European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1538

28.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1538

tal-25 ta’ Lulju 2025

li jissoġġetta għar-reġistrazzjoni l-importazzjonijiet ta’ tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku, tat-tip li jintuża fuq karozzi bil-mutur, karozzi tal-linja jew trakkijiet b’indiċi tal-kapaċità għat-tagħbija li ma jaqbiżx il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku, tat-tip li jintuża fuq karozzi bil-mutur, karozzi tal-linja jew trakkijiet b’indiċi tal-kapaċità għat-tagħbija li ma jaqbiżx il-121 (“tajers tal-karozzi tal-passiġġieri u tat-trakkijiet ħfief”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

Dan il-bidu segwa lment li tressaq fis-7 ta’ April 2025 minn Coalition Against Unfair Tyre Imports f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ tajers tal-karozzi tal-passiġġieri u tat-trakkijiet ħfief.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku, tat-tip li jintuża: fuq karozzi bil-mutur (inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq) u fuq karozzi tal-linja jew trakkijiet b’indiċi tal-kapaċità għat-tagħbija li ma jaqbiżx il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 4011 10 11 u 4011 20 10 .

2.   REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(5)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissoġġetta l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Jekk ikunu dovuti dazji retroattivi, il-kundizzjonijiet biex jinġabru se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi.

(6)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(7)

Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 41 % u 104 % u livell tat-tneħħija ta’ ħsara ta’ bejn 70 % u 165 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(8)

Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex titneħħa l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(9)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(10)

Kwalunkwe data personali li tinġabar fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku, tat-tip li jintużaw: fuq karozzi bil-mutur (inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq) u fuq karozzi tal-linja jew trakkijiet b’indiċi tal-kapaċità għat-tagħbija li ma jaqbiżx il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 4011 10 11 u 4011 20 10 .

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi 9 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/2778, 21.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2778/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1538/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)