b’sengħa, sabiex ikun hemm kontroll xieraq tal-potenzjal tat-tkabbir tal-għeneb. Dawn il-kundizzjonijiet kollha jagħtu lill-inbejjed prodotti f’din iż-żona bilanċ u armonija, aromi eċċellenti, espressjonijiet aromatiċi u karatteristiċi tajbin ta’ preżervazzjoni.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed għandhom jiġu bbottilajti fiż-żona ġeografika demarkata ta’ produzzjoni. It-trasport u l-ibbottiljar barra miż-żona tal-produzzjoni jikkostitwixxu riskju għall-kwalità tal-inbid, billi jista’ jiġi espost għal fenomeni ta’ ossidoriduzzjoni, varjazzjonijiet fit-temperatura u oħrajn, u iktar ma tkun kbira d-distanza miż-żona ġeografika demarkata ikbar ikun ir-riskju. L-ibbottiljar lokali jippermetti li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott. Minħabba dan kollu, flimkien mal-esperjenza u l-għarfien espert tal-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed li ilhom is-snin jinkisbu mill-azjendi tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Barbanza e Iria”, jeħtieġ li l-ibbottiljar isir lokalment, sabiex jinżammu l-karatteristiċi kollha fiżikokimiċi u organolettiċi ta’ dawn l-inbejjed.

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Rekwiżiti addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Il-fliexken kollha jġorru kontratikketta nnumerata, li tinkludi l-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://agacal.xunta.gal/sites/default/files/calidade-alimentaria/vinos/PC_Barbanza_Iria_julio_2024_ES.pdf


(1)   GU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7433/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)