SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 2019/1111 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1)(b) u (2)(e) – Miżura marbuta mad-dispożizzjoni tal-proprjetajiet ta’ wild – Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Artikolu 10 – Għażla tal-forum – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2)(a) – Esklużjoni dwar l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi – Regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fi ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Federazzjoni Russa konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea – Differenza bejn dawn ir-regoli u dawk previsti mir-Regolament 2019/1111 – Artikolu 351 TFUE – Kunċett ta’ ‘inkompatibbiltà’”
Fil-Kawża C‑395/23 [Anikovi] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2023, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2023, u kkompletata b’digriet tas-6 ta’ Frar 2024, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura
E. A.,
E. A.,
M. I. A.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, C. Lycourgos, President tat-Tielet Awla, M. L. Arastey-Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal E. M. A., E. M. A. kif ukoll M. I. A., minn L. S. Tsoncheva, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde u P. Pérez Zapico, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë, W. Wils u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), kif ukoll tal-Artikolu 1(2) (e), u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, Vol. 178, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIb”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża mressqa f’isem żewġt ulied minuri, E.M.A u E.M.A, bl-għan li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qorti sabiex ibigħu, bil-kunsens ta’ ommhom M.I.A, l-ishma tagħhom fi tliet proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Bulgarija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
It-Trattat bejn l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u r-Repubblika Popolari tal-Bulgarija dwar l-assistenza ġudizzjarja f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, iffirmat f’Moska fid-19 ta’ Frar 1975 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1015, Nru 14855, p. 41, iktar ’il quddiem it-“Trattat Russu-Bulgaru”), ġie rratifikat fil-Bulgarija bid-Digriet Nru 784 tal-15 ta’ April 1975 (DV Nru 33/1975) u ppubblikat fl-10 ta’ Frar 1976 (DV Nru 12/1976, rettifika fid-DV Nru 17/2014). L-Artikolu 25 tiegħu jipprevedi: “1. Ir-relazzjonijiet legali bejn il-ġenituri u t-tfal huma suġġetti għad-dritt tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha għandhom id-domiċilju komuni tagħhom. [...] 6. L-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li l-minuri huwa ċittadin tagħha, jew li fit-territorju tagħha l-minuri għandu d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu, għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet legali msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3, 4 u 5.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 30(2) tat-Trattat Russu-Bulgaru jipprevedi li l-forma ta’ tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli hija ddeterminata mid-dritt tal-parti kontraenti li fit-territorju tagħha tkun tinsab il-proprjetà immobbli. |
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Ruma I
|
5 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu: “Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej: [...]
[...]” |
Ir-Regolament Brussell Ia
|
6 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia jipprevedi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. [...] 2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:
|
|
7 |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia: “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:
[...]” |
Ir-Regolament Brussell IIb
|
8 |
Il-premessi 10, 19, 20 u 91 tar-Regolament Brussell IIb huma fformulati kif ġej:
[...]
[...]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “1. Dan ir-Regolament japplika f’materji ċivili ta’:
2) Il-materji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu: [...]
[...]” |
|
10 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi: “1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fil-mument li l-qorti tiġi invokata. 2. Il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għall-Artikoli 8 sa 10a.” |
|
11 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIb, bit-titolu “Għażla tal-qorti”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi: “Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
|
12 |
Il-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, li jinkludi l-Artikoli 94 sa 99, jirregola r-relazzjonijiet tal-imsemmi regolament ma’ strumenti legali oħra, fosthom ċerti trattati bilaterali konklużi bejn Stati Membri u s-Santa Sede. |
Id-dritt Bulgaru
|
13 |
Skont l-Artikolu 18 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti), il-kuntratti ta’ trasferiment ta’ proprjetà jew li jistabbilixxu drittijiet in rem oħra li jikkonċernaw proprjetajiet immobbli għandhom jiġu konklużi permezz ta’ att notarili. |
|
14 |
Konformement mal-Artikolu 130(3) tas-Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja), l-atti ta’ trasferiment li għandhom b’mod partikolari bħala suġġett proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil wild jistgħu jitwettqu biss bl-awtorizzazzjoni tar-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) li fil-ġurisdizzjoni tagħha dan il-wild għandu l-indirizz attwali tiegħu, bil-kundizzjoni li l-att ta’ trasferiment ma jmurx kontra l-interessi tiegħu. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Fl‑2023, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’talba mressqa f’isem żewġ ulied minuri ta’ nazzjonalità Russa, li r-residenza abitwali tagħhom hija fil-Ġermanja sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni sabiex ibigħu l-ishma li huma għandhom fi tliet proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Bulgarija li huma wirtu wara l-mewt ta’ missierhom. |
|
16 |
Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja, il-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil wild għandu, fid-dawl tal-interessi tiegħu, jiġi awtorizzat mir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) territorjalment kompetenti, qabel ma jkun jista’ jiġi rreġistrat minn nutar skont l-Artikolu 18 tal-Liġi Bulgara dwar l-obbligi u l-kuntratti. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-qrati Bulgari għandhomx ġurisdizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tirrileva, minn naħa, li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) tibbaża l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari f’tali sitwazzjoni fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern kif ukoll fuq l-Artikolu 30(2) tat-Trattat Russu-Bulgaru, filwaqt li qorti nazzjonali oħra tinvoka wkoll l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Ruma I. Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex rilevanti, b’differenza mill-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. |
|
18 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ wkoll taqa’, sakemm ftehim internazzjonali bħat-Trattat Russu-Bulgaru ma jidderogax minnu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb. F’dan l-aħħar każ u konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu, f’dan il-każ il-qrati Ġermaniżi, li għandhom ġurisdizzjoni. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
20 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-tieni domanda ssemmi l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Ruma I, il-qorti tar-rinviju tispjega li hija ma għamlitx riferiment għal din id-dispożizzjoni għaliex qorti Bulgara bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuqha, iżda ma għandha ebda dubju dwar il-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni, li tirrigwarda effettivament il-liġi applikabbli u mhux il-ġurisdizzjoni, ma hijiex rilevanti sabiex tiġi riżolta t-tieni domanda, b’mod differenti mill-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell 1a. |
|
21 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta mill-avukat tal-omm u taż-żewġt ulied ikkonċernati, waħda minn dawn l-ulied saret maġġorenni matul il-proċedura. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, mitluba f’isem wild minuri residenti abitwalment fi Stat Membru, għall-bejgħ tal-ishma li dan il-wild għandu fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb jew ta’ dak tar-Regolament Brussell Ia. |
|
23 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Brussell IIb, dan tal-aħħar japplika għall-materji ċivili relatati, b’mod partikolari, mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Skont l-Artikolu 1(2)(e) ta’ dan ir-regolament, dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw b’mod partikolari l-“miżuri għall-protezzjoni tal-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien tal-proprjetà ta’ minuri.” |
|
24 |
Ir-Regolament Brussell Ia jirregola, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, il-materji ċivili u kummerċjali tkun xi tkun in-natura tal-qorti adita, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 1 tal-Artikolu 24 tiegħu, li l-materji ċivili u kummerċjali jinkludu d-“drittijiet in rem fi proprjetà immobbli”. L-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Brussell Ia jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi”. |
|
25 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, awtorizzazzjoni ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija miżura meħuda fid-dawl tal-istatus u tal-kapaċità tal-wild minuri, li hija intiża li tipproteġi l-aħjar interessi tiegħu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li n-neċessità li tinkiseb din l-awtorizzazzjoni hija b’hekk konsegwenza diretta ta’ dan l-istatus u ta’ din il-kapaċità, l-imsemmija awtorizzazzjoni tikkostitwixxi, indipendentement mill-qasam tal-att ġuridiku kkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, miżura ta’ protezzjoni tal-minuri marbuta mal-amministrazzjoni, mal-konservazzjoni jew mat-trasferiment tal-proprjetà tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Brussell IIb, u li tirrigwarda direttament il-kapaċità tal-persuna fiżika kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 1(2) (a) tar-Regolament Brussell Ia (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Schneider,C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 26, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková,C‑404/14, EU:C:2015:653, punti 28 sa 31). |
|
26 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espressa fil-premessa 10 tar-Regolament Brussell IIb, awtorizzazzjoni ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, bl-esklużjoni tar-Regolament Brussell Ia. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell IIb, huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild jirrisjedi abitwalment fil-mument li fih il-qorti hija adita li għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex joħorġu tali awtorizzazzjoni. |
|
28 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Brussell IIb għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, mitluba f’isem wild minuri residenti abitwalment fi Stat Membru, għall-bejgħ tal-ishma li dan il-wild għandu fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor taqa’ taħt il-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, sa fejn din tikkonċerna l-miżuri ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafu 2(e) ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li, skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild jirrisjedi abitwalment fil-mument li fih il-qorti hija adita li, bħala prinċipju, għandhom ġurisdizzjoni sabiex joħorġu tali awtorizzazzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
|
29 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni jistax jidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIb minkejja li ma huwiex imsemmi fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
30 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda sa fejn din tal-aħħar ma hijiex marbuta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u sa fejn il-qorti tar-rinviju ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta bejn it-Trattat Russu-Bulgaru u kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju),C‑564/19, EU:C:2021:949, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, li hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jistipula l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company,C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan il-każ, kif indika essenzjalment il-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix espressament, fit-tielet domanda preliminari tagħha, id-dispożizzjoni tat-Trattat Russu-Bulgaru li tista’ tkun f’kunflitt mar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell IIb, li din hija l-unika regola invokata minn din il-qorti fil-każ li dan ir-regolament ikollu japplika. |
|
34 |
Madankollu, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju ddedikati għall-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku tal-kawża inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-Artikoli 25 u 30 ta’ dan it-trattat. Minn naħa, hija tesponi li mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern kif ukoll tal-Artikolu 30(2) tal-imsemmi trattat, il-qrati Bulgari jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni, bħala l-qorti tal-Istat li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-proprjetà immobbli, sabiex jagħtu l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja. |
|
35 |
Mill-banda l-oħra, mill-Artikolu 25(6) tat-Trattat Russu-Bulgaru jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-wild minuri għandha r-residenza abitwali tagħha fi Stat li ma huwiex parti kontraenti fit-Trattat Russu-Bulgaru, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-organi ġudizzjarji tal-parti kontraenti li tagħha din il-wild hija ċittadina, f’dan il-każ l-organi ġudizzjarji Russi, jistgħu wkoll, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ikollhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni tat-Trattat sabiex jagħtu l-awtorizzazzjoni mitluba. |
|
36 |
Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell IIb tipprevedi, kif ġie indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-wild jirrisjedi abitwalment, f’dan il-każ, il-qrati Ġermaniżi. |
|
37 |
Peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi ġurisdizzjoni differenti minn dik li tista’ tirriżulta mill-Artikolu 25(6) tat-Trattat Russu-Bulgaru kif ukoll minn dik li tirriżulta, skont il-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-Artikolu 30(2) ta’ dan it-trattat, mit-tielet domanda, mill-motivazzjoni tagħha u mill-kuntest ġuridiku espost mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’ċarezza suffiċjenti li din id-domanda hija marbuta mas-suġġett tal-kawża prinċipali minħabba l-eżistenza ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti bejn id-dritt tal-Unjoni u l-imsemmi trattat u li l-problema mqajma hemmhekk ma hijiex purament ipotetika. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-raba’ domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
39 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31). |
|
40 |
Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju essenzjalment immotivat it-tielet domanda tagħha billi rrilevat li, għalkemm il-Kapitolu VIII tar-Regolament Brussell IIb jirregola, konformement mat-titolu tiegħu, ir-relazzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma’ “strumenti oħra”, dawk imsemmija f’dan il-kapitolu ma jikkonċernaw ebda trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, bħat-Trattat Russu-Bulgaru, bl-eċċezzjoni tat-trattati bilaterali konklużi minn ċerti Stati Membri mas-Santa Sede, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ. |
|
42 |
Madankollu, mill-premessa 91 tar-Regolament Brussell IIb jirriżulta li, għall-ftehimiet ma’ Stat terz wieħed jew iktar konklużi minn Stat Membru qabel id-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, japplika l-Artikolu 351 TFUE. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 351 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jirregola r-relazzjonijiet ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni mar-Regolament Brussell IIb meta tali trattat ma jkunx imsemmi fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament u, fl-affermattiv, f’liema ċirkustanzi dan it-trattat jista’ jidderoga mill-imsemmi regolament. |
|
44 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jistipula, li d-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, bejn Stat Membru wieħed jew iktar, minn naħa, u Stat mhux membru wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra, ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jispeċifika li, sa fejn dawn il-ftehimiet ma’ jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri inkwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni. |
|
45 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 351 TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet li l-Istati terzi jisiltu, konformement mad-dritt internazzjonali, mill-konvenzjonijiet preċedenti għall-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri mal-Unjoni u josservaw l-obbligi korrispondenti tagħhom (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan,C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 61, tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 55, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (sentenza tal-Qorti Suprema), C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 60). |
|
46 |
Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE huwa regola li tista’, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti, tippermetti derogi mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm fir-rigward tad-dritt primarju kif ukoll fir-rigward tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punti 119 u 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li, għalkemm regola tad-dritt tal-Unjoni tista’, għaldaqstant, tiġi nnewtralizzata minn konvenzjoni internazzjonali, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, dan huwa biss bil-kundizzjoni doppja li din tkun konvenzjoni konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattati tal-Unjoni fl-Istat Membru kkonċernat u li l-Istat terz ikkonċernat jislet, minn din il-konvenzjoni, drittijiet li huwa jista’ jeżiġi l-osservanza tagħhom minn dan l-Istat Membru (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (sentenza tal-Qorti Suprema), C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jivverifikaw jekk eventwali inkompatibbiltà bejn id-dritt tal-Unjoni u konvenzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 351 TFUE tistax tiġi evitata billi din tingħata, sa fejn ikun possibbli u fl-osservanza tad-dritt internazzjonali, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk ma jkunux jistgħu jagħtu interpretazzjoni konformi tal-Konvenzjoni, l-Istati Membri huma, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, obbligati jieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-inkompatibbiltà ta’ din il-konvenzjoni u d-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi jiddenunzjawha. Madankollu, fl-istennija ta’ tali eliminazzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jawtorizzaha tkompli tapplika din il-konvenzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari,C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punti 68 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Mill-punti 44 sa 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta trattat konkluż bejn Stat Membru u Stat terz wieħed jew iktar qabel id-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni ma jkunx imsemmi f’att tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 351 TFUE huwa, bħala dispożizzjoni ġenerali tad-dritt primarju, intiż li jirregola, kif tfakkar, fir-rigward tar-Regolament Brussell IIb, il-premessa 91 ta’ dan ir-regolament, ir-relazzjonijiet bejn dan l-att u dan it-trattat. Bla ħsara għall-fatt li Stat terz li huwa parti f’tali trattat jislet minnu drittijiet li huwa jista’ jeżiġi l-osservanza tagħhom mill-Istat Membru inkwistjoni, l-Artikolu 351 TFUE jippermetti lil dan l-Istat Membru japplika r-regoli ta’ dan it-trattat anki jekk dawn ikunu, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkompatibbli ma’ dan tal-aħħar. F’każ ta’ inkompatibbiltà, l-imsemmi Stat Membru jista’ jkompli japplika r-regoli tal-imsemmi trattat sakemm jidħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji sabiex tiġi eliminata din l-inkompatibbiltà. |
|
50 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-Trattat Russu-Bulgaru konkluż mir-Repubblika tal-Bulgarija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni jinkludix regoli li l-Federazzjoni Russa tista’ teżiġi l-osservanza tagħhom minn dan l-Istat Membru. |
|
51 |
Jekk dan kellu jkun il-każ, tkun, fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-Trattat Russu-Bulgaru huwiex inkompatibbli mar-Regolament Brussell IIb sa fejn dawn iż-żewġ strumenti legali ma jipprevedux l-istess qorti li għandu ġurisdizzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
|
52 |
Fil-kuntest ta’ din il-verifika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell IIb, iżda wkoll l-Artikolu 7(2) tiegħu, li jipprevedi li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “għandu jkun soġġett għall-Artikoli 8 sa 10a” ta’ dan ir-regolament, formulazzjoni li tirrifletti, kif jirriżulta mill-premessa 20 tal-imsemmi regolament, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-ġurisdizzjoni ta’ qrati differenti minn dawk tal-post ta’ residenza abitw10ali tal-wild, peress li dawn tal-aħħar huma indikati skont il-kriterju tal-qrubija. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Brussell IIb jipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. |
|
54 |
Skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, il-wild ikkonċernat għandu jkollu konnessjoni sostanzjali ma’ dan l-Istat Membru, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, minħabba l-espressjoni “partikolarment”, il-lista tat-tliet każijiet f’dan il-punt (a) ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, u l-eżistenza ta’ konnessjoni sostanzjali tista’ għalhekk tiġi kkonstatata wkoll abbażi ta’ element ieħor li huwa rilevanti fil-kuntest tal-proċedura li għaliha l-għażla tal-qorti prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIb hija mfittxija u li tiġġenera rabta konkreta u importanti bejn l-imsemmi Stat Membru u l-interessi personali ta’ dan il-wild. |
|
55 |
L-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li l-partijiet jew kwalunkwe detentur ieħor tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom, skont il-punt (b)(i) tagħha jew ikunu qablu liberament dwar il-ġurisdizzjoni, mhux iktar tard mill-mument meta l-qorti tkun ġiet adita skont il-punt (b)((i) tagħha, jew ikunu aċċettaw espressament il-ġurisdizzjoni matul il-proċedura, f’liema każ il-qorti għandha tiżgura f’dan l-aħħar każ li l-partijiet kollha jkunu ġew informati bid-dritt tagħhom li ma jaċċettawx il-ġurisdizzjoni tagħha (ii). |
|
56 |
Fir-rigward tal-punt (c) tal-istess dispożizzjoni, dan jipprevedi li l-ġurisdizzjoni tal-qorti kkonċernata għandha tiġi eżerċitata fl-aħjar interessi tal-wild. Dan il-punt jirrifletti l-premessa 19 tar-Regolament Brussell IIb, li tistabbilixxi b’mod partikolari li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma fformati skont l-aqwa interessi tal-minuri. Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, skont dan l-aħjar interessi. Dan jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ eżami, f’kull każ partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk l-għażla tal-qorti mfittxija abbażi tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament hijiex konformi mal-imsemmi interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, E.,C‑436/13, EU:C:2014:2246, punti 45 u 47). |
|
57 |
Il-qorti tar-rinviju tista’, għalhekk, tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Brussell IIb sakemm hija tiżgura ruħha, l-ewwel, li teżisti, fil-kuntest tal-proċedura mressqa quddiemha, rabta konkreta u sinjifikattiva bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-interessi personali tal-wild ikkonċernat, kif jista’ jkun il-każ minħabba l-fatt li dan il-wild għandu ishma fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, it-tieni, li, fid-dawl tal-assenza ta’ konvenut fi proċedura mhux kontenzjuża bħal dik fil-kawża prinċipali, omm il-wild minuri, bħala l-uniku detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, taċċetta espressament, matul il-proċedura, il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti wara li tkun ġiet infurmata bid-dritt tagħha li ma taċċettahiex u, it-tielet, li din il-ġurisdizzjoni tiġi eżerċitata fl-aħjar interessi tal-wild. |
|
58 |
Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li, fil-kawża prinċipali, it-Trattat Russu-Bulgaru huwa inkompatibbli mar-Regolament Brussell IIb sa fejn jagħti l-ġurisdizzjoni lil qrati differenti minn dawk indikati mill-Artikoli 7 sa 10 ta’ dan ir-regolament, hija jkollha teżamina, fit-tielet lok, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, jekk din l-inkompatibbiltà tistax tiġi evitata permezz ta’ interpretazzjoni konformi ta’ dan it-trattat mal-imsemmi regolament. Fin-negattiv u jekk ma għandhiex is-setgħa li telimina hija stess din l-inkompatibbiltà, il-qorti tar-rinviju tkun tista’, fir-raba’ lok, tapplika r-regoli tal-imsemmi trattat u tinjora dawk tar-Regolament Brussell IIb. |
|
59 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-qrati tal-Istati Membri huma ċertament obbligati jivverifikaw jekk eventwali inkompatibbiltà bejn id-dritt tal-Unjoni u konvenzjoni bilaterali preċedenti, bħat-Trattat Russu-Bulgaru, tistax tiġi evitata billi din il-konvenzjoni tingħata, sa fejn ikun possibbli u b’osservanza tad-dritt internazzjonali, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, huma ma humiex obbligati jivverifikaw jekk eventwali inkompatibbiltà bejn id-dritt tal-Unjoni u tali konvenzjoni tistax tiġi evitata billi d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat jew applikat b’mod li jkun konformi mal-imsemmija konvenzjoni. |
|
60 |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tirrikorri għall-possibbiltà, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10(1)(a), (b)(ii) u (c) tar-Regolament Brussell IIb, minflok ma tapplika r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, bl-għan li tirrikonċilja d-dritt tal-Unjoni mat-Trattat Russu-Bulgaru u li tikkonstata, b’dan il-mod, li, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-imsemmi trattat huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn kemm wieħed u l-ieħor jipprevedu l-istess qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima. |
|
61 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 351 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola r-relazzjonijiet ta’ trattat konkluż bejn Stat Membru u Stat terz wieħed jew iktar qabel id-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni mar-Regolament Brussell IIb peress li dan it-trattat, għalkemm ma huwiex imsemmi fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, jagħti drittijiet li Stat terz parti għall-imsemmi trattat jista’ jeżiġi l-osservanza tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ inkompatibbiltà bejn tali trattat u r-Regolament Brussell IIb, li ma jistax jiġi evitat minn qorti ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiemha li taqa’ taħt qasam irregolat kemm minn dan it-trattat kif ukoll minn dan ir-regolament, din il-qorti tista’ tapplika r-regoli tal-imsemmi trattat għad-detriment ta’ dawk stabbiliti mill-imsemmi regolament, sakemm il-miżuri neċessarji sabiex tiġi eliminata din l-inkompatibbiltà ma jkunux daħlu fis-seħħ, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-imsemmi Stat Membru għandu jirrikorri għall-mezzi kollha xierqa għall-finijiet tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni ta’ tali miżuri. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) . L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.