IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.7.2020
COM(2020) 278 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
fir-rigward ta’ “Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” mill-Istati Membri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009
1.Introduzzjoni
1.1.Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea
Dan huwa t-tieni rapport imfassal f’konformità mar-Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) li jistabbilixxi li:
“L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b’mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta’ rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.
…
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta’ progress, sad-9 ta’ Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.”
L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2018.
1.1.Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika
Il-kunċett ta’ Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika (“Impenn”) beda bl-għan li jtejjeb il-qafas ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-istatistika. Huwa ġie deskritt għall-ewwel darba f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2011. L-idea kienet li l-gvernijiet nazzjonali jiġu involuti biex jassumu r-responsabbiltà għall-konformità ta’ pajjiż mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea jistabbilixxi l-istandard għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Huwa bbażat fuq 16-il prinċipju li jiggwidaw l-ambjent istituzzjonali, il-proċessi statistiċi u r-riżultati. Huwa għandu l-għan li jiżgura li l-istatistika prodotta fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika ma tkunx biss rilevanti, f’waqtha u preċiża, iżda wkoll konformi mal-prinċipji tal-indipendenza professjonali, l-imparzjalità u l-oġġettività. L-Impenji jistabbilixxu rabta bejn il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea u gvern ta’ Stat Membru, li qabel kienet nieqsa.
Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Impenji huma strumenti li “għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prattika”, li jeħtieġ li jiġi stabbilit mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
Il-Premessa 17 tar-Regolament emendatorju (UE) Nru 2015/759 tiddikjara wkoll li l-Impenji “għandhom jinkludu impenji speċifiċi mill-gvern ta’ dak l-Istat Membru biex itejjeb jew iżomm il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika”.
2.Ħarsa ġenerali lejn l-Impenji dwar il-Fiduċja u Rapporti mill-Istati Membri
2.1.Dispożizzjonijiet ġenerali
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE)Nru 223/2009, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu u jippubblikaw Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika, jew għall-inqas jibagħtu lill-Kummissjoni u jippubblikaw rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u l-isforzi li saru biex jiġi stabbilit Impenn. Il-Kummissjoni timmonitorja regolarment l-Impenji, abbażi tar-rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri.
Skont l-istess Artikolu, qabel jiġi stabbilit Impenn, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni u jippubblikaw rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika jew, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit Impenn. Ir-rapporti ta’ progress iridu jiġu aġġornati kull sentejn.
Kif kien il-każ għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2018 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-maġġoranza tal-Istati Membri rrapportaw, b’mod parallel mar-rapporti tagħhom, dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ titjib li ħarġu mit-tieni sessjoni ta’ rieżamijiet bejn il-pari, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat) f’Jannar ta’ kull sena dwar kwalunkwe azzjoni li jkunu ħadu biex isegwu l-proċess rispettiv ta’ rieżami bejn il-pari.
Sabiex iservi bħala r-rapport ta’ progress dwar l-Impenn, l-Istat Membru jrid jippubblika l-parti tar-rapport tar-rieżami bejn il-pari li sservi bħala rapport dwar l-Impenn.
2.2.Għamla tal-Impenn
Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 ma fih l-ebda regola dwar l-għamla tal-Impenn, iżda l-għan li tinkiseb il-fiduċja pubblika permezz ta’ impenn governattiv biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet għal statistika ta’ kwalità għolja jrid jintlaħaq.
Kif diġà ġie stabbilit fir-rapport tal-2018 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisu li ċerti partijiet tal- leġiżlazzjonirispettiva tagħhom jikkostitwixxu l-Impenn. Din is-sitwazzjoni ġiet ikkonfermata.
Il-grupp ta’ Stati Membri li stabbilixxew Impenji “awtonomi” kiber xi ftit iżda xorta għadu żgħir. Dan li ġej jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi sinifikanti li ġew irrapportati dan l-aħħar fir-rigward taż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri:
2.2.1.Liġijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-Impenn
Dawk l-Istati Membri li jqisu l-Impenn bħala kostitwit mil-liġi nazzjonali rreferew għad-dispożizzjonijiet legali li huma rilevanti għat-titjib jew għaż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u rrapportaw dwar l-iżviluppi rilevanti. Għall-perjodu ta’ osservazzjoni mill-2018 sal-2019, l-aktar żviluppi sinifikanti jew tipiċi rrapportati minn dan il-grupp ta’ Stati Membri kienu dawn li ġejjin:
Il-Bulgarija: L-istitut tal-istatistika Bulgaru kien kapaċi jtejjeb b’mod ġenerali s-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità, kemm internament kif ukoll fis-sistema nazzjonali kollha kemm hi fir-rigward tal-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn (‘other national authorities’ - ONAs) li jipproduċu statistika uffiċjali. Pereżempju, huwa stabbilixxa linji gwida komuni dwar it-tixrid. Fir-rigward tar-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu, l-istitut nazzjonali tal-istatistika ngħata setgħat ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħithom fis-sistema nazzjonali tal-istatistika kollha.
Fir-rigward tal-Impenn “awtonomu” ppjanat dwar il-Fiduċja fl-Istatistika, l-istitut nazzjonali tal-istatistika lesta l-abbozz u bagħtu lill-gvern. Il-gvern wasal biex jibda diskussjoni dwar l-adozzjoni tiegħu.
Il-Kroazja: Il-proċedura tal-adozzjoni għall-att il-ġdid dwar l-istatistika uffiċjali mill-gvern u l-parlament Kroat tinsab fl-istadju finali tagħha.
L-att il-ġdid jirrikonoxxi b’mod ċar li l-istatistika uffiċjali tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda f’konformità mal-prinċipji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 223/2009, biex b’hekk jiġi żgurat l-istabbiliment sħiħ tal-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika billi l-istitut nazzjonali tal-istatistika, l-Uffiċċju Kroat tal-Istatistika, jingħata l-indipendenza professjonali u l-appoġġ li jeħtieġ biex iżomm u jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
Id-Danimarka: Att rivedut dwar l-istatistika uffiċjali u l-istitut nazzjonali tal-istatistika, Statistics Denmark, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2018. Huwa jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istatus tal-istatistiku nazzjonali, l-indipendenza tal-istatistika u r-rwol ta’ koordinazzjoni ta’ Statistics Denmark għall-istatistika uffiċjali.
Id-dispożizzjonijiet jinkludu proċedura ċara għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea fis-sistema għall-istatistika uffiċjali. L-istatistiku nazzjonali ħejja sett ta’ linji gwida ta’ kwalità bbażati fuq il-Kodiċi ta’ Prattika li l-istatistika uffiċjali kollha trid tikkonforma magħhom.
Il-konformità ma’ dawn il-linji gwida tiġi ssorveljata minn Statistics Denmark permezz ta’ awtovalutazzjonijiet annwali mill-ONAs u żjarat regolari ta’ rieżami bejn il-pari minn Statistics Denmark. Abbażi ta’ dan il-monitoraġġ, kull sena, l-istatistiku nazzjonali jipproduċi rapport dwar il-konformità mal-linji gwida, li mbagħad jiġi ppreżentat lill-gvern.
Franza: Is-setgħat tal-“Awtorità tal-Istatistika Uffiċjali” (ASP), korp superviżorju maħluq fl-2009 biex jiggarantixxi l-konformità mal-prinċipju tal-indipendenza professjonali fid-disinn, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika uffiċjali, ġew iċċarati aktar:
Ir-rwol tal-ASP fil-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea issa huwa ddikjarat b’mod aktar ċar u qed tiġi stabbilita diviżjoni impermeabbli biex tissepara t-tixrid tal-istatistika minn kwalunkwe komunikazzjoni ministerjali. Barra minn hekk, l-ASP issa toħroġ opinjoni dwar il-kompetenza professjonali tagħhom fil-qasam tal-istatistika lill-kumitat tas-smigħ meta jinħatru l-aktar maniġers anzjani tas-servizz statistiku ta’ Franza. Dan isaħħaħ il-mandat tal-ASP biex tiżgura l-konformità mal-prinċipju tal-indipendenza professjonali fis-servizz statistiku uffiċjali Franċiż kollu.
L-Italja: Reċentement, l-enfasi kienet fuq miżuri li jtejbu l-konformità mal-prinċipju tal-kwalità. L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, Istat, ilu mill-2018 iwettaq programm dwar il-valutazzjoni tal-kwalità billi jagħmel verifiki fuq l-ONAs biex jivvaluta l-proċessi statistiċi tagħhom. Barra minn hekk, programm ta’ taħriġ qed itejjeb il-ħiliet tal-ġestjoni tal-kwalità tal-ONAs.
Fl-2019, ġiet organizzata konvenzjoni korporattiva mal-impjegati kollha tal-Istat fil-livelli kollha mill-maniġment superjuri sal-livell tal-persunal sabiex jiġu kondiviżi l-istruttura organizzattiva, l-istrateġiji, l-isfidi u l-opportunitajiet ġodda fir-rigward tal-impenn fuq il-kwalità.
L-isforzi biex jiġi stabbilit Impenn “awtonomu” dwar il-Fiduċja qed ikomplu. Ser jerġa’ jitressaq Impenn speċifiku għall-inklużjoni fil-programm nazzjonali tal-istatistika ta’ tliet snin li jmiss għall-perjodu 2020-2022, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill tal-Ministri fuq proposta mill-President tal-Kunsill u ppromulgat b’digriet tal-President tar-Repubblika.
Il-Polonja: Il-liġi tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-istatistika pubblika ġiet iddikjarata uffiċjalment bħala l-Impenn Pollakk dwar il-Fiduċja fl-Istatistika. Il-liġi hija l-aktar att Pollakk importanti li jirregola l-funzjonament tal-istatistika uffiċjali b’mod komprensiv; il-liġi tiggarantixxi li dawk li jiġbru l-istatistika jkollhom indipendenza sħiħa minn influwenzi politiċi, biex b’hekk tiġi żgurata l-kwalità għolja tad-data statistika prodotta.
Il-liġi fiha obbligu għall-amministrazzjoni pubblika Pollakka li taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li għalihom tirreferi direttament. B’hekk, hija maħsuba biex twassal għall-fiduċja pubblika fl-istatistika elaborata fil-pajjiż, inkluża l-istatistika għall-ħtiġijiet Ewropej.
Barra minn hekk, il-liġi fiha obbligu dirett li l-istatistika uffiċjali Pollakka tiġi prodotta f’konformità mar-regoli tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, biex b’hekk jiġi garantit l-ogħla livell ta’ kwalità tad-data.
Spanja: Mill-2016, l-Impenn dwar il-Fiduċja ġie inkluż f’artikolu speċifiku ta’ kull programm annwali taħt il-pjan nazzjonali tal-istatistika għall-perjodu 2017-2020. Barra minn hekk, fl-2018, ġiet stabbilita taqsima speċifika biex tindirizza dan is-suġġett fuq is-sit web tal-istitut nazzjonali tal-istatistika. Din it-taqsima tinkludi sommarju għaċ-ċittadini tal-Impenn, b’links għall-programmi annwali kollha.
Pajjiżi oħrajn iqisu li l-Impenn huwa kostitwit mil-liġi nazzjonali iżda dawn mhumiex imsemmija fil-lista ta’ hawn fuq minħabba żviluppi inqas sinifikanti fl-aħħar sentejn. Dawn il-pajjiżi huma: Il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Finlandja u r-Renju Unit.
2.2.2.Impenji “awtonomi” dwar il-Fiduċja
L-Impenji “awtonomi” stabbiliti jieħdu għamliet differenti, b’kull wieħed minnhom jirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema nazzjonali tal-istatistika kkonċernata.
L-ewwel rapport dwar l-Impenji mill-2018 ippreżenta (f’ordni kronoloġika) l-Impenji “awtonomi” tal-Istati Membri li ġejjin:
Il-Greċja: L-Impenn Grieg dwar il-Fiduċja fl-Istatistika ġie ffirmat fid-29 ta’ Frar 2012 mill-Prim Ministru Grieg u mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-tassazzjoni u l-unjoni doganali, l-awditjar u l-ġlieda kontra l-frodi.
L-Iżvezja: L-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika ġie ppreżentat fl-abbozz ta’ liġi tal-baġit tal-Gvern Żvediż għall-2017. Sussegwentement, dan ġie ppubblikat ukoll fuq is-sit web tal-istitut tal-istatistika Żvediż.
Is-Slovenja: Il-Gvern tas-Slovenja adotta l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika fil-5 ta’ Jannar 2017. Sussegwentement, dan ġie ppubblikat, flimkien mas-sommarju korrispondenti taċ-ċittadini, fuq is-sit web tal-istitut tal-istatistika Sloven.
L-Irlanda: L-Impenn Irlandiż dwar il-Fiduċja fl-Istatistika ġie adottat mill-Gvern tal-Irlanda fit-30 ta’ Mejju 2017 u sussegwentement ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-istitut tal-istatistika Irlandiż.
Il-Belġju: Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-Impenn Belġjan dwar il-Fiduċja ġie approvat mill-Kumitat ta’ Konsultazzjoni, fejn huma rrappreżentati l-gvern federali u l-gvernijiet tar-reġjuni u tal-komunitajiet, u sussegwentement ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-istitut tal-istatistika federali Belġjan u tal-awtoritajiet tal-istatistika reġjonali.
Ir-Rumanija: L-Impenn Rumen dwar il-Fiduċja ġie adottat mill-gvern Rumen fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2017.
Malta: Għall-gvern Malti, il-Prim Ministru ffirma l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika fis-17 ta’ Mejju 2018.
Minn dak iż-żmien ’l hawn ġew stabbiliti l-Impenji “awtonomi” ġodda li ġejjin:
Iċ-Ċekja: L-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika fir-Repubblika Ċeka ġie ppubblikat fit-28 ta’ Frar 2018 fuq is-sit web tal-awtorità nazzjonali tal-istatistika.
Dan jirrifletti d-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u jiddikjara li dawn diġà huma ssodisfati mil-leġiżlazzjoni valida li tiddefinixxi l-attivitajiet tas-servizz tal-istatistika Ċek, l-ewwel nett l-Att Nru 89/1995 dwar is-servizz tal-istatistika tal-Istat, iżda wkoll atti oħrajn bħall-Kostituzzjoni jew ir-regoli ta’ proċedura tal-gvern. Din is-sistema ta’ regolamenti tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-prinċipji kollha tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea dwar l-ambjent istituzzjonali.
Ċipru: L-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri fis-16 ta’ Ottubru 2018. Barra minn hekk, il-Kunsill awtorizza lill-Ministru tal-Finanzi biex jagħti struzzjonijiet lid-direttur tas-servizz tal-istatistika biex jipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-Impenn.
L-Iżlanda, li tipparteċipa fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika fil-kapaċità tagħha bħala pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), stabbilixxiet ukoll Impenn “awtonomu”: Iddaħħal test rigward l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika fid-dokumenti tal-pjan tal-baġit għall-perjodu 2020-2024 u dan ġie approvat mill-Parlament tal-pajjiż. Huwa jafferma mill-ġdid li l-kredibbiltà tal-istatistika pubblika hija wieħed mill-prerekwiżiti għall-fiduċja fl-istatistika ekonomika u soċjali użati għat-tfassil tal-politika u għall-valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet tal-gvern b’mod newtrali. It-test jiddikjara wkoll li sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika uffiċjali, huwa imperattiv li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea. Barra minn hekk, huwa ċar li l-awtorità nazzjonali tal-istatistika, Statistics Iceland, hija żgurata l-indipendenza professjonali u l-ambjent tax-xogħol meħtieġa biex tinforza dawk ir-regoli meta timplimenta proġetti ġodda, tiġbor data u tipproċessa u xxerred l-istatistika.
Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi wkoll li għalkemm huma barra mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika, tliet pajjiżi tal-Balkani tal-Punent adottaw ukoll formalment Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika: L-Albanija fl-10 ta’ Novembru 2017, il-Montenegro fit-22 ta’ Frar 2018 u l-Maċedonja ta' Fuq fis-17 ta’ Ottubru 2018.
3.Konklużjoni
Għall-maġġoranza tal-Istati Membri, l-Impenn huwa inerenti fil-leġiżlazzjoni statistika tagħhom. Mir-rapporti tagħhom jidher li l-obbligu li jiġi stabbilit Impenn qed iwassal għal titjib kostanti fil-leġiżlazzjoni statistika rilevanti, bl-għan li jiġu implimentati aħjar il-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
Għal dan il-grupp ta’ Stati Membri, impenn tal-gvern rigward il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, li huwa meħtieġ biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-istatistika uffiċjali, qed jiġi rrispettat billi l-gvernijiet qed jiġu involuti fil-ħolqien tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, dan l-aspett huwa preżenti fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar dirett lill-gvern dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jiggarantixxu l-konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
Fost il-pajjiżi li stabbilixxew Impenji “awtonomi” jew li jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan, id-differenzi fil-forom magħżula jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema nazzjonali tal-istatistika, kif ukoll tas-sistema legali. Billi l-istabbiliment tal-Impenn jiddependi minn deċiżjoni politika, huwa proċess twil biex jiġi ffinalizzat. Il-pajjiżi li għadhom qed jaħdmu fuq l-Impenji “awtonomi” tagħhom qed jagħmlu progress. Sadanittant, huma komplew itejbu wkoll l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.
B’mod ġenerali, jista’ jiġi osservat li l-gvernijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika madwar l-Unjoni Ewropea kollha qed isiru dejjem aktar konxji tal-importanza li tiġi żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fl-istatistika Ewropea permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-prinċipji fil-Kodiċi ta’ Prattika. Barra minn hekk, jidher li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika qegħdin jitjiebu gradwalment u b’mod sostenibbli.