Edizzjoni Provviżorja
202610267SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘kummerċjant’ – Artikolu 3(2) – Klawżola li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali – Statut ta’ fond ta’ investiment magħluq – Adeżjoni ma’ dan il-fond – Akkwist minn detentur ta’ ishma ta’ ċertifikati ta’ investiment maħruġa mill-imsemmi fond”
Fil-Kawża C‑63/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
K. Sz.,
H. Sz.,
W. Sz.,
vs
Z. Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, fi stralċ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal W. Sz., H. Sz. u K. Sz., minn A. Car, adwokat,
– għal Z. Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, fi stralċ, minn J. Ziajka, radca prawny,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) u (ċ) u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, K. Sz., H. Sz. u W. Sz., persuni fiżiċi, u, min-naħa l-oħra, Z. Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, fond ta’ investiment magħluq (iktar ’il quddiem “FIZ”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ t-talbiet għax-xiri lura ta’ ċertifikati ta’ investiment.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
3 L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara:
“Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”.
4 Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”
5 L-Artikolu 2(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
(b) ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;
(ċ) ‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”
6 Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-istess direttiva:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.
Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.
Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.”
Id‑dritt Pollakk
Il‑Kodiċi Ċivili
7 Skont l-Artikolu 221 tal-ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. – Kodeks cywilny (il-Liġi tat‑23 ta’ April 1964 dwar il-Kodiċi Ċivili) (Dz. U. tal‑2023, pożizzjoni 1610) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):
“‘Konsumatur’ tfisser kull persuna fiżika li, flimkien ma’ kummerċjant, twettaq att ġuridiku li ma jkunx marbut direttament mal-attività ekonomika jew professjonali tagħha.”
8 L-Artikolu 431 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:
“Kummerċjant huwa persuna fiżika, persuna ġuridika jew unità organizzattiva msemmija fl-Artikolu 331(1) li teżerċita attività ekonomika jew professjonali f’isimha stess.”
9 L-Artikolu 66(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:
“Dikjarazzjoni, indirizzata lil parti oħra, tal-intenzjoni li jiġi konkluż kuntratt tikkostitwixxi offerta, jekk din id-dikjarazzjoni tispeċifika l-klawżoli essenzjali ta’ dan il-kuntratt.”
10 Skont l-Artikolu 3851 tal-Kodiċi Ċivili:
“1. Il-klawżoli ta’ kuntratt konklużi ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment ma jorbtux lill-konsumatur meta dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità, billi jippreġudikaw manifestament l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali illegali). Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi ewlenin tal-partijiet, inkluż il-prezz jew il-kumpens, jekk ikunu fformulati b’mod inekwivoku.
[...]
3. Il-klawżoli ta’ kuntratt li ma jkunux is-suġġett ta’ negozjati individwali huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza effetttiva fuq il-kontenut tagħhom. Dawn jinkludu b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn kuntratt standard offrut lill-konsumatur mill-kontroparti.
[...]”
Il-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment
11 L-ustawa o funduszach inwestycyjnych i zarządzaniu alternatywnymi funduszami inwestycyjnymi (il-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment u l-Ġestjoni tal-Fondi ta’ Investiment Alternattivi) (Dz.U. 2004, Nru 146, Dz.U. tal-2024, pożizzjoni 1546, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment”), tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha:
“1. Fond ta’ investiment huwa persuna ġuridika li l-attività tagħha jkollha bħala għan uniku d-depożitu ta’ titoli, ta’ strumenti tas-suq monetarju u ta’ drittijiet patrimonjali oħra ddefiniti mil-liġi ta’ fondi miġbura permezz ta’ offerta ta’ akkwist ta’ ishma jew ta’ ċertifikati ta’ investiment.
[...]
3. Fond ta’ investiment jeżerċita l-attività tiegħu, billi jagħti attenzjoni partikolari lill-interess tad-detenturi ta’ ishma, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ tnaqqis tar-riskji ta’ investiment stabbiliti fil-liġi.
[...]”
12 Skont l-Artikolu 6(1) sa (2) ta’ din il-liġi:
“1. Id-detenturi ta’ ishma ta’ fond ta’ investiment huma persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi jew entitajiet organizzattivi mingħajr personalità ġuridika:
[...]
2. li huma detenturi ta’ kont ta’ titoli li fih huma rreġistrati ċertifikati ta’ investiment jew li għandhom dritt għaċ-ċertifikati ta’ investiment irreġistrati f’kont kollettiv.
2. L-ishma jew iċ-ċertifikati ta’ investiment jirrappreżentaw id-drittijiet ta’ proprjetà tad-detenturi ta’ ishma tal-fond, kif iddefiniti mil-liġi u mill-istatut tal-fond ta’ investiment.”
13 L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:
“Il-ħolqien ta’ fond ta’ investiment, bla ħsara għall-Artikolu 15a, jeħtieġ:
1. l-għoti ta’ statuti lill-fond ta’ investiment minn kumpanija;
[...]”
14 Skont l-Artikolu 117(1) u (3) tal-istess liġi:
“1. Il-fond ta’ investiment magħluq joħroġ ċertifikati ta’ investiment.
[...]
3. Il-persuni fiżiċi jistgħu jakkwistaw ċertifikati ta’ investiment ta’ fond ta’ investiment, imsemmi fl-Artikolu 15(1a), jekk il-valur taċ-ċertifikat ta’ investiment tal-ewwel ħruġ ta’ dan il-fond ma jkunx inqas mill-ekwivalenti ta’ zloty Pollakki tas-somma ta’ EUR 40 000.”
15 L-Artikolu 139 tal-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment jipprovdi:
“1. Fond ta’ investiment magħluq jista’ jixtri lura ċ-ċertifikati ta’ investiment li jkun ħareġ, jekk l-istatut tiegħu jipprovdi hekk.
[...]
3. L-istatut tal-fond ta’ investiment magħluq għandu jispeċifika ir-rekwiżiti, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tax-xiri lura taċ-ċertifikati ta’ investiment, kif ukoll it-termini u l-modalitajiet tan-notifika tax-xiri lura taċ-ċertifikati
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Fis‑7 ta’ Ġunju 2016, FIZ bagħat lil K. Sz., tabib, u lill-ġenituri tiegħu, H. Sz. u W. Sz., irtirati, proposta bil-miktub għax-xiri ta’ ċertifikati ta’ investiment li kienet tispeċifika l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ dawn tal-aħħar f’anness ippreżentat bħala l-uniku dokument legalment vinkolanti.
17 Fuq rakkomandazzjoni ta’ impjegat tal-bank tagħhom, K. Sz., H. Sz. u W. Sz. akkwistaw, kull wieħed minnhom għal valur unitarju ta’ 186 714.14 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 44 290), żewġ ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn FIZ. Għal dan l-għan, huma mlew formola standard li fiha ddikjaraw li kienu ħadu konoxxenza tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati u li kienu qegħdin jaċċettaw il-kundizzjonijiet u r-regoli ta’ xiri ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll l-istatuti ta’ FIZ.
18 Fis‑26 ta’ Marzu 2019, K. Sz., H. Sz. u W. Sz. ressqu lil FIZ talbiet għal xiri lura għaċ-ċertifikati kollha tagħhom, li qabel kienu tqassmu minn FIZ f’2 000 ċertifikat għal kull persuna. Wara r-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ dawn it-talbiet, minħabba li l-istatuti tiegħu kienu jawtorizzawh inaqqas it-talbiet għal xiri lura, K. Sz., H. Sz. u W. Sz, fl‑20 ta’ Settembru 2021, ippreżentaw rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), u talbu l-kundanna ta’ FIZ sabiex iħallas, lil kull wieħed minnhom, is-somma ta’ PLN 356 962.74 (madwar EUR 84 660) miżjuda bl-interessi moratorji legali mit‑30 ta’ Settembru 2019 sad-data tal-ħlas. Ir-rikorrenti sostnew li l-klawżola tal-istatuti ta’ FIZ li tipprevedi t-tnaqqis tat-talbiet għax-xiri lura taċ-ċertifikati kienet tikkostitwixxi klawżola kuntrattwali illegali fis-sens tal-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili sa fejn ma kinitx tistabbilixxi limitu għat-tnaqqis tax-xiri u sa fejn kienet tissuġġetta s-sodisfazzjon tat-talba għax-xiri lura għall-valur tal-likwidità ta’ FIZ, jiġifieri kundizzjoni li t-twettiq tagħha kien jiddependi esklużivament minn dan tal-aħħar.
19 Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2022, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet ir-rikors. Skont dik il-qorti, l-istatuti ta’ FIZ, li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tad-detenturi ta’ ishma tal-fond fir-rigward ta’ dan tal-aħħar u tal-kumpannija li hija l-korp ta’ ġestjoni tiegħu, ma humiex kuntratt u, għaldaqstant, ma humiex suġġetti għal stħarriġ taħt l-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili.
20 Ir-rikorrenti appellaw minn dik is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha dubju dwar il-klassifikazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 2(b) u (ċ) u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, tar-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn, minn naħa, id-detenturi ta’ ishma ta’ fond ta’ investiment magħluq u akkwirenti ta’ ċertifikati ta’ investiment, u, min-naħa l-oħra, dan il-fond, li jkun l-emittent ta’ dawn it-titoli. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja fid-dawl tal-interpretazzjonijiet diverġenti tal-qrati Pollakki fir-rigward tal-applikazzjoni, għall-akkwirenti ta’ ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn fondi magħluqa, tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
21 L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk detentur ta’ ishma ta’ fond ta’ investiment magħluq jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, sa fejn iċ-ċertifikati ta’ investiment akkwistati jkunu, fl-istess ħin, titoli ta’ natura patrimonjali u ta’ natura soċjali, li jinkludu b’mod partikolari d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħa tal-investituri.
22 It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk FIZ jistax jitqies bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva. Dik il-qorti tirrileva li fond ta’ investiment magħluq għandu personalità ġuridika fid-dritt Pollakk, huwa amministrat u rrappreżentat fil-konfront ta’ terzi minn entità li topera fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li ma hijiex marbuta mad-detenturi ta’ ishma tal-fond b’relazzjoni kuntrattwali, jeżerċita attività ta’ investiment f’ismu stess, b’mod kontinwu u organizzat, u għandu skop ta’ lukru, li jikkaratterizza “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 431 tal-Kodiċi Ċivili.
23 It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk dispożizzjoni tal-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq, li tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tad-detentur ta’ ishma, inklużi r-regoli dwar ix-xiri lura taċ-ċertifikati ta’ investiment, tistax titqies li hija klawżola ta’ kuntratt “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati invidiwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13.
24 Dik il-qorti għandha dubji dwar in-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn fond ta’ investiment magħluq u d-detenturi tal-ishma tiegħu. L-imsemmija qorti tenfasizza b’mod partikolari r-rwol doppju tal-istatuti ta’ dan il-fond, li huma kemm l-att kostituttiv ta’ persuna ġuridika kif ukoll ftehim ta’ parteċipazzjoni li l-imsemmi fond ikkonkluda mad-detenturi ta’ ishma. Hija ma teskludix li din ir-relazzjoni ġuridika tista’ tiġi kklassifikata bħala kuntratt ta’ adeżjoni, ikkaratterizzat mill-assenza ta’ negozjati dwar il-kontenut tal-kuntratt, u suġġett, għal dan l-għan, għall-istħarriġ tal-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Persuna fiżika – parteċipant f’fond ta’ investiment magħluq u xerrej ta’ titoli rreġistrati fil-forma ta’ ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn dan il-fond, hija ‘konsumatur’ fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-[Direttiva 93/13], jekk ix-xiri ta’ dawn it-titoli jseħħ għal finijiet mhux marbuta mal-kummerċ, negozju jew professjoni ta’ din il-persuna u l-għan tal-adeżjoni għal dan il-fond huwa qabel kollox l-investiment fit-tfaddil?
2) Fond ta’ investiment magħluq, li l-għan esklużiv tal-attività tiegħu huwa l-investiment ta’ flus miġbura permezz ta’ proposta ta’ xiri ta’ ċertifikati ta’ investiment f’titoli, strumenti tas-suq monetarju u drittijiet patrimonjali oħra speċifikati f’regolamentazzjoni huwa ‘bejjiegħ jew fornitur’ fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13?
3) Dispożizzjoni tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ fond ta’ investiment magħluq li tispeċifika d-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipant, inklużi r-regoli u l-iskadenzi tar-riakkwist taċ-ċertifikati ta’ investiment minn dan il-fond mingħand il-parteċipanti fih hija ‘klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata individwalment’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, jekk il-parteċipant seta’ jiffamiljarizza ruħu mal-istatut ta’ assoċjazzjoni qabel l-adeżjoni mal-fond u aċċetta l-kontenut tiegħu f’dikjarazzjoni bil-miktub mas-sottoskrizzjoni għaċ-ċertifikati ta’ investiment?”
Fuq id-domandi preliminari
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li biha tkun adita. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, FSMA, C‑376/24, EU:C:2026:497, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Filwaqt li permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, minn naħa, dwar il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ detentur ta’ ishma ta’ fond ta’ investiment magħluq, u, min-naħa l-oħra, dwar il-kwalità ta’ “kummerċjant” ta’ dan il-fond, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 93/13, permezz tat-tielet domanda tagħha hija qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni tal-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tax-xiri lura ta’ ċertifikati ta’ investiment, għandhiex titqies bħala klawżola kuntrattwali “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, meta d-detentur ta’ ishma jkun ħa konoxxenza ta’ dawn l-istatuti qabel ma aderixxa ma’ dan il-fond u jkun aċċetta l-kontenut tagħhom f’dikjarazzjoni bil-miktub fil-mument tas-sottoskrizzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati.
28 Għandu jiġi osservat li dik il-qorti qiegħda għalhekk tistaqsi jekk tali statuti jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tagħha.
29 Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tliet domandi tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(b) u (ċ) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq, li l-attività tiegħu tikkonsisti fl-investiment f’titoli trasferibbli jew fi strumenti tas-suq monetarju ta’ riżorsi finanzjarji miġbura permezz ta’ offerta ta’ akkwist ta’ ċertifikati ta’ investiment, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma ta’ dan il-fond ikun akkwista, għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ attività professjonali, ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn dan tal-aħħar, u jekk, fl-affermattiv, dispożizzjoni ta’ dawn l-istatuti li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tax-xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati mill-imsemmi fond għandhiex titqies bħala klawżola ta’ kuntratt “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2), f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma jkun ħa konoxxenza tal-imsemmija statuti qabel ma aderixxa ma’ dan l-istess fond u jkun aċċetta l-kontenut tagħhom f’dikjarazzjoni bil-miktub fil-mument tas-sottoskrizzjoni tal-imsemmija ċertifikati.
30 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1) tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva għandha l-għan li tapprossima d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur. Din hija, għalhekk, direttiva ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi, intiża li tapplika fis-setturi kollha ta’ attività ekonomika (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce, C‑365/23, EU:C:2025:192, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 L-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “kummerċjant” bħala li jirreferu, rispettivament, għal kull persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt din id-direttiva, taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, u għal kull persuna fiżika jew ġuridika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, kemm jekk ta’ natura pubblika jew privata. Huwa għalhekk b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn ikunux qegħdin jaġixxu jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li l-istess direttiva tiddefinixxi l-kuntratti li għalihom hija tapplika (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce, C‑365/23, EU:C:2025:192, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Fit-tieni lok, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, skont l-għaxar premessa tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn kummerċjant u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 29). Min-naħa l-oħra, din l-għaxar premessa tinkludi l-indikazzjoni li, għaldaqstant, il-“kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji” huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.
33 Skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tiegħu, u l-premessi li jinsabu f’dan il-preambolu jikkostitwixxu elementi ta’ interpretazzjoni importanti ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, EU:C:2026:74, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst mid-Direttiva 93/13, l-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, E. Friz, C‑215/08, EU:C:2010:186, punt 32, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, First Bank, C‑593/22, EU:C:2023:555, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
35 F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq jaqgħux taħt l-esklużjoni msemmija fl-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, esposti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-istatuti ta’ FIZ huma kemm l-att kostituttiv tal-fond ta’ investiment kif ukoll ftehim ta’ parteċipazzjoni f’dan il-fond, konkluż bejn dan tal-aħħar u d-detenturi ta’ ishma tiegħu. Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq dik il-qorti, dawn l-istatuti jinkludu għalhekk mhux biss dispożizzjonijiet dwar in-natura u l-għan tal-fond, l-isem u s-sede tal-kumpannija ta’ ġestjoni tal-fond, il-modalitajiet ta’ rappreżentanza u l-prinċipji tal-politika ta’ investiment, iżda wkoll dispożizzjonijiet dwar b’mod partikolari l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tax-xiri lura taċ-ċertifikati ta’ investiment u dwar ir-regoli għall-kalkolu tal-likwidità.
36 Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji ma għandhomx jiġu konfużi ma’ kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-istatuti ta’ fond ta’ investiment jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni, in-natura u l-għan ta’ dan il-fond ma għandux l-effett li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 dawn l-istatuti fl-intier tagħhom kemm-il darba ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija statuti jkollhom, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, karatteristiċi analogi għal dawk ta’ klawżoli li jirregolaw il-kontenut ta’ relazzjoni kuntrattwali sinallagmatika (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Verein für Konsumenteninformation, C‑272/18, EU:C:2019:827, punt 37).
37 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa mid-Direttiva 93/13, l-eżistenza, fl-istatuti ta’ fond ta’ investiment, ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura kuntrattwali dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tax-xiri lura taċ-ċertifikati ta’ investiment, u li jikkaratterizzaw għalhekk relazzjoni kuntrattwali bejn dan il-fond u d-detenturi ta’ ishma tiegħu, timplika l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kuntratt li jirriżulta minn dan jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti.
38 Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew proposta bil-miktub ta’ akkwist ta’ ċertifikati ta’ investiment maħruġa mill-fond ikkonċernat, li huma aċċettaw billi mlew formoli standard li permezz tagħhom huma ddikjaraw li kienu ħadu konoxxenza tal-kundizzjonijiet tax-xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati, kif ukoll tal-istatuti ta’ dan il-fond, u li kienu qegħdin jaċċettawhom.
39 Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li kuntratt separat ta’ bejgħ ta’ ċertifikati ta’ investiment ġie konkluż bejn FIZ u dawn ir-rikorrenti. Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 sa 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-istatuti kontenzjużi dwar ix-xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati għandhom jitqiesu li jagħmlu parti integrali mill-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni tal-imsemmija ċertifikati li jirriżulta mill-iffirmar, mill-imsemmija rikorrenti, tal-formoli msemmija fil-punt preċedenti. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ġew inkorporati fir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-istess rikorrenti u FIZ.
40 Jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għas-sempliċi raġuni li formalment jagħmlu parti mill-istatuti ta’ fond ta’ investiment, il-kummerċjant ikkonċernat ikun jista’ jinkorpora f’dawn l-istatuti dispożizzjonijiet żvantaġġużi għall-konsumatur sabiex jeskludihom mill-istħarriġ tan-natura inġusta tagħhom, u b’hekk jikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.
41 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant f’dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Kuszycka, C‑767/24, EU:C:2025:962, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, klawżola għandha titqies li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali meta tkun tfasslet minn qabel u meta l-konsumatur, minħabba f’hekk, ma seta’ jkollu ebda influwenza fuq il-kontenut tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ adeżjoni.
43 Issa, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-istatuti dwar ix-xiri lura taċ-ċertifikati ta’ investiment kienu tfasslu qabel kwalunkwe kuntatt mas-sottoskritturi futuri u huma intiżi li jirregolaw b’mod uniformi pluralità mingħajr distinzjoni ta’ relazzjonijiet ma’ dawn is-sottoskritturi, u, min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex negozjabbli u huma imposti fuq l-imsemmija sottoskritturi bħala kundizzjoni ta’ aċċess għar-relazzjoni kuntrattwali.
44 Minn dan isegwi li l-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni taċ-ċertifikati ta’ investiment ma jistax jaqa’ taħt l-esklużjoni msemmija fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, u li d-dispożizzjoni ta’ xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati għandha titqies li hija klawżola ta’ kuntratt “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.
45 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni taċ-ċertifikati ta’ investiment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u FIZ aġixxewx, rispettivament, fil-kwalità ta’ “konsumatur” u ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva.
46 Fir-rigward tal-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jevalwa jekk ir-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata tagħmilx parti mill-qafas ta’ attivitajiet li ma jkunux marbuta mal-eżerċizzju ta’ professjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tas-servizzi offruti mill-kummerċjant ikkonċernat, jekk il-persuna fiżika aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew jekk aġixxietx għal finijiet li ma humiex marbuta ma’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe, C‑455/21, EU:C:2023:455, punti 48 u 50).
47 Il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ta’ natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha jew mill-informazzjoni li din il-persuna jkollha fil-prattika (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 24). Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, li teskludi minn dan il-kunċett persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ attività professjonali minħabba li tislet ċerti vantaġġi finanzjarji mill-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema kkonċernata twassal sabiex jiġi prekluż li tkun tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-persuni fiżiċi kollha li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront ta’ kummerċjant u li jagħmlu użu mhux professjonali mis-servizzi offruti minn dan tal-aħħar (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe, C‑455/21, EU:C:2023:455, punt 53).
48 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda, jirriżulta li K. Sz., H. Sz. u W. Sz. akkwistaw iċ-ċertifikati ta’ investiment għal finijiet li ma humiex marbuta mal-attività professjonali tagħhom. Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, huma għandhom għalhekk jitqiesu bħala “konsumaturi”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(b), mingħajr ma hija rilevanti f’dan ir-rigward in-natura kemm patrimonjali kif ukoll soċjali tad-drittijiet li huma jisiltu mill-investiment tagħhom f’FIZ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, E. Friz, C‑215/08, EU:C:2010:186, punti 28 sa 30).
49 Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, dan ikopri kull attività professjonali, “sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 2(ċ) jista’ japplika kemm għal organi li għandhom skop ta’ lukru kif ukoll għal dawk li ma għandhomx, mingħajr ma jkunu esklużi l-entitajiet li jaqdu missjoni ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 Il-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(ċ), huwa kunċett funzjonali li jimplika li jiġi evalwat jekk ir-relazzjoni kuntrattwali konkreta taqax fil-kuntest tal-attivitajiet li persuna twettaq f’kapaċità professjonali. Bħall-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, il-kunċett ta’ “kummerċjant” huwa ta’ natura oġġettiva u ma jiddependix minn dak li l-kummerċjant jiddeċiedi li jittratta bħala l-attività prinċipali tiegħu jew bħala dik sekondarja u anċillari tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punti 36 u 41).
51 F’dan il-każ, mill-punt 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta li FIZ jeżerċita attività ta’ investiment f’ismu stess, b’mod kontinwu u organizzat, filwaqt li huwa rrappreżentat fil-konfront ta’ terzi minn kumpannija ta’ investiment b’personalità ġuridika distinta, li ma hijiex marbuta mad-detenturi ta’ ishma permezz ta’ relazzjoni kuntrattwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, FIZ għandu jitqies bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13.
52 Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(b) u (ċ) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjonijiet tal-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq, li l-attività tiegħu tikkonsisti fl-investiment f’titoli trasferibbli jew fi strumenti tas-suq monetarju ta’ riżorsi finanzjarji miġbura permezz ta’ offerta ta’ akkwist ta’ ċertifikati ta’ investiment, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma ta’ dan il-fond ikun akkwista, għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ attività professjonali, ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn dan tal-aħħar, u f’sitwazzjoni fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-istatuti jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għax-xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati mill-imsemmi fond, u b’hekk jikkaratterizzaw relazzjoni kuntrattwali bejn dan tal-aħħar u dan id-detentur ta’ ishma. Dispożizzjoni tal-imsemmija statuti li tipprevedi tali kundizzjonijiet għax-xiri lura ta’ ċertifikati ta’ investiment għandha titqies li hija klawżola kuntrattwali “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2), f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma jkun ħa konoxxenza ta’ dawn l-istess statuti qabel ma aderixxa ma’ dan l-istess fond u jkun aċċetta l-kontenut tagħhom f’dikjarazzjoni bil-miktub waqt is-sottoskrizzjoni tal-imsemmija ċertifikati mingħajr ma jkun seta’ jinnegozja din il-klawżola.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(b) u (ċ) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
dispożizzjonijiet tal-istatuti ta’ fond ta’ investiment magħluq, li l-attività tiegħu tikkonsisti fl-investiment f’titoli trasferibbli jew fi strumenti tas-suq monetarju ta’ riżorsi finanzjarji miġbura permezz ta’ offerta ta’ akkwist ta’ ċertifikati ta’ investiment, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma ta’ dan il-fond ikun akkwista, għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ attività professjonali, ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn dan tal-aħħar, u f’sitwazzjoni fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-istatuti jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għax-xiri lura ta’ dawn iċ-ċertifikati mill-imsemmi fond, u b’hekk jikkaratterizzaw relazzjoni kuntrattwali bejn dan tal-aħħar u dan id-detentur ta’ ishma. Dispożizzjoni tal-imsemmija statuti li tipprevedi tali kundizzjonijiet għax-xiri lura ta’ ċertifikati ta’ investiment għandha titqies li hija klawżola kuntrattwali “li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2), f’sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ ishma jkun ħa konoxxenza ta’ dawn l-istess statuti qabel ma aderixxa ma’ dan l-istess fond u jkun aċċetta l-kontenut tagħhom f’dikjarazzjoni bil-miktub waqt is-sottoskrizzjoni tal-imsemmija ċertifikati mingħajr ma jkun seta’ jinnegozja din il-klawżola.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.