7.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/74


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1409

tad-29 ta’ Settembru 2020

dwar l-eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż fuq ċerti partijiet tar-rota li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97

(notifikata bid-dokument C(2020) 6574)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (2),

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Dazju antidumping japplika fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti partijiet essenzjali tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) bħala riżultat tal-estensjoni tad-dazju antidumping impost mir-Regolament (KE) Nru 71/97 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-RPĊ (3).

(2)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 71/97, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-miżuri neċessarji biex tawtorizza l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li ma jevitawx id-dazju antidumping.

(3)

Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (4) li jistabbilixxi s-sistema ta’ eżenzjoni speċifika.

(4)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni eżentat mid-dazju estiż għadd ta’ persuni li jarmaw ir-roti.

(5)

Kif previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea listi sussegwenti tal-Partijiet eżentati (5).

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/676 (6) l-aktar reċenti li tikkonċerna l-eżenzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 ġiet adottata fit-18 ta’ Mejju 2020.

(7)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(8)

Fl-20 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-kumpanija Ġermaniża Kenstone Metal Company GmbH (“Kenstone”) talba għal eżenzjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk din it-talba kinitx ammissibbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 (“ir-Regolament ta’ eżenzjoni”).

(9)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97 sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba, il-ħlas tad-dazju estiż fir-rigward ta’ kull importazzjoni ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn Kenstone ġie sospiż mill-jum li fih il-Kummissjoni rċeviet it-talba għall-eżenzjoni.

(10)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC C207 ġie assenjat lill-Parti elenkata fit-tabella, biex jidentifika l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera u soġġett għas-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż.

Tabella

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C207

Kenstone Metal Company GmbH

Am Maikamp 8-12,

32 107 Bad Salzuflen, Germany

20.3.2017

(11)

F’Awwissu 2018, Kenstone infurmat lill-Kummissjoni li matul il-perjodu tas-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż, jiġifieri mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”), il-kumpanija ma setgħetx tikkonforma ma’ waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ eżenzjoni. B’mod partikolari, Kenstone ma użatx partijiet essenzjali ta’ roti għall-assemblaġġ ta’ roti fi kwantitajiet ’il fuq mil-livell limitu ta’ 299 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-rota kull xahar (“ir-regola de minimis”).

(12)

Kenstone ġġustifikat in-nuqqas ta’ konformità mar-regola de minimis bil-fatt li l-impjant tal-kumpanija, inkluża l-linja tal-assemblaġġ tar-roti, ġie ttrasferit minn Flensburg għal Bad Salzuflen. Barra minn hekk, minħabba bidla fil-katina tal-provvista, il-konsenja tal-partijiet tar-roti mixtrija ddewmet.

(13)

Kenstone ddikjarat li bl-assi l-ġodda l-assemblaġġ tar-roti sar kompletament operattiv u għalhekk il-livell limitu msemmi hawn fuq kien ikun intlaħaq fl-2018. Għalhekk, Kenstone talbet għal estensjoni tal-perjodu ta’ investigazzjoni biex ikun jinkludi s-sena kalendarja 2018 kollha (“il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż”). Din l-estensjoni ngħatat u għalhekk il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż ġie jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ April 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2018.

(14)

F’Marzu 2019, Kenstone infurmat ukoll lill-Kummissjoni li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż il-kumpanija xtrat, fuq bażi ta’ kull xahar, inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti soġġetti għas-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż.

(15)

F’Lulju 2019, il-Kummissjoni għamlet żjara fl-impjant tal-kumpanija biex teżamina l-meriti tat-talba għal eżenzjoni. Sinteżi tal-eżitu tal-eżami hija kif ġej:

(a)

kważi nofs ir-roti ddikjarati bħala mmuntati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż kienu roti mgħammrin b’mutur awżiljarju (“e-bikes”) u għalhekk kienu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni;

(b)

l-attività ewlenija tal-kumpanija kienet li tforni servizzi purament ta’ assemblaġġ lill-klijenti, jiġifieri Kenstone kienet tagħmel l-assemblaġġ tal-partijiet ta’ roti proprjetà ta’ Partijiet oħra u titħallas tariffa mill-klijenti għas-servizz;

(c)

is-sistema ta’ kontabbiltà ta’ Kenstone ma ppermettietx li tinżamm dokumentazzjoni ta’ aktar minn oriġini waħda għal kull parti ta’ rota, anki f’każ li din il-parti kienet ġejja minn fornituri differenti b’oriġini differenti (Ċiniżi jew mhux Ċiniżi). Għalhekk, Kenstone ma kinitx f’pożizzjoni li turi li hemm konformità mar-regoli antiċirkomvenzjoni, billi ma setgħetx turi l-perċentwal tal-partijiet Ċiniżi użati.

(16)

L-eżami tat-talba għal eżenzjoni wera li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż Kenstone ma kkonformatx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 88/97. Għalkemm ma ġie identifikat ebda każ ta’ ksur tar-regoli antiċirkomvenzjoni, id-daqs tal-attività ta’ assemblaġġ ta’ Kenstone għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 88/97 kien manifestament insuffiċjenti. Barra minn hekk, Kenstone kellha sistema inadegwata ta’ żamma ta’ dokumentazzjoni.

(17)

F’Mejju 2020, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Kenstone dwar l-eżami tat-talba għal eżenzjoni. Kenstone sostniet li:

(a)

matul il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż, Kenstone mmuntat aktar minn 300 unità ta’ partijiet essenzjali tar-roti fuq medja ponderata ta’ kull xahar;

(b)

minn Jannar 2020 ’il hawn, l-attivitajiet ta’ assemblaġġ ta’ Kenstone żdiedu b’mod sinifikanti, b’tali mod li ġew immuntati aktar minn 300 unità ta’ partijiet tar-roti kull xahar;

(c)

filwaqt li huwa minnu li s-sistema ta’ żamma ta’ dokumentazzjoni ppermettiet li tinżamm id-dokumentazzjoni ta’ oriġini waħda biss għal kull parti ta’ rota, irrispettivament minn jekk setgħetx tinkiseb minn diversi fornituri u minn sorsi differenti, ir-Regolament (KE) Nru 88/97 ma jispeċifikax li huwa prerekwiżit li sistema taż-żamma ta’ dokumentazzjoni trid tkun kapaċi tirreġistra informazzjoni bħal din;

(d)

l-eżami li għamlet il-Kummissjoni tal-meriti tat-talba għal eżenzjoni kien inadegwat.

(18)

Fir-rigward tal-kumment sintetizzat fil-premessa 17(a), il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 88/97, l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti għandhom ikunu eżentati mid-dazju estiż meta jkunu ddikjarati għal ċirkolazzjoni libera minn Parti eżentata, jew f’isimha.

(19)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, talba għandha tkun ammissibbli meta jkun fiha evidenza li l-applikant qed juża partijiet essenzjali tar-roti għall-produzzjoni jew l-assemblaġġ tar-roti fi kwantitajiet ’il fuq mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(20)

Barra minn hekk, kif iddikjarat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 512/2013 (7), il-partijiet tar-roti użati għall-assemblaġġ għall-e-bikes mhumiex soġġetti għal miżuri antidumping u għalhekk huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni.

(21)

Il-Kummissjoni tosserva li Kenstone kienet taf bin-nuqqas ta’ konformità tagħha mar-regola de minimis u f’Marzu 2019 infurmat lill-Kummissjoni b’dan, kif imsemmi fil-premessa 14 hawn fuq.

(22)

Il-partijiet tar-roti mmuntati iżda li la huma mixtrija u lanqas huma proprjetà ta’ Kenstone, kif ukoll il-partijiet tar-roti li Kenstone użat għall-assemblaġġ tal-e-bikes ma jistgħux jitqiesu li jiddeterminaw konformità mar-regola de minimis.

(23)

Barra minn hekk, Kenstone argumentat li fl-2018 kienu jintużaw kull xahar aktar minn 300 parti essenzjali tar-rota. Madankollu, l-għadd li jeċċedi t-300 parti essenzjali tar-rota ntlaħaq bl-addizzjoni tal-użu tad-disa’ partijiet kollha essenzjali tar-rota. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi indikat li, skont l-Artikolu 14(c) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, il-livell limitu ta’ 300 unità huwa ddefinit b’mod ċar “għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-rota”, u mhux bħala total tad-disa’ partijiet kollha essenzjali tar-rota.

(24)

Kenstone argumentat ukoll li meta ġew eżaminati l-importazzjonijiet tal-partijiet essenzjali tar-rota għal kull tip, il-livell limitu ta’ 300 parti nqabeż għal ċerti partijiet f’Jannar 2018 u għal partijiet oħra fi Frar 2018, iżda qatt aktar minn darba f’sena għal parti essenzjali partikolari. Kenstone argumentat li billi l-assemblaġġ tar-roti huwa attività staġonali, ikun sproporzjonat jekk impriża tal-assemblaġġ ikollha taqbeż il-livell limitu kull xahar.

(25)

F’dan ir-rigward, ir-Regolament (KE) Nru 88/97 tabilħaqq jipprovdi element ta’ flessibbiltà, billi l-livell limitu, li Parti eżentata jenħtieġ li taqbeż, huwa definit “fuq bażi ta’ kull xahar”. Madankollu, li jinqabeż il-limitu biss darba f’sena partikolari ta’ 12-il xahar għal parti speċifika, ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-kriterju li jiġi kkunsidrat ogħla mil-limitu fuq bażi ta’ kull xahar.

(26)

Konsegwentement, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni, Kenstone xtrat kull xahar inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti soġġetti għas-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż. Barra minn hekk, Kenstone użat partijiet essenzjali tar-roti soġġetti għas-sospensjoni għall-produzzjoni jew għall-assemblaġġ ta’ roti fi kwantitajiet taħt il-livell limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament ta’ eżenzjoni.

(27)

Fir-rigward tal-kumment sintetizzat fil-premessa 17(b), il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ eżenzjoni, il-perjodu bejn l-1 ta’ April 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2018 ġie identifikat bħala l-perjodu li għandu jiġi investigat biex jiġi deċiż jekk għandhiex tingħata eżenzjoni. Għalhekk, l-eżami tal-attività ta’ assemblaġġ ta’ Kenstone matul perjodi oħra huwa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li tikkonċerna l-perjodu ta’ investigazzjoni estiż.

(28)

Fir-rigward tal-kumment sintetizzat fil-premessa (17)(c), il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li f’April 2017, Kenstone ġiet innotifikata li t-talba għal eżenzjoni tagħha kienet ikkunsidrata ammissibbli. Kenstone ġiet infurmata wkoll dwar l-istatus tagħha ta’ kumpanija sospiża kif ukoll dwar l-obbligi tagħha bħala Parti li qed tiġi eżaminata, inklużi struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandha żżomm id-dokumentazzjoni biex tiġi ppruvata l-konformità mar-regola antiċirkomvenzjoni. Dawn l-istruzzjonijiet ġew imtennija f’Jannar 2019 fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni estiż u f’Lulju 2019, qabel ma saret iż-żjara ta’ verifika fl-impjant tal-kumpanija.

(29)

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97 jelenka l-obbligi tal-Partijiet sospiżi, b’mod partikolari li tali Parti “għandha żżomm dokumentazzjoni dwar il-partijiet essenzjali tar-rota li kienu kkonsenjati lilha — u l-użu li sar minnhom”. Tali Partijiet iridu wkoll juru li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħhom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Biex jintwera li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) ta’ dak ir-Regolament (8), Kenstone kellha d-dmir turi li l-partijiet Ċiniżi jammontaw għal 60 % jew inqas tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat. Tabilħaqq, l-oriġini tal-partijiet trid tkun parti mid-dokumentazzjoni miżmuma mill-kumpanija, inkella ma jkunx possibbli li tintwera l-konformità.

(30)

Fir-rigward tal-kumment sintetizzat fil-premessa 17(d), il-Kummissjoni tixtieq tindika li għall-eżami tal-meriti tat-talba għal eżenzjoni, il-prattika standard ġiet rispettata kompletament. Il-Kummissjoni debitament evalwat id-dokumenti, id-data u l-informazzjoni kollha miksuba qabel, matul u wara l-verifika mwettqa fl-impjant tal-kumpanija, li huma neċessarji biex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà tat-talba għal eżenzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha l-elementi kollha neċessarji biex tadotta deċiżjoni.

(31)

Kenstone kompliet targumenta li filwaqt li l-verifika kienet skedata għal jum u nofs, din tlestiet wara ftit sigħat fl-ewwel jum. L-allegazzjoni mhix korretta. Il-verifika tal-impjant tal-kumpanija ħadet jum sħiħ. Matul dan il-jum, Kenstone ma pprovdiet ebda informazzjoni verifikabbli dwar l-oriġini tal-partijiet immuntati jew dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Minħabba n-nuqqas ta’ progress matul dan il-jum, il-verifika twaqqfet fl-aħħar nofs jum previst għall-verifika.

(32)

Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew l-eżami tagħhom tat-talba għal eżenzjoni tal-Parti elenkata fit-Tabella hawn fuq u stabbilew li matul l-eżami, il-Parti ma ssodisfatx il-kriterji għal eżenzjoni.

(33)

Għal dawn ir-raġunijiet, u skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, huwa xieraq li t-talba għal eżenzjoni tiġi miċħuda u titneħħa s-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż imsemmi fl-Artikolu 5 tal-istess Regolament.

(34)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dazju estiż jinġabar mid-data ta’ meta waslet it-talba għal eżenzjoni ppreżentata minn din il-Parti, li hija d-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni, jiġifieri l-20 ta’ Marzu 2017.

(35)

Il-Kummissjoni infurmat lil Kenstone dwar il-konklużjonijiet tagħha fuq il-meriti tat-talba tagħha għal eżenzjoni u tat lil Kenstone l-opportunità li tikkummenta.

(36)

Wara l-iżvelar, fl-1 ta’ Settembru 2020 Kenstone argumentat li la l-lista ta’ materjal u lanqas kull prova oħra tal-oriġini ma ntalbet mill-Kummissjoni matul il-verifika fil-post. Madankollu, l-allegazzjoni mhijiex korretta. Il-Kummissjoni talbet speċifikament din l-informazzjoni fit-2 ta’ Lulju 2019, qabel il-verifika fil-post, bl-ittra Ares (2019) 4173972 li tinforma lil Kenstone dwar l-iskop taż-żjara ta’ verifika. Ma’ din l-ittra, il-Kummissjoni hemżet lista ta’ dokumenti li għandhom ikunu disponibbli fil-bini tal-kumpanija, inklużi listi ta’ materjal u ċertifikati ta’ oriġini. Madankollu, dawn ma ġewx ipprovduti minn Kenstone, la matul il-verifika fil-post u lanqas fil-kummenti għall-iżvelar.

(37)

Kenstone tenniet il-kumment li sar f’Mejju 2020 kif irrappurtat fil-premessa 17(c). B’mod partikolari, Kenstone sostniet li r-Regolament ta’ eżenzjoni ma jispeċifikax kif is-sistema taż-żamma tar-rekords għandha tiġi strutturata biex jinżammu rekords tal-oriġini tal-partijiet tar-roti mixtrija.

(38)

Il-Kummissjoni diġà indirizzat din il-kwistjoni fil-premessi 28 u 29. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li Kenstone kienet ġiet infurmata dwar kif iżżomm rekords biex tipprova l-konformità mar-regola kontra ċ-ċirkomvenzjoni u qatt ma oġġezzjonat għaliha, u l-kumpanija lanqas ma għamlet użu mill-possibbiltà li tipprova b’mod sostantiv il-konformità b’modi oħra matul il-verifika jew bħala reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet. Għalhekk, Kenstone ma ppreżentat l-ebda evidenza valida biex turi li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħha jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-oneru tal-prova tal-konformità mar-regoli jaqa’ fuq il-Partijiet li jitolbu eżenzjoni.

(39)

Kenstone argumentat ukoll li ma kinitx irċeviet aċċess sħiħ għall-fajl amministrattiv. Filwaqt li din kienet diġà fil-pussess tal-kumpanija, ġiet ipprovduta kopja addizzjonali mis-servizzi tal-Kummissjoni. Kenstone mbagħad argumentat li l-fajl amministrattiv ma kienx komplut, billi d-Dokument Ares (2020) 4002648 tad-29 ta’ Lulju 2020 isemmi li ittra bir-referenza Ares (2017) SN2161027 intbagħtet lil Kenstone fit-12 ta’ April 2017. Din l-ittra allegatament mhijiex inkluża fl-iżvelar tal-fajls. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li n-numru ta’ referenza li jinsab fid-Dokument Ares (2020) 4002648 fih żball klerikali. In-numru ta’ referenza korrett huwa SN2160934 (minflok Ares (2017) SN2161027) u d-dokument huwa tabilħaqq inkluż fil-fajl amministrattiv.

(40)

Kenstone talbet ukoll aċċess għar-reġistru tad-dokumenti, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). It-talba u t-tweġiba għaliha jsegwu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. F’kull każ, il-Kummissjoni kkonfermat li l-indiċi tal-fajl tal-investigazzjoni ġie pprovdut lil Kenstone,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba għal eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż ippreżentata mill-Parti elenkata fit-Tabella ta’ dan l-Artikolu b’dan qed tiġi miċħuda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

Tabella

Il-Parti li għaliha għandha titneħħa s-sospensjoni

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C207

Kenstone Metal Company GmbH

Am Maikamp 8-12,

32 107 Bad Salzuflen, Germany

20.3.2017

Artikolu 2

Is-sospensjoni tal-pagament tad-dazju antidumping estiż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 hija b’dan imneħħija għall-Parti elenkata fit-Tabella tal-Artikolu 1.

Id-dazju estiż jenħtieġ li jinġabar mid-data prevista fil-kolonna intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Parti elenkata fl-Artikolu 1 u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Valdis DOMBROVSKIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal-10 ta’ Jannar 1997, li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjoni ta’ ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u l-impożizzjoni ta’ dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17).

(5)   ĠU C 45, 13.2.1997, p. 3; ĠU C 112, 10.4.1997, p. 9; ĠU C 220, 19.7.1997, p. 6; ĠU L 193, 22.7.1997, p. 32; ĠU L 334, 5.12.1997, p. 37; ĠU C 378, 13.12.1997, p. 2; ĠU C 217, 11.7.1998, p. 9; ĠU C 37, 11.2.1999, p. 3; ĠU C 186, 2.7.1999, p. 6; ĠU C 216, 28.7.2000, p. 8; ĠU C 170, 14.6.2001, p. 5; ĠU C 103, 30.4.2002, p. 2; ĠU C 35, 14.2.2003, p. 3; ĠU C 43, 22.2.2003, p. 5; ĠU C 54, 2.3.2004, p. 2; ĠU L 343, 19.11.2004, p. 23; ĠU C 299, 4.12.2004, p. 4; ĠU L 17, 21.1.2006, p. 16; ĠU L 313, 14.11.2006, p. 5; ĠU L 81, 20.3.2008, p. 73; ĠU C 310, 5.12.2008, p. 19; ĠU L 19, 23.1.2009, p. 62; ĠU L 314, 1.12.2009, p. 106; ĠU L 136, 24.5.2011, p. 99; ĠU L 343, 23.12.2011, p. 86; ĠU L 119, 23.4.2014, p. 67; ĠU L 132, 29.5.2015, p. 32; ĠU L 331, 17.12.2015, p. 30; ĠU L 47, 24.2.2017, p. 13; ĠU L 79, 22.3.2018, p. 31; ĠU L 171, 26.6.2019, p. 117; ĠU L 138, 30.4.2020, p. 8; ĠU L 158, 20.5.2020, p. 7.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/676 tat-18 ta’ Mejju 2020 dwar eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (ĠU L 158, 20.5.2020, p. 7).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 512/2013 tal-4 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/97 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (ĠU L 152, 5.6.2013, p. 1).

(8)  Hemm ukoll regola anċillari li ma sseħħx ċirkomvenzjoni meta l-valur miżjud tal-partijiet importati jkun aktar minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura. Kenstone ma sostniex li huma jissodisfaw dan il-livell limitu.

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).