12004V219

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU III - POLITIKA F'OQSMA OĦRA - Sezzjoni 2 - Politika soċjali - Artikolu III-219

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0097 - 0098


Artikolu III-219

1. Sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u sabiex b'hekk ikun hemm kontribut biex jogħla l-livell ta' l-għixien, qiegħed għalhekk jiġi hawn stabbilit Fond Soċjali Ewropew; huwa għandu l-għan li jħaffef l-impjieg tal-ħaddiema u li jżid il-mobbiltà ġeografika u professjonali tagħhom fi ħdan il-Komunità, u li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid.

2. Il-Kummissjoni għandha tamministra l-Fond. Għandha tkun mgħejjuna f'dan il-kompitu minn Kumitat presedut minn Membru tal-Kummissjoni u kompost minn rappreżentanti ta' Stati Membri, ta' organizzazzjonijiet sindakali u ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem.

3. Il-liġi Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri ta' implimentazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-Fond. Din għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

--------------------------------------------------